Duminku Zarb – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Duminku Zarb

Duminku Zarb 2017-12-30T23:52:59+00:00

L-ewwel statwaIs-sur Zarb twieled fil-Brażil fit-3 ta’ Diċembru 1912, iben Fredu u Maria Ebejer. Meta ġie Malta fl-1920 kien tlaqqam it-tifel tal-Brażil. Fl-1934 huwa żżewweġ lil Maria Palma u kellu tmint itfal. Huwa kien tfajjel intelliġenti u ta’ 18-il sena daħal id-‘Drydock’ bħala ‘apprentice’ u minhemm laħaq ‘Foreman of Trades’ u wara ġie trasferit għal ma’ l-‘Air Ministry’.

Is-sur Zarb beda jistudja l-mużika fil-każin tagħna taħt il-gwida tas-sinjuri Gianpatist Caruana u Ġużeppi Zammit fejn sena wara ddebutta mal-banda tagħna fil-festa tal-Ġimgħa l-Kbira bil-klarinett. Fl-1935 huwa ġie elett fil-kumitat u minn hemm ‘il quddiem beda jaħdem b’ħiltu kollha għall-ġid tas-soċjeta’ tagħna, tant li kien jokkupa kull kariga fl-amministrazzjoni u spiċċa bħala president fis-sena 1955. Dam president bejn il-perjodu 1955 sa l-1963 minn fejn ħalla din id-dinja. Zarb kien suldat ta’ l-azzar tas-soċjeta’ tagħna, u ma kien iċedi qatt pulzier mid-drittijiet tas-soċjeta’ tagħna l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija.

Qabel ma kien president is-sur Zarb serva ta’ segretarju għas-soċjeta’ tagħna u meta nqalgħu l-intoppi dejjem wera l-kapaċitajiet tiegħu sakemm finalment spiċċa kollox b’wiċċ il-ġid. Is-Sur Zarb kien il-moħħ wara l-organizzazzjoni tal-festi kbar li saru għall-ftuħ tal-każin fejn jinsab fil-preżent, fl-1952. Huwa kien il-moħħ sabiex inbena l-planċier artistiku li għadu kkunsidrat bħala wieħed mill-isbaħ, u li kien inawgurat mill-president tal-qorti Sir Luigi Camilleri u mbierek mill-isqof Galea fil-21 ta’ Settembru 1959 u li għal din l-okkażjoni kienu saru festi kbar.

Is-sur Zarb kien il-pijunier fit-traferiment tal-festa ta’ Sant’ Andrija mix-xitwa għas-sajf. Ħadem kemm felaħ sabiex ix-xewqa tal-poplu ta’ Ħal Luqa sseħħ, iżda dan il-bniedem ħabrieki ma rnexxilux jara xewqtu sseħħ għaliex fl-14 ta’ Marzu 1963 ġriet l-aħbar li is-sur Duminku Zarb ħalla din id-dinja. L-Għaqda tagħna dakinhar tilfet raġel lit a parti minn ħajtu biex jiddefendi l-prinċipji leġittimi tas-soċjeta’ tagħna. Huwa ngħata funeral organizzat mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kif kien jixraqlu bħala bniedem ħabrieki u li ħadem b’ħila kbira u li llum is-soċjeta’ tagħna qiegħda tgawdi l-frott tiegħu.

Fir-ritratt jidher is-sur Duminku Zarb bħala vici-President jagħmel diskors ta’ merħba lill-Gvernatur ta’ Malta Sir Gerald Greasly waqt żjara fil-każin tal-Banda Sant’ Andrija fil-21 ta’ Marzu 1950.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
metoclopramide 10mg overdose Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.