Infakkru l-Bandisti Tumas u ibnu Wiġi Camenzuli – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Infakkru l-Bandisti Tumas u ibnu Wiġi Camenzuli

///Infakkru l-Bandisti Tumas u ibnu Wiġi Camenzuli
Infakkru l-Bandisti Tumas u ibnu Wiġi Camenzuli 2017-12-31T00:52:33+00:00

Kultant jagħddilek il-ħsieb minn moħħok u ssaqsi lilek innifsek, min jaf min kienu l-ewwel bandisti ta’ din il-banda u l-familji tagħhom? Tibda tagħmel ir-riċerka u ssaqsi l-anzjani tal-każin, bil-mod il-mod tibda tiskopri min huma dawn il-bandisti. Sorsi oħra għal ġbir ta’ informazzjoni huma kotba antiki li għandna fl-arkivji tal-każin u gazzetti ta’ dawk iż-żminijiet.

Meta dan l-aħħar snin instab l-ewwel innu tal-banda ‘Al Martire San Andrea Appostolo’, mużika ta’l-ewwel surmast ta’ din il-banda Tumaso Galea fuq versi ta’ wieħed mhux magħruf, u indaqq mill-banda Sant’ Andrija għall-ewwel darba fil-festa ta’ l-1886, fil-Gazzetta ‘Malta’ ta’ l-14 ta’ Diċembru 1886 li dan l-innu kien ferm applawdit min-nies preżenti. Dan l-innu kien ta’ għajnuna mhux ftit biex niskopri min huma dawn il-bandisti, għar-raġuni li s-surmast Tumas Galea fuq il-partijiet ta’ dan l-innu kien iniżżel l-isem u anke ġieli l-eta’ tal-bandisti li għandhom idoqqu. Fuq waħda minn dawn il-partijiet insibu l-isem tal-bandist Tumas Camenżuli.

innu

Tumas Camenżuli

Tumas Camenżuli magħruf minn ta’ Niġa twieled Ħal Luqa fit-22 ta’ Ġunju 1868 minn Wiġi u Anna mwielda Tanti. Tumas kien wieħed mill-ewwel sittax-il bandist żagħżugħ u intelliġenti, kif sejħitilhom il-gazzetta ‘Malta’ tat-3 ta’ Settembru 1884, li l-fundatur Giuseppe Micallef kellu biex jifforma u jwaqqaf l-ewwel banda ġewwa Ħal Luqa. Tumas kien idoqq il-kurunetta u għal ħafna snin kien is-solista tal-banda. Kienet għal qalbu ħafna l-banda u baqa’ jagħti l-kontribut tiegħu għal ħafna snin sew bħala bandist kif ukoll bħala membru. Hu kien joqgħod fi Triq Sant’ Andrija. Kien sid ta’ barriera tal-ġebel, il-post fejn kien ħadem biex jaqla’ l-għixien tiegħu u tal-familja.

Fis-6 ta’ Ġunju, 1897 iżżewweġ lil Maria Concetta Schembri. Huma kellhom sitt ulied li kienu Carmel, Wiġi, Colina, Anna, Indri u Ġużeppa. Wiġi mexa fuq il-passi ta’ missieru filwaqt li nsibu li ħuh Indri, emigra lejn l-Awstralja.

Wiġi Camenżuli

santa
Wiġi twieled fis-17 ta’ Jannar 1904. Hu kien it-tieni wild ta’ Tumas u Concetta. Ta’ eta żgħira inħeġġeġ minn missieru beda jitgħallem il-mużika fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Għalkemm Missieru kien idoqq il-kurunetta hu għażel li jistudja t-trumbun. Wara ftit ta’ żmien ħareġ idoqq b’dan l-istrument mal-Banda. Wiġi nsibuh bandist dedikat u qatt ma kien jonqos mis-servizzi li kienet tagħmel il-Banda. Kemm kien ferħan meta fl-20 t’ April 1924, ħa sehem fil-programm li l-banda esegwiet f’Misraħ il-Knisja. Għal din l-okkażjoni, il-banda żanżnet uniformi bajda, planċier, kif ukoll sett qniepen tad-ditta Boosey & Hawkes.

Irrakontali Carmelo Seychell, l-aktar membru anzjan u membru onorarju tas-Soċjeta fl-2004 meta kien għadu mimli bl-għomor, “lil Wiġi niftakru sew kien, kien ġuvni b’saħħtu, twil u sabiħ. L-akbar ħabib li kellu kien il-Perit Indri Micallef li kien jaħdem bħala Perit id-Dockyard.” Hu kien jaħdem id-dockyard bħala ‘coppersmith’. Qabel ma kienx haw nil-kura u l-mediċina li hawn illum. In-nies li kienu jimirdu speċjalment it-trabi, ħafna minnhom kienu jsibu ruħhom għand il-ħallieq. Hekk ġralu Wiġi. Fl-aqwa ta’ żogħżitu ħakmitu marda li t-tobba ma kellhomx kura għalija u f’temp qasir, Wiġi miet. “Jien”, kompla jirrakkonta Carmelo Seychell,”mort infittex lill-Perit. Sibtu l-knisja u għidtlu li Wiġi ħalliena.”

Kien nhar is-7 ta’ Mejju, 1930. Kien għad kellu miss 26 sena. Tefa’ lis-Soċjeta’ fl-luttu kbir, tilfet bandist żagħżugħ. Sarlu funeral kbir kif verament kien jixraqlu. Is-Soċjeta Mużikali Sant’ Andrija flimkien mal-korp bandistiku tagħha akkumpanjat bl-istandardi tagħha filwaqt li l-banda l-oħra, Unjoni, daqqet marċi funebri kif kienet l-użanza f’dawk iż-żminijiet. Wiġi ġie midfun iċ-ċimiterju ta’ Triq Valletta, f’qabar no. 4.

Ħajr lill-familja Camenżuli għall-informazzjoni u ritratti li għoġobhom jgħaddulna.

Referenzi:

Arkivju Parrokkjali – Ħal Luqa
Dokumenti antiki tal-Każin

santa

Il-funeral ta’ Wiġi Camenżuli, għaddej minn Triq Sant Andrija bil-Banda Unione ddoqq marċi funebri waqt li l-Kumitat, bandisti u Soċi tas-Soċjeta’ Filarmonica San Andrea jakkumpanjaw kif kienet l-użanza.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.