Il-Bandisti Franġisku Calleja u Carmelo Mangion – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Bandisti Franġisku Calleja u Carmelo Mangion

///Il-Bandisti Franġisku Calleja u Carmelo Mangion
Il-Bandisti Franġisku Calleja u Carmelo Mangion 2017-12-31T01:52:47+00:00

Ser infakkru u ngħaddu tagħrif fuq Franġisku Calleja u Carmelo Mangion li fir-ritratt t’hawn fuq jidhru bl-uniformi tal-banda circa l-1930, tnejn min-nies li taw kontribut sew bħala bandisti u membri tas-Soċjeta’ tagħna.

Franġisku Calleja

Frangisku Calleja twieled Ħal Luqa minn Giovanni u Giovanna imwielda Mallia. Huwa kien iż-żgħir fost żewġt ħutu oħra, Maria u Ġużeppi. Missieru kien jaħdem bħala burdnar. Ċikku kif kien jissejjaħ ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Ħal Luqa u wara kompla fis-‘central’ tal-Blata l-Bajda. Ta’ eta żgħira meta l-Banda Sant’ Andrija u l-każin kienu fl-aqwa tagħhom, bħal ħafna żgħażagħ f’dawk iż-żminijiet, beda jitgħallem il-mużika fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fejn wara ħareġ iddoqq is-‘saxaphone baritonu. Ċikku daħal fil-Korp tal-Pulizija fejn wara ftit taż-żmien daħal bl-uniformi fir-Royal Air Force. L-aktar xogħol għal qalbu kien ix-xogħol ta’ l-injam, is-sengħa ta’ mastrudaxxa. Ċikku ma ħasibiex darbtejn biex jitlaq minn l-Air Force u fetaħ ħanut ta’ 1injam fi Triq il-Ġdida Ħal Luqa fil-maħżen li kellha l-familja tiegħu u beda jaħdem għal rasu.

Fejn jidħol ix-xogħol ta’ l-injam kien mgħallem u dan jixhduh id-diversi xogħlijiet li ħadem. L-aktar biċċa xogħol għal qalb Ċikku kien il-bieb ta’ barra tad-dar tiegħu fiż-Żurrieq. Bieb maħdum fit-tond b’persjana kbira li ftit tara bħalu jekk mhux l-uniku. Dan il-bieb għadu jinżamm b’għożża kbira għand il-familjari tiegħu.

Hu żżewweġ lil Rosina imwielda Gauci miż-Żurrieq u kellhom ħames ulied, Ġanni, Ġużeppi, Ġanna, Katarina u ż-żgħir Indri. Minn dawn Ġanni u Indri komplew fis-sengħa ta’ missierhom fix-xogħol ta’ l-injam. Wara ż-żwieġ il-koppja marret toqgħod iż-Żurrieq u hemm l-imgħallem għamel ħafna ħbieb u kienu jsejħulu Ċikku l-Luqi. Ċikku ġibed lejn il-Banda Queen Victoria għax kif kien jgħid hu stess “Stilla kont u stilla irrid nibqa’ hawn ukoll” u beda saħansitra anke jdoqq ma’ din il-banda. Fil-fatt meta l-Banda Queen Victoria ġew biex jagħmlu l-ewwel planċier tal-banda, x-xogħol ta’ l-injam ġie fdat f’ idejn Ċikku. Għalkemm irtira mill-Banda Sant’ Andrija sew għax mar joqgħod iż-Żurrieq u anke minħabba x-xogħol tiegħu, xorta waħda l-Banda Sant’ Andrija baqgħet għal qalbu u ma kontx tmur il-ħanut tiegħu fi Triq il-Ġdida li ma kienx jaqbad id-diskors fuq il-każin u l-banda. Ma kienx jonqos ukoll li ma jirrakontax xi ġrajja jew praspura minn ta’ limgħoddi.

Ċikku ħalla din id-dinja fl-1987 fl-eta’ ta’ 71 sena u ġie midfun fil-qabar tal-familja fiż-Żurrieq.

