Indri Vassallo – L-Aqwa Arkitett Malti ta’ żmienu – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Indri Vassallo – L-Aqwa Arkitett Malti ta’ żmienu

///Indri Vassallo – L-Aqwa Arkitett Malti ta’ żmienu
Indri Vassallo – L-Aqwa Arkitett Malti ta’ żmienu 2017-12-31T00:51:58+00:00

Indri Vassallo

Il-ġenju ta’ dan il-Ħal Luqi fl-arti arkitettonika tidher meta wieħed isir jaf li qatt ma għamel kors regulari ta’ l-arkitettura, b’danakollu wasal biex bena I-Knisja ta’ Pinu, Għawdex, li hi “għaġeb fl-eżattezza tal-proporzjonijiet, tas-simetrija u l-iskultura ġewwa u barra, kollox maħluq minnu.”

Twieled fit-2 ta’ Jannar, 1856, iben l-imgħallem tal-ġebel Salvu u martu Katerina nee Sammut. Hu kellu tlett ħutu oħra, Ġużeppi, Karmenu u Ġanni. Filwaqt li nsibu li Ġużeppi u Karmenu saru t-tnejn qassisin u t-tnejn iddedikaw ruħhom għall-parroċċa, Ġanni nsibu li għamel isem fil-qasam nazzjonali ta’ l-ilsein Malti u Dun Karm kiteb hekk meta tħabbret il-mewt tiegħu:

Ġanni Vassallo
Ħabib tal-ilsien Malti
Bil-għaqal bix-xogħol bil-għerf
Wettaq is-sisien
Saħħaħ l-imrammi
Roqom il-bini
Tal-Kitba Maltija

Fl-1887, Indri ta’ 31 sena kien ġa beda juri l-ħila tiegħu fl-arkitettura, laħaq Clerk of Works fid-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi. F’din il-kariga kellu f’idejħ, fost xogħol ieħor, il-bini ta’ l-Isptar tax-Xjuħ, I-Imgieret, u l-iskejjel tal-Ħamrun u tas-Sliema.

Fl-1908 il-Gvernatur Sir HF Grant, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ l-Eżamijiet tal-Periti, tah il- warrant ta’ perit, PAA. L-għotja qanqlet kritika minn xi wħud fil-Kunsill tal-Gvern. It-tweġiba uffiċjali kienet: “Għalkemm I.Vassallo qatt ma għamel kors regulari fl-arkitettura fl-Universita, hu għandu d-diploma ta’ Inġinier Ċivili (CE) u hu Membru ta’ I-Istitut Britanniku ta’ l-Arkitetti (MIBA). Barra minn dan, iI-Bord ikkonsidra wkoll il-ħila teknika ta’ Vassallo.”

F’Ġunju ta’ l-istess sena (1908) Vassallo attenda, fuq stedina ta’ l-istess Istitut Britanniku, it-Tmien Kungress Internazzjonali ta’ l-Arkitetti fi Vjenna. Fost il-ħbieb tiegħu kien igħodd l-aqwa arkitetti Ewropej ta’ żmienu fosthom Basile, Piacentini, Simpson, Stokes, u Davidson. Ħafna kienu r-rivisti barranin ta’ l-arkitettura li talbuh jippubblikaw ix-xogħolijiet u l-kitba tiegħu.

Kien għad għandu biss 27 sena meta fl-1883 l-arċipriet tal-Furjana, Lauron, qabbdu jħejji disinn għall-faċċata tal-knisja parrokkjali. Għamel disinn ieħor il-professur Nikola Żammit. Kbir kien id-diżappunt ta’ Vassallo meta l-arċipriet ħareġ biss għall wiri d-disinn ta’ Żammit. Wieħed korrispondent li kkritika din il-mossa kiteb: “Rajt iż-żewġ disinji, għoġobni dak tal-professur Żammit, imma tas-Sur Vassallo saħħarni”.

L-ewwel biċċa xogħol kbira tiegħu kien it-teatru Prinċipessa Melita f’tas-Sliema F1-1885. “Disinn sabiħ u jolqtok li juri l-kapaċita ta’ Indri Vassallo – opra tabilħaqq perfetta”, kiteb wieħed fil-Malta. Fl-istess sena bena mill-ġdid il-monument ta’ Sir Alexander Ball li hemm fil-Barrakka t’lsfel.

