Is-Sur Francis X. Dalli – President Onorarju

///Is-Sur Francis X. Dalli – President Onorarju
Is-Sur Francis X. Dalli – President Onorarju 2017-12-31T01:32:51+00:00

Matul is-snin, is-Soċjeta tilfet diversi mill-imseħbin tagħha li ħadmu ħafna fi ħdanha. B’dawn l-artikli fuq dawn il-persuni ser nirringrazzjawhom tax-xogħol siewi li għamlu għall-Għaqda tagħna, u dan is-sit jkun mezz ta’ kif dawn in-nies nibqgħu niftakruhom.

IS-SUR FRANCIS X DALLI
President Onorarju

karru

Frangisku Saverju Dalli, magħruf ħala Saverin għall-ħabta tal-1936 beda
jitgħallem il-klarinett fil-Każin tal-Banda Sant’ Andrija għand is-Sur Salvu Ciappara flimkien ma’ ħafna tfal oħra. Fil-festa ta’ Santa Katarina tal-1937 il-Banda Sant’ Andrija marret iddoqq iż-Żurrieq u Saverin daqq għall-ewwel darba mall-banda f’ dan is-servizz. Wara li beda jdoqq mal-banda xorta baqa’ jistudja l-klarinett u s-Surmast tal-Banda Chev. Antonio Muscat Azzopardi ma damx ma’ poġġieh idoqq klarinett prim.

Meta sar ġuvnott, għamel l-eżami mar-Royal Airforce, ikkwalifika u beda jaħdem
ta’ skrivan tal-Prima mal-RAF. Fl-istess żmien f’Ħal Luqa kien hawn grupp ta’ Scouts u Saverin Dalli daħal f’dan il-grupp u beda jdoqq mal-banda ta’ l-Iscouts ma’ ħafna żgħażagħ oħra mill-Għaqda tagħna. Dan il-grupp kien jagħmel “church parade” kważi kull nhar ta’ Ħadd filgħodu u kien idoqq marċ fit-toroq tar-raħal u f’irħula oħra tal-viċin. Fil-bidu tat-tieni gwerra dinjija l-iscouts bdew jgħinu biex tinżamm l-ordni fir-raħal, speċjalment waqt l-“air raids” għax kienu għadhom ma sarux ix-xelters. Meta l-gwerra bdiet tiħrax u beda jaqa il-bini dan il-grupp ta’ l-iscout ma baqax jiffunzjona.

Fil-gwerra, Saverin Dalli baqa’ joqgħod Ħal Luqa. Meta r-Re Gorg VI żar lil Malta f’Ġunju tal-1943, Saverin Dalli pparteċipa mall-Banda Sant’Andrija meta sellmet ir-Re bid