Alexander F. Serge – President Onorarju – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Alexander F. Serge – President Onorarju

///Alexander F. Serge – President Onorarju
Alexander F. Serge – President Onorarju 2017-12-30T23:23:38+00:00

serge

Alexander F. Serge jew kif kien aħjar magħruf is-sur Alex twieled f’tas-Sliema u tgħammed fil-parroċċa ta’ Stella Maris. Kien it-tieni iben fost tlett aħwa: Affie, Alex u Joe. Għal ħabta ta’ l-1934 missier Alex ġie joqgħod Ħal Luqa u fetaħ spiżerija fejn kien il-każin ta’ Sant’Andrija fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali.

Alex, kif kien l-iktar magħruf, kien jitgħallem fl-iskola St Aloysius College tal-Ġiżwiti f’Birkirkara u fi tfulitu kien diġa beda’ juri sinjali ta’ leadership. Ma damx ma ntegra ruħu mat-tfal tar-raħal għax kien iħobb ħafna l-festa, il-futbol u ta’ tfajjel li kien, kien jilgħab bil-mudell tal-knisja fid-dar. Kien jagħmel il-festa ta’ San Ġużepp fejn ħafna tfal mir-raħal, kienu jieħdu parti. Meta beda jikber, beda jinteressa ruħu fil-mużika u nsibuħ idoqq il-pjanu li kellhom fid-dar. Qabel it-tieni gwerra dinjija, kien imur ma missieru jbiegħ il-mediċini fl-irħula tal-qrib, u għamel żmien jieħu ħsieb l-ispiżerija li missieru kellu fiż-Żurrieq. Matul it-tieni gwerra l-familja Serge baqgħet tgħix f’Ħal Luqa u l-ispiżerija tagħhom kienet ferm utli f’dak iż-żmien li kien hawn nuqqas kbir ta’ meżżi ta’ trasport.

Wara l-gwerra, l-ħajja bdiet ġejja lura għan-normal u fl-1947, Alex Serge ġie elett President ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija. F’dak iż-żmien, il-Luqa St. Andrew’s Football Club ma kellhomx każin u bl-inizjattiva tas-sur Alex Serge, il-kumitat u l-players bdew jiltaqgħu fil-każin tal-banda Sant’Andrija sakemm wara l-gwerra krew post għalihom.

Kienet b’inizjattiva tal-istess Alex Serge li wasslet biex l-Għaqda Mużikali Sant Andrija xtrat billiard ‘full size’ li kien l-ewwel wieħed ta’ dan id-daqs f’Ħal Luqa. Lil Alex insibuh ukoll bħala bandist tal-“percussion” (batterija) mal-istess socjeta’, u fl-1949 wieħed mill-marċi li ndaqqu fuq ir-Redifussion kien ukoll komposizzjoni tiegħu. Kien ukoll dilettant taċ-ċinema u kien operatur tal-magni mal-KRS ċ-ċensura. Fid-dar tiegħu, kellu kamra attrezzata b’magna taċ-ċinema u kien juri l-films lil ħafna ħbieb li kienu jmorru għandu. Fl-1953, Alex Serge reġa’ ġie maħtur għat-tieni darba President tal-Għaqda Mużikali Sant Andrija. Matul dan il-perjodu, is-soċjeta’ tat bidu għal biċċa xogħol kbira, dik tal-palk tal-banda ddekorat u s-sur Alex daħal għal din il-biċċa xogħol ta’ responsabilta’ li ntemmet b’suċċess.

Meta qorob iċ-Ċentinarju tas-Soċjeta’ s-sur Alex reġa ġie elett President tal-Gġaqda għat-tielet darba u dam għal perjodu ta’ erba’ snin sħaħ, u minnufih ħa r-responsabilta’ sabiex isiru festi xierqa biex jitfakkar dan l-avveniment fl-istorja tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija. Matul dan il-perjodu tal-Presidenza tiegħu, ħa wkoll l-inizjattiva li jitwaqqaf l-ewwel Kumitat tan-Nisa Partitarji u għamel kemm setgħa biex dawn il-festi jirnexxu. Kien maħbub u ammirat minn kulħadd; fuq kollox kien iħobb il-paċi, sew fi ħdan is-soċjeta’ kif ukoll mar-raħal kollu. Wara li temm b’suċċess l-inkariku tiegħu bħala President huwa nħatar bħala President Onorarju tal-istess soċjeta’.

Fuq kollox kien iħobb ħafna l-familja u rabba lil uliedhu kif jixraq. Is-sur Alex ħalliena nhar is-27 ta’ Frar tas-sena 2003.

L-Għaqda Mużikali Sant Andrija ħadet sehem fil-korteo funebri li sar fil-Knisja tas-Sacro Cuor f’tas-Sliema. F’Ħal Luqa is-soċjeta’ organizzat quddiesa għal ruħu fil-Knisja Parrokjali u li għaliha ħadu sehem il-familjari tiegħu kollha flimkien mal-membri tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija u għadd kbir ta’ ħbieb tiegħu Ħal Luqin.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.