Carmelo Magri – Membru Onorarju

///Carmelo Magri – Membru Onorarju
Carmelo Magri – Membru Onorarju 2017-12-31T18:43:24+00:00

F’għodwa xitwija, nhar il-Ħamis 14 ta’ Frar 2008, ġriet l-aħbar bla mistennija tal-mewt għall-għarrieda ta’ Carmelo Magri. Dakinhar, bħalma tista’ tgħid kien jagħmel ta’ kuljum, minkejja li kien xi ftit ma jiflaħx, mar il-kamra tan-nar. Din is-sena, xi ftit aktar minn snin oħra kien hemm entużjażmu kbir fost id-dilettanri, peress li s-Soċjeta’ kienet qed tfakkar il-125 sena anniversarju, u Karmnu bl-akbar responsabbilta’, kien iħoss li jekk jista’ jkun, ta’ kuljum ikun qrib tagħhom.

Carmelo Magri sa minn tfulitu kien midħla sew tas-Soċjeta’ u anki fl-aktar żminijiet diffiċli baqa’ dejjem leali lejha u dan kien jagħmlu bl-akbar responsabbilta’. Meta kien għadu żgħażugħ tgħallem il-mużika u beda jdoqq il-klarinett, u mhux l-ewwel darba li kien iqatta ħafna ħin idoqq il-klarinett fis-sala tal-każin. Tgħallem is-sengħa ta’ ħaddied u daħal jaħdem mal-gvern, iżda l-akbar passjoni li kellu kienet għax-xogħol tan-nar.

Għal diversi snin kien membru fil-kumitat fil-kariga ta’ arkivista. Filfatt konna nsibuh fil-kumitat sa mis-sena 1957, meta kien għad kellu biss 20 sena u sas-sena 1982 dejjem okkupa l-kariga ta’ arkivista, u wara perjodu qasir reġa’ kien fil-kumitat bejn l-1985 u l-1989, jiġifieri b’kollox għal perjodu ta’ 29 sena sħaħ. Karmnu kien bniedem sinċier, onest u ħabrieki li tul ħajtu ħadem bla head sabiex jara lil din l-għaqda timxi ‘l-quddiem fl-oqsma kollha tagħha. Propju fl-oqsma kollha tagħha għax barra d-delizzju tax-xogħol tan-nar, u l-banda kien involva ruħu wkoll fix-xogħol ta’ l-armar, f’dak li hu ħadid u anki fix-xogħol tal-fibre. Mhux biss, iżda kien ukoll jagħti ħafna kas iż-żamma tal-każin u kien dejjem lest li jwassal kritika kostruttiva gġal ġid tas-Socjetà.

Id-delizzju tan-nar kien ġewwa fih, u minkejja li fi Frar ta’ l-1964, flimkien ma tnejn oħra kellu inċident, hu xorta baqa’ jħobb dan ix-xogħol u baqa’ hekk sa l-aħħar. Propju għalhekk, Karmnu rsista sabiex is-Soçjetà jkollha post addattat fejn id-dilettanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-delizzju tagħhom bl-anqas periklu possibli, u l-ħolma tiegħu u ta’ ħafna oħrajn saret realtà meta kienet inawgurata s-St Andrew’s Band Fireworks Factory fil-limiti ta’ Ħal Farruġ, limiti tas-Siġġiewi.

Għal dawn l-aħħar kważi 4 snin(bejn 2004 – 2008), minkejja l-età tiegħu u l-qagħda ta’ saħħtu, refa’ fuq spallejh b’responsabbiltà kbira l-liċenzja tal-kamra tan-nar u f’din is-sena partikulari tal-125 sena anniversarju, b’sagrifiċċju ried li jkompli jagħti s-sehem tiegħu. Iżda kif jgħid il-Malti, il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi u minkejja l-ħerqa li kellu li jara li din is-sena kollha jimxi sew u jkollna festa sabiħa, Alla riedu ħdejh u sabu waqt li kien fl-aktar post għażiż għalih.

“Kemm ilni nafu, jiġifieri ftit aktar minn 25 sena, nistqarr li dejjem rajtu jħabbrek, jagħti l-appoġġ u l-inkurraġament tiegħu u jiġbed l-attenzjoni għal xi nuqqasijiet li kien jinnota. Il-kritika tiegħu kienet dejjem waħda kostruttiva, u qatt ma tkellem kontra ħadd. Dejjem għallimna biex nittolleraw lil kulħadd u nieħdu pjaċir b’dak li nagħmlu aħna! Kien jispirana u jimliena b’kuraġġ kbir biex inkomplu għaddejjin, iżda fuq kollox għallima l-umiltà.

Illum l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija tirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel għaliha, id-dilettanti tal-festi jirringrazzjah tax-xogħol tiegħu u fuq kollox Ħal Luqa tirringrazzjah għall-ħimda tiegħu lejn dan ir-raħal tagħna u l-festa tagħna.”

Dan kien propju dak li stqarrejt fl-okkażjoni tal-funeral tiegħu nhar is-Sibt 16 ta’ Frar 2008, l-akbar ġieħ li setgħet tagħtih l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija kien meta ħatritu bħala Membru Onorarju tagħha u tagħtu l-aħħar tislima tagħha bid-daqq tal-Banda li tagħha kien bandist ukoll.

It-telfa ta’ membri bħal Karmnu Magri hi għafsa ta’ qalb kbira għas-Soċjetà u li titfa’ piż akbar fuqna.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
cheap sarafem Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.