Christopher Ebejer

Christopher Ebejer 2017-12-31T18:43:47+00:00

Profil ta’ l-Iskultur Christopher Ebejer

Christopher Ebejer huwa mill-Qrendi u twieled nhar il-25 ta’ Diċembru 1979. Sa min eta’ żgħira huwa beda jinteressa’ ruħu fix-xogħol ta’ l-arti ta’ l-iskultura. Huwa attenda diversi korsijiet fl-iskola tal-Arti, Manifattura u Kimmerċ fejn kompla jitħarreġ aktar fl-arti tad-disinn. Aktar tard daħal fl-iskola ta’ l-Arti u Arteġjanat ta’ Tarġa Gap fejn wera aktar interess fl-arti tal-iskultura u l-prattika fix-xogħol. Għal tliet snin studja l-istorja ta’ l-arti li ntroduċietu max-xogħlijiet tal-passat fejn ħalliet influwenza kbira fih. Huwa ħa sehem f’diversi esebizzjonijiet privati. Studja d-direzzjoni tal-films ġewwa il-‘Universal Studios’ ġewwa Los Angeles. Gradwat fil-‘Interior Design’ kemm klassiku kif ukoll kontemporanju. Jkollu diversi kummissjonijiet biex jiddisinja esposizzjonijiet u wirjiet.

Fost ix-xogħlijiet li huwa ġie kkummissjonat nsemmu l-għaxar episodji mill-Pasjoni ta’ Ġesu Kristu fil-Każin tal-Banda Sant’ Andrija, statwa tal-bronż li tinsab fil-‘Park’ artistiku ta’ Changchung City fiċ-Ċina u ż-żiemel ta’ ‘Troy’ li nħadem għal istess film ikkummissjonat mill-USA Cable Network.

Referenzi:

Ktieb ‘Miċ-Ċenaklu Sal-Kalvarju 2002
www.freewebs.com/ebejerc/

wirja

L-Arti Sagra u l-Għaxar Episodji mill-Passjoni ta’ Ġesu fit-‘Terracotta’

Meta nitkellmu dwar l-Arti Sagra ma nkunux qed insemmu biss it-teknika jew l-arti li l-artist ikun qed juża’, imam anke l-messaġġ spiritwali ta’ dik l-opra.

Li ttella esebizzjoni ta’ l-arti f’dawn iż-żminijiet u tħalli l-aspett sagru barra jinħass nuqqas, għaliex? Għax il-viżitatur mhux biss irid jara x-xogħol imam anke jrid jidħol f’ambjent li jkun jarmonizza mat-tema. Il-Kamra impekkabli li tħaddan fiha din l-esebizzjoni hija xenografija fiha nnifisha, għaliex biex ġie esebit x-xogħol ġie maħdum sett iddisinjat apposta għal din l-esebizzjoni. Il-‘panels’ tas-set li ġew ddisinjat apposta ħadu l-ispirazzjoni tagħhom mit-twieqi tal-arkitettura Gotika. Dan huwa stil spiritwali li jservi bħala sfond u kif ukoll bħala distinsjoni għax-xogħol tat-terracotta esebit. Ix-xogħol huwa esebit b’tali mod li huma esposti ġewwa mużew.

L-għaxar episodji murija jieħdu spunti mill-ġrajja tal-Passjoni li għadda minnha Ġesu Kristu. Huma maħduma mit-terracotta Taljana moħmija fejn kull figura hija mmudellata b’attenzjoni ndividwali li tirrakkonta espressjoni, movement u drammatiċita’. Uħud mill-interpretazzjonijiet tal-episodji huma melankoniċi bħal Ġetsemani u d-difna fil-qabar, mentri suġġetti oħra bħall-inżul mis-Salib u d-dubju ta’ San Tumas huma aktar drammatiċi u movimentati li jfakkruna fl-arti barokka tas-seklu sbatax minn fejn ix-xogħol kollu huwa spirat.

Christopher Ebejer

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.