Din il-familja kienet komposta minn Francicsus Zammit u martu Giuzeppa li kellhom seba’ ulied, li kienu Carmelo, Mose, Salvu, Bertu, Guzeppi, Maximilla u Andreana. Dawn il-membri ta’ din il-familja kienu attivi ħafna fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u benefatturi kbar. Fl-ewwel snin tal-ħajja tas-Soċjeta’ kien ġie deċiż li ssir statwa. Kienu tressqu żewġ abbozzi ta’ statwi quddiem il-laqgħa ġenerali abbozz li juri lil Malta Gwerriera u l-abbozz l-ieħor ta’ Maximilla. Għal dawk li forsi ma jafux Maximilla kienet il-mara tal-Gvernatur Ruman f’Patras li jingħad li tfejqet minn marda gravi b’miraklu ta’ l-Appostlu Sant’Andrija u kienet konvertita għall-Kristjaneżmu minn l-istess Appostlu wara li ċaħdet lil żewġha. Jingħad ukoll li Maximilla kienet dik li assistit lil dan l-Appostlu waqt il-martirju tiegħu. Mela konna qegħdin ngħidu li tressqu dawn iż-żewġ abbozzi u kien ġie deċiż li ssir l-istatwa ta’ Malta Gwerriera. Hekk il-familja Zammit iddeċidiet u ħalset minn flusha l-istatwa ta’ Maximilla li għada tintrama fil-festa titulari fi triq il-Karmnu.
Is-Sur Carmelo Zammit
Is-Sur Carm li kien spettur tal-pulizija nsibuh bħala l-President ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija mill-1918 sa ma miet fl-eta ta’ 78 sena fis-sena 1942. Matul il-presidenza tieghu l-Każin kien trasferit minn Misraħ il-Knisja għal Misraħ Sant’ Andrija u saru diversi opri ġodda fil-Kazin. Fost dawn wieħed isemmi l-bandiera tas-Soċjeta’, diversi stendardi, ornamenti fis-sala prinċipali tal-Każin, Arkivju Mużikali u vetrina tat-tazzi, planċier tal-banda, strumentatura u sett qniepen tal-banda tad-Ditta Boosey and Hawks, l-uniformi tal-bandisti u ħafna xogħlijiet oħra. Fi Frar tas-sena 1930 is-sur Carm Zammit ta l-flus biex tinxtara magna taċ-ċinematografija biex jibdew jintwerew films fis-sala tal-każin. Wieħed irid isemmi li fl-1938 kien żar il-każin il-Gvernatur Sir Charles Boham Carter. Il-President, is-sur Carm Zammit għamel diskors ta’ merħba filwaqt li ġibidlu l-attenzjoni għall-għadd ta’ żgħażagħ li kienu jinsabu mingħajr xogħol. Il-Gvernatur wieġeb għall-indirizz li għamillu l-President u qal li dawn iż-żgħażagħ kienu se jsibu xogħol fl-ajruport il-ġdid li kien se jinbena f’Ħal Luqa. Is-sur Carmelo Zammit miet fit-30 ta’ Dicembru 1942.
Mose Zammit
Mose kien ġuvni jdoqq il-Kuntrabaxx .fl-Orkestra San Andrea . Hu kien foreman fit-Tarzna ta’ l-Ammiraljat. Kien attiv ħafna fil-każin.Miet b’diżgrazzja fit-tarzna fl-1 ta’ Settembru 1916.
