30 ta’ Novembru 2005 – Festa Liturġika

///30 ta’ Novembru 2005 – Festa Liturġika
30 ta’ Novembru 2005 – Festa Liturġika 2018-01-04T20:50:09+00:00

Festa Liturġika ta’ Sant’ Andrija Appostlu
30 ta’ Novembru, 2005

Il-festi fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika ta’ l-Appostlu Patrun tagħna Sant’ Andrija laħqu l-qofol tagħhom bil-quddiesa solenni li saret nhar l-Erbgħa 30 ta’ Novembru 2005 fil-Knisja Parrokkjali tar-raħal tagħna.

Il-President flimkien mal-membri tal-Kumitat u l-membri fid-diversi sotto kumitati li tħaddan fiha s-socjeta’ attendew bi ħġarhom għal din il-quddiesa solenni. Is-sezzjonijiet ippreżentaw bukketti lil Sant’ Andrija kif inhu xieraq għal din l-okkazjoni. F’din il-quddiesa fakkret ukoll għeluq l-40 sena minn meta ġie mwaqqaf il-kor parrokkjali ‘Chorus Excelsior’ 1965-2005.  Għal din il-quddiesa l-kor parrokkjali ħaseb sabiex ikun akkumpanjat minn orkestra u fost il-mużiċisti li daqqew kien hemm bandisti mill-Għaqda Muzikali Sant’ Andrija. Kienet quddiesa mill-isbaħ iċċelebrata mill-ET l-Isqof Micallef li sa ftit tax-xhur ilu kien għadu jservi bħala isqof fil-Kuwait.  Ikkonċelebra flimkien miegħu l-W.Rev. Kappillan Dun Karm Camilleri u diversi qassisin minn Hal Luqa jew li servew lill-parroċċa matul il-medda taż-żmien.

Wara l-quddiesa membri mill-kumitat kienu mistiedna mill-‘Chorus Excelsior’ għal-riceviment ġewwa ċ-Centru Parrokkjali biex jikkomemoraw l-40 sena anniversarju mit-twaqqif tagħhom. Hawnhekk il-kumitat tas-Soċjeta’ tagħna kellu x-xorti li jiltaqa’ u jitkellem ma’ l-ET l-Isqof Micallef. Huwa serva bħala Isqof għal ‘il fuq minn 20 sena gewwa l-Kuwait fejn esperjenza mill-qrib iż-żminijet koroħ tal-gwerra tal-Golf.

Il-President u s-Segretaju ferħu lill-membri tal-kor għas-suċċessi miksuba matul dawn l-40 sena li huma servew lill-kommunita Halluqija bil-kant tagħhom. Għal din l-okkazjoni l-President tas-Socjeta s-sur Raymond Zammit ippreżenta lill-president tal-kor is-sur Louis Grima memento f’isem l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u l-membri tagħha biex jinżamm bħala tifkira ta’ din l-okkazjoni sabiħa.

Biex tara r-ritratti ta’ din l-attivita’ idħol MediaGalery/General

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.