Fil-ġranet sbieħ tal-Milied, is-Sezzjoni Żgħażagħ tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ser ittella’ attivita’ unika fil-Każin tas-Soċjeta’ u fix-Xelter li jinsab taħt il-pjazza tar-raħal.
Ħal Luqa għandu rabta speċjali mal-festi tal-Milied tant hu hekk li fil-Knisja Parrokjali nsibu artal iddedikat lit-twelid ta’ Ġesu’. Il-kwadru tiegħu huwa xogħol mill-isbaħ tal-magħruf Ġużeppi Cali’ li sar fl-1908, propju mitt sena ilu. Fil Milied tas-sena 2007 il ‘Maltapost’ flimkien mal-‘Officio filatelico’ tal-belt tal-Vatikan ħarġu sett ta 3 bolli konġunta (joint issue) ta’ dan il-kwadru u dettalji minnu.
Din is-sena jaħbat ukoll il-125 anniversarju minn meta propju fl-1883 f’Ħal-Luqa saret l-ewwel Priedka tat-tifel f‘Malta fuq inizjattiva tal-Kappillan Dun Ġużepp Trapani sabiex ikabbar is-solennita’ tal-festa tal–Milied. Dakinhar il priedka għamilha it- tfajjel Ġorġ Sapiano, it-tifel ta’ l-arluġġar magħruf Mikelanġ Sapiano. Huwa kellu madwar 10 snin u meta kiber dan it-tfajjel sar Qassis. Ta’ min jgħid ukoll li propju 145 sena ilu fl-1864 il-Patri Ġiżwita Indri Schembri minn Ħal Luqa kiteb il- poeżija Benniena ta Ġesu’ bambin li wara saret magħrufa bħala l-għanja Ninni la tibkix Iżjed.
L-Attivita li ser tittella’ mis-Sezzjoni Żgħażagħ bl-isem ‘ Benniena ta’ Ġesu’ Bambin’, ser tfakkar dawn l-anniversarji hekk importanti u għeżież għall-parroċċa ta’ Ħal Luqa. Il-Wirja ser tkun mifruxa kemm fix-Xelter ta żmien it-tieni Gwerra dinjija li jinsab taħt iż-żewġ pjazez ewlenin u fil-Każin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u ser tkun tikkonsisti f ‘rappreżentazzjoni ħajja ta’ diversi tradizzjonijet marbutin mal–Milied bħall-priedka tat-tifel, Ikel tradizzjonali, u l-Quddiesa ta’ nofsillejl fost oħrajn. Attrazzjoni speċjali f’din il-wirja ser tkun rappreżentazzjoni ħajja tan-Nativita’ kif narawha fil-Kwadru ta’ Gużeppi Cali’. Ser ikun hemm ukoll esebizzjoni ta’ diversi settijiet ta’ bolli Maltin li l-Posta ta’ Malta ħarġet għal żmien il-Milied mill-1964 sa llum. Din il-kollezjoni tiġbor fiha storja u tagħrif ta’ 45 sena ta’ bolli li ta’ kull sena il-Posta ta’ Malta toħroġ fl-okkażjoni tal-festi tal- Milied.
Il-ftuħ uffiċjali ta’din l-attivita ser issir nhar il-Ġimgha 19 ta’ Diċembru 2008. Dakinhar ser issir Serata mużiko letterarja fil-Pjazza tal-Knisja ta’ Ħal Luqa. Din is-serata ser ssir biex jingħata gieħ xieraq lil dawn il persunaġġi li sawru u żammew ħajja dawn it-tradizzjonijet sbieħ tal Milied.