Is-Sur Carmelo Baldacchino

///Is-Sur Carmelo Baldacchino
Is-Sur Carmelo Baldacchino 2017-12-31T01:31:16+00:00

Apprezzament lis-Sur Carmelo Baldacchino fl-okkazjoni tal-Funeral tiegħu t-Tnejn 24 ta’ April, 2006 mill-President.

Għażiża Adriana, sinjuri u ħbieb, ippermettuli f’isem l-Ghaqda Muzikali Sant’ Andrija naqsam magħkom dawn il-ftit ħsibijiet, f’din l-okkazjoni ta’ dieqa, fuq il-maħbub ħuna s-sur Carmelo Baldacchino ex President u President Onorarju ta’ din is-soċjeta.

L-għodwa ta’ l-23 t’April żgur li mhux ser ninsewha malajr, l-ġurnata li fiha l-aħbar tat-telfa tas-Sur Carmelo Baldacchino ħasditna lkoll.

Is-sur Karm kif naħseb li lkoll konna nsejħulu, okkupa karigi importanti kemm f’entitajiet tal-Gvern fosthom l-Enemalta u l-Malta Drydocks u l-onesta u s-sinċerita tiegħu żgur li ġibdu l-ammirazzjoni ta’ kulmin ħadem miegħu. Kien imfittex minn ħafna, anke mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż, għal xi parrir tekniku u b’dik l-onesta tiegħu u b’imħabba kbira kien ikun lest li jgħin lil kulħadd u jagħti l-aħjar parir possibli.

Iżda żgur li wara l-imħabba lejn il-familjari tiegħu, l-akbar imħabba tiegħu kienet l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Għalih din kienet is-sieħba tiegħu. F’dawn il-kelmtejn mhux l-intenzzjoni tiegħi li nsemmi dak kollu li għamel għal din l-għaqda mużikali għax żgur li ma jirnexxilix. Is-sur Karm bejn l-1967 u l-1990 okkupa għal diversi snin u f’diversi okkażjonijiet il-kariga ta’ President ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u meta ma kienx f’din il-kariga xorta waħda kien jokkupa xi kariga oħra fil-kumitat tagħha. Għal diversi snin il-presenza tiegħu fil-kumitat kienet indispensabbli u meta kont titkellem fuq l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ma stajtx ma semmiex ukoll lis-sur Karm. Kien hu li lili bħal ħafna oħrajn involvini fil-kumitat ta’ din l-għaqda u hekk kelli x-xorti li nkun gHal diversi snin viċin tiegħu. Fil-kumitat hu kien dejjem l-ispirazzjoni f’kull sitwazzjoni. Kien minjiera ta’ tagħrif bi snin twal ta’ esperjenza u kellu r-risposta u soluzzjoni għal ħafna mid-diffikultajiet.

Kemm ilni nafu, jiġifieri għal dawn l-aħħar 25 sena, nistqarr li rajtu jinvolvi ruħu u jagħti l-appoġġ u l-inkurraġament tiegħu f’kull sezzjoni ta’ l-għaqda u kien dejjem lest li jgħin lil kulħadd, liż-żgħażagħ, lid-dilettanti ta’ l-armar, tan-nar u l-Banda.

Iżda l-akbar imħabba tiegħu kienet lejn il-banda. Is-sur Karm kien ukoll bandist iżda fuq kollox kien għalliem. Ghal kwazi 20 sena sħaħ, hu ħa f’idejh it-tagħlim tal-mużika b’kollaborazzjoni mas-surmast. Għal ħinijiet twal u ta’ kuljum kont taraħ imdawwar b’numru ta’ tfal u żgħażagħ jgħallem f’waħda mis-swali tal-każin, tant li aħna din is-sala bdejna u għadna nsejħulha l-kamra ta’ Baldacchin. Id-dedikazzjoni li kellu għat-tagħlim kienet waħda mpressjonanti. Il-ħinijiet twal li kien jagħmel u l-attenzjoni li kien jagħti lil kull tifel u tifla kienu xi ħaga li tgħaġbek. Mbagħad ħallieh jirrnaġa xi siltiet mużikali ħfief u jlaqqa’ lil dawn l-istess tfal kull nhar ta’ Ħadd filgħodu u flimkien jagħmlu kunċert. It-tbissima li kien ikollu u l-ferħ ta’ dawn l-aljevi żgur li għada f’qalb kull wieħed u waħda minnhom. B’dawn l-istess aljevi meta saru bandisti twaqqfet il-banda taż-żgħażagħ li ppartecipat kemm-il darba f’konkorsi u kunċerti u dawn l-istess żgħażagħ, illum irġiel u nisa huma ħafna mill-bandisti tal-Banda Sant’ Andrija.

Ippermettuli hawnhekk naqralkom silta minn messaġġ li deher fil-guestbook tas-soċjeta llum minn wieħed minn dawn il-bandisti, Alex W Carachi u li miegħu żgur li jingħaqdu dawk kollha li bħalu kienu aljevi tiegħu.

“Kienet għalija, kif ukoll bla ebda dubju għal ħafna oħrajn dik il-persuna li uriena u għallimna napprezzaw wieħed mill-isbaħ doni li seta’ qatt jakkwista’ l-bniedem: l-imħabba lejn il-mużika. Għalhekk nixtieq ukoll nagħti l-aħħar tislima lis-‘Sur Baldacchin”, li tassew kien jirrappreżenta l-imħabba speċjali lejn dinja magħmula mhux biss minn noti, imma wkoll minn melodiji li jgħallmu u jgħaqqdu ‘l-ġnus”. Grazzi mill-qalb sur Karm.”

Dan hu l-akbar wirt fost il-wirt kbir li ħallielna s-sur Karm, mhux biss lill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija iżda wkoll lir-raħal ta’ Ħal Luqa. Wirt li bħalma hu rikkonoxxut mill-Għaqda tagħna, daqstant ieħor għandu jkun rikonoxxut mir-raħal tagħna.

L-akbar dispjaċir tiegħu kien meta minħabba raġunijiet ta’ saħħa ma setax ikompli jgħallem u meta dan l-aħħar kellu kontra qalbu jħalli r-raħal tagħna minħabba saħħtu u ma setax ikompli jiġi sal-każin. Iżda qalbu baqgħet hawn u kull meta kont titkellem miegħu l-ewwel diskors kien ikun fuq il-każin u fuq il-banda. L-aħħar li kien fostna f’Ħal Luqa kien propju fil-Ġimgħa l-Kbira għax ried jiġi jara u jisma l-banda li tant kien iħobb u li tant ħadem għaliha.

Aħna li konna nafuħ, li ħdimna miegħu u li tgħallimna mingħandu, għandna għax nirringrazzjaw lil Alla li tana din ix-xorti.

L-umilta tiegħu kabbritu, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u Ħal Luqa tilfu bniedem kbir, s-sur Karm għandu jkun mera għalina llkol, jalla dak li għallimna ngħożżuh, nkattruh u ngħadduh lil ta’ warajna. In-nuqqas tiegħu żgur li se jħalli vojt kbir fl-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. F’isimkom ilkoll u f’isem bosta ħafna aktar ngħidlu, Grazzi Sur Karm ta’ dak kollu li għamilt, dak kollu li għallimtna u mis-sema minn ħdejn Sant’ Andrija dak li tant ħabbejt, issa idħol għalina.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
cheap lamisil pills Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.