Antonio Micallef – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Antonio Micallef

Antonio Micallef 2017-12-30T23:24:32+00:00

A Micallef
Kellna diversi Presidenti li llum m’għadhomx magħna, iżda jinsabu viċin ħafna tal-Appostlu Missier tagħna Sant’ Andrija, igawduh fil-Ġenna. Dawn kollha taw il-kontribut siewi lejn is-Soċjeta’ tagħna. Kollha ħadmu b’għaqal, dedikazzjoni u determinazzjoni speċjalment meta r-riħ kien jonfoħ kontra tagħna. Kienu mexxejja li bl-għaqal tagħhom is-Soċjeta’ tagħna llum tinsab fl-aqwa tagħha. U llum jiena u sħabi tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ngħidulhom: Grazzi tal-ħidma li tajtuna.

Illum nixtieq li nfakkar bniedem li ta kważi ħajtu għas-Soċjeta’ tagħna, is-Sur Antonio Micallef, ex-bandist, ex-Delegat tal-Banda, ex-segretarju, ex-President u temm il-karriera tiegħu mas-Soċjeta’ tagħna bħala President Onorarju.

Is-Sur Tonin, kif kien magħruf minn ħafna, twieled Ħal Luqa fis-6 ta’ Settembru 1900. Huwa kien in-neputi ta’ l-ewwel President ta’ l-ewwel Każin tal-Banda f’Ħal Luqa, is-sur Giuseppe Micallef. Ta’ 15-il sena huwa għamel l-eżami għall-Apprendist fid-Dockyard u ġie it-12-il wieħed minn Malta kollha u beda jaħdem fis-7 ta’ Frar 1916. Qabel spiċċa mit-tarzna kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ Surveyor of Stores.

Is-Sur Tonin minn mindu kien għadu tifel kellu ġibda kbira lejn is-Soċjeta’ tagħna u ta’ 12-il sena beda jdoqq l-Althorn. Is-Sur Tonin kompla attiv fil-każin tagħna u l-ewwel sar membru tal-Kumitat, sar Viċi Segretarju, Viċi President u sar ukoll President ta’ l-istess Soċjeta’ fl-aktar żmien diffiċli tal-gwerra, meta l-każin tfarrak bil-bombi tal-għadu.

U propju hawnhekk rajna l-ħila, il-kapaċita u l-imħabba bla qies tas-Sur Tonin lejn is-Soċjeta’ tagħna; billi ħa r-responsabbilta’ ta’ Kap tal-Familja imnikkta, il-familja tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Kienu żminijiet diffiċli ħafna iżda bħalma għidna. B’għaqal kbir tiegħu għaraf imexxi lis-Soċjeta’ tagħna sabiex din baqgħet soda.

Meta ntemmet il-Gwerra s-Sur Tonin offra l-proprjeta’ tiegħu (il-post fejn illum hem mil-Każin tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija) lis-Soċjeta’ tagħna. Iżda sab min kien qiegħed jagħmillu l-bsaten fir-roti. Minkejja dan it-tfixkil, bħala President tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, is-Sur Tonin baqa’ jistinka, allavolja kien ġie insulentat minn xi nies irresponsabbli. U baqa’ jistinka sakemm ħareġ rebbieħ. Kien bis-saħħa tiegħu biss li llum qegħdin ingawdu l-każin li għandna.

Iż-żgħażagħ tal-lum ma jafuhx lis-Sur Tonin. Jafuh biss forsi minn xi ritratt jew mill-bust li għandna fis-sala tal-Presidenti. Is-Sur Tonin kien bniedem serju, dixxiplinat, onest, fabbli u jħobb lil raħal twelidu….Ħal Luqa.

Kien bniedem karittativ, reliġjuż u kien minn ta’ quddiem biex jgħin lil Għaqdiet oħra, fosthom il-Museum tas-subien, il-Boy Scouts u l-Football Club ta’ Ħal Luqa.

Bħalma għidna s-Sur Tonin kien President tal-Għaqda tagħna fl-aktar żmienijiet diffiċli fil-ħajja tas-Soċjeta’ tagħna, meta r-riħ kien jonfoħ kontra tagħna. Serva bħala President tas-Soċjeta’ tagħna bejn is-snin 1942-44, 1946-47 u 1951-53 u spiċċa bħala President Onorarju sakemm miet fit-30 ta’ Mejju 1983.

Għalkemm naf li mintix tismagħni, jiena u sħabi tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ngħidulek: Grazzi. Grazzi ta’ dak kolli li għamilt għall-Għaqda tagħna u għal Ħal Luqa in ġenerali. Inti m’għadekx magħna iżda l-ispirtu tiegħek jibqa’ magħna għal dejjem.

Ħal Luqa kollha tilfet ġentlom u xhieda ta’ dan kien il-luttu, il-bandieri mezz’asta fil-każini kollha tar-raħal u l-funeral solenni li s-Soċjeta’ tagħna tat lil mibki iżda żgur qatt minsi Antonio Micallef.

Is-sodisfazzjon tiegħi kien li tgħallimt ħafna minn dan ir-raġel li dejjem ħadem u stinka biex l-Għaqda tagħna tkun Soċjeta’ serja, armata b’bandisti tajbin li jagħmlu unur lil Ħal Luqa. Il-Banda Sant’ Andrija kif ukoll il-Festa tal-patrun tagħna Sant’ Andrija kienu l-għanijiet li s-sur Tonin ħadem matul ħajtu kollha.

fima kazin

F’dan ir-ritratt tas-27 t’Awwissu 1969 jidher is-Sur Antonio Micallef bħala il-venditur tal-każin preżenti jiffirma l-kuntratt quddiem il-Kaxxier is-Sur Joseph Demicoli, is-Segretarju s-Sur Frans Mifsud, il-Viċi President is-Sur Feliċ Farruġia, il-President is-Sur Carmelo Baldacchino, in-Nutar George Cassar u l-Assistant Kaxxier is-Sur Joe Galea.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.