Minn taħt idejh ukoll ħarġet id-dar tal-Little Sisters of the Poor, il-Ħamrun. Mexxa l-bini ta’ l-Isptar tal-Blue Sisters li ġie inawgurat fl-1910. Fl-1921 għamel id-disinn tat-tribuna tal-Bażilika ta’ l-Isla. Fl-1923 rebaħ konkors bil-pjanta li għamel għal koppla u kampnari għall-Knisja ta’ S. Gejtanu, l-Ħamrun. Kien biss fl-1954-56 li l-koppla nbniet taħt id-direzzjoni ta’ Sur Ġuże D’ Amato, li għamel xi tibdiliet fid-disinn ta’ Vassallo.

F’Ħal Luqa baqgħalna ħjiel żgħir ta’ l-id li kellu għad-disinn u dan narawh fl-armar li kien jintrama fil-pjazza ta’ Ħal Luqa għall-festa sa xi ftit snin ilu, flimkien mal-pedistalli għadu jintrama sal-lum mis-Soċjeta tagħna. Fil-fatt Indri Vassallo kien soċju ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u meta kien ġie deċiż li jsir pedistall u statwa ta’ Malta Gwerriera, dan kien ġie avviċinat u nħadem il-pedistall flimkien ma’ żewġ pilandri fuq disinn tiegħu. F’dan ix-xogħol, wieħed jara s-sens tal-proporzjonijiet perfetti li fih, li b’hekk għadu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ xogħolijiet li jintramaw fil-festa. Id-disinn ta’ dan il-pedistall kien għamlu meta kellu madwar 29 sena għax fil-fatt intrama 1-ewwel darba fl-1886. Dwar l-armar l-ieħor nistgħu ngħidu li hu ta’ ċerta klassi fejn il-proporzjonijiet għal darb’ oħra huma perfetti.

Baqa’ jissemma wkoll l-armar li Vassallo għamel għall-Kungress Ewkaristiku Intemazzjonali li sar f’Malta fl-1913. F’din l-okkażjoni kien membru fil-kumitat esekuttiv u president tas-sotto-kumitat għat-tiżjin tat-toroq. F’laqgħa ta’ l-esekuttiv Ii saret fit-3 ta’ Ottubru 1912, Vassallo ressaq id-disinji kollha mitluba minnu. Il-Ħabib ikkummenta hekk fuqhom: “Kulħadd baqa’ mistagħġeb mhux biss bl-idejat kbar, ġodda u sbieħ tiegħu, imma bir-reqqa li biha ħaseb għal kollox. Vassallo, b’disinji li ma għandhom x’jaqsmu xejn ma’ dawk kollha li nafu bihom s’issa, sejjer ibiddel il-Belt”.

Ta’ min isemmi l-ark trijonfali mwaqqaf ħdejn Putirjal, u t-tribuna mnejn ingħatat il-Barka Sagramentali. Mons. Heylen, li kien president tal-Kumitat Permanenti tal-Kungressi Ewkaristiċi, stqarr li “f’ebda belt oħra ma sar tiżjin bħal dan għall-kungressi ewkaristiċi”. Il-Papa Piju X, meta sema’ kemm stinka, ta lil Vassallo Is-Salib ta’ Kavalier ta’ l-Ordni ta’ S. Girgor il-Kbir.i

Imma l-kapolavur tal-perit Vassallo bla dubju ta’ xejn hi l-Knisja ta’ Pinu. Il-pjanta fuq stil Lombardo-Romanesk kienet għall-wiri f’ April 1919. L-Isqof ta’ dak iż-żmien f’Għawdex kien Mgr GM Camilleri. Sena wara, fit-30 ta’ Mejju 1920, tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja. Il-konsagrazzjoni tagħha saret ħdax-il sena wara, fit-13 ta’ Diċembru 1931 mill-Isqof ta’ Għawdxi, Mgr Mikiel Gonzi u disa’ xhur wara saret Bażilika. Din il-knisja għandha tul ta’ 46 metru u wisa’ ta’ 30 metru. Il-kampnar tagħha li hu maqtugħ għalih hu 47 metru għoli. Ma kellux xorti jaraha lesta għal kollox. Miet fl-Isptar tal-Blue Sisters wara operazzjoni, fil-21 ta’ Jannar, 1928. Jinsab midfun fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata.

Referenzi:

Ħal Luqa Niesha u Ġrajjietha – Dun Ġużepp Micallef
The Sanctuary of the Blessed Virgin of Ta’ Pinu, Heritage – Edgar Montanaro

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.