Salvu Zammit
Salvu kien l-uniku wield tal-Familja Zammit li żżewweġ. Martu kienet M’Anna u kellhom żewġt itfal Ġużeppi u Nina. Kien kuntrattur fix-xogħol tal-ġebel u għamel
ħafna xogħlijiet. Fost dawn wieħed isemmi l-bini tan-Navi tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa. Salvu kien membru u benefattur ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija bħal ħutu loħra. Ġużeppi, iben Salvu żżewweġ lil Rosina nee Caruana u kellhom tmint itfal li ħafna minnhom kellhom karigi mportanti fil-Kumitat tas-Socjeta’, kif għandhom ukoll illum it-tfal tagħhom. Ġużeppi kien ammiratur kbir ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, kien bandist idoqq il-kurunetta u wara nsibuh idoqq il-batterija. Fost id-donazzjonijiet li ta wieħed isemmi ċ-ċentru artistiku tal-ġewż li għadu jżejjen is-sala prinċipali tal-każin sal-lum. Nina żżewġet lil Ninu Cremona (iz-zanz) li iżda ma kellhomx tfal. It-tnejn kienu ammiraturi kbar u Ninu Cremona jibqa’ jisemma għax-xogħol tan-nar li kien jaħdem għall-festa. Salvu Zammit miet fis-27 ta’ Dicembru 1936
Bertu Zammit
Bertu kien jaħdem ma’ ħuh Salvu u jingħad li l-kampnar tan-naħa tal-Vanġelu tellgħu hu, meta ħuh Salvu kien inkarigat mill-bini tan-Navi. Hu kien membru u ammiratur kbir ta’ lGħaqda Mużikali Sant’ Andrija’. Miet fit-28 ta’ Novembru 1934.
Ġużeppi Zammit
Ġużeppi kien idoqq vjolin fl-Orkestra San Andrea u Althorn fil-banda Sant’ Andrija. Hu kien jaħdem bħala ‘coppersmith’ fit-tarzna ta’ l-Ammiraljat u spiċċa mix-xogħol
qabel iż-żmien meta bdiet it-tieni gwerra dinija. Ġużeppi kien jieħu ħsieb il-bar tal-każin mingħajr ħlas u l-qligħ kien imur għall-każin. Kien ukoll isewwi l-istrumenti tar-ram mingħajr ħlas u l-istrumenti li ġratilhom il-ħsara meta ġġaraf il-każin f’Misraħ Sant’ Andrija, kien sewwihom hu flimkien ma’ Ninu Cremona, li kien ‘Coppersmith’ ukoll. Ġużeppi Zammit kien teżorier għal ħafna snin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Hu miet 24 ta’ Awissu 1956.
Maximilla Zammit
Maximilla kienet magħrufa bħala Max tas-smina kienet ammirattiċi u benefattura kbira ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Fl-1932 bl-inizjattiva tagħha, meta ħuha s-sur Carm kien president, ġiet irregalata bandalora lill-Għaqda tagħna li ġġib l-arma ta’ Sant’ Andrija
u tas-Soċjeta’ rrakmata bil-ħajt tad-deheb. Din kienet ippreżentata lis-Soċjeta’ mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Sir Ugo Mifsud f’isem il-familja Zammit. Meta l-aljevi tal-banda kienu joħorġu jdoqqu mal-banda din kienet tħitilhom l-uniformi għas-spejjez tagħha. Għad fadal xi bandisti anzjani li kienu bbenefikaw minn din il-ġenerożita. Kienet ukoll ġeneruza mal-familji fil-bżonn li f’dawk iż-zminijiet kien hawn ħafna minnhom. Jingħad ukoll li kienet tħallas l-ispejjez biex ikun jista’ jsir il-paneġirku tal-festa ta’ Sant’ Andrija. Meta kien jiġi s-surmast Muscat Azzopardi għall-kunċerti tal-banda kienet tlestilu l-ikel ta’ filgħaxija u wara kien jorqod fil-każin. Mietet fl-24 ta’ Ġunju, 1956.
Andreana Zammit
Andreana kienet xebba mogħtija għax-xogħol tad-dar. Din bħal ħuta kienet ukoll ammiratriċi u ma kienet titlef l-ebda okkażjoni li fiha tkun se tieħu sehem l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Għal kull attivita lil Andreana kont taraha ma’ oħtha Maximilla. Mietet fl-4 ta’ Dicembru 1962.
Hekk naraw li d-dixxindenti ta’ din il-familja għadhom involuti sew fl-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u għadhom jokkupaw karigi importanti fil-Kumitat tagħha. Lil dawn
aħna nixtiqulhom għomor twil biex ikunu jistgħu jgawdu l-frott ta’ ħidmithom u ta’ lantenati tagħhom.