Carmelo Mangion

Carmelo Mangion u Dun Teddy Cumbo flimkien ma' Mro. A. Muscat Azzopardi

Is-Sur Carmelo Mangion (fin-nofs) bil-bandalora tas-Soċjeta’ fl-okkażjoni ta’ l-ewwel quddiesa ta’ Dun Teddy Cumbo. Jidher ukoll Mro. A. Muscat Azzopardi.

II-banda minn dejjem tentużjażma u tiġbed ħafna nies lejha, mhux biss dawk tal-lokal imma anke xi wħud minn barra r-raħal. Issib żgħażagħ minn irħula oħra jiġu jitgħallmu l-mużika fil-każin tagħna. Ħafna drabi dan jagħmluh għax fil-lokalita tagħhom tkun għada ma ġietx imwaqqfa banda. Għandek oħrajn li jiżżewġu u jiġu joqogħdu fir-raħal tagħna u minnhom issib dawk li ġa jkunu bandisti u jingħaqdu ma’ xi banda tal-lokal filwaqt li ohrajn jitħajru jitgħallmu xi strument u jingħaqdu ma’ banda. Wieħed minn dawn kien
Carmelo Mangion. Karmnu kif konna nsejħulu twieled il-Belt Valletta u tgħammed fil-parroċċa ta’ Porto Salvo nhar it-12 ta’ Settembru 1901 minn Giovanni u Carmela imwielda Rapinett. Hu kellu żewġ ħutu oħra Antonio u Pawlu. Fl-l ta’ Dicembru 1918 iżżewweġ lil Maria Assunta imwielda Abdilla minn Ħal Luqa. Wara ż-żwieġ l-koppja ġew joqgħodu Ħal Luqa u kellhom ħamest itfal, Michael, Ġanni, Nina, Rita u Anna. Karmnu kien jaħdem id-dockyard bħala ‘plumber’. Billi kien ġej mill-Belt Valletta, post fejn il-festi u l-baned kienu fl-aqwa tagħhom, Karmenu ġa b’dan id-delizzju beda jiffrekwanta l-każin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fejn sab ħafna ħbieb li bħalu kienu jaħdmu d-dockyard. Ma għaddiex ħafna żmien li ma tħajjarx jitgħallem strument tal-banda fi ħdan l-istess għaqda. Wara li tħarreġ fil-mużika, huwa ħareġ bħala bandist mal-banda Sant’ Andrija jdoqq il-Kornu. Karmnu kien jagħmel kull sagrifiċċju biex ma jonqosx għall-kunċerti u programmi tal-banda. Fill-gwerra waqt attakk ta’ l-għadu mill-ajru, Karmnu bħal ħafna oħrajn kien qiegħed jiskenn fix-xelter, ġara iżda li bil-qawwa tal-bombi waqa xi ġebel fuqu u weġġa serjament u ħallieh b’diżabilita’. Karmnu ma qatax qalbu, kien bniedem ferrieħi u soċjevoli ħafna u kien anke membru fl-Azzjoni Kattolika u fil-British Legion.

Meta rtira mill-banda minħabba l-eta’ tiegħu xorta baqa marbut ħafna mal-każin tal-Banda sant’ Andrija. Kont issibu jieħu parti f’kull attivita’ li tagħmel is-Soċjeta’. Kull filgħaxija kont tarah ġej il-każin jiltaqgħa mal-ħbieb u jgħid xi kelma. Hekk baqa’ jaghmel sakemm il-mewt firditu minn din id-dinja nhar it-18 ta’ Diċembru 1979 fl-eta ta’ 79 sena. Hu ġie midfun fil-qabar tal-familja fiċ-Ċimiterju ta’ Ħal Luqa,

Dawn huma in-nies m’għandniex nonqsu milli niftakru fihom f’talbna.

Ħajr lill-familji Calleja u Mangion għall-informazzjoni u ritratti li għoġobhom jgħaddulna.

Referenzi

Arkivji Parroċċa ta’ Ħal Luqa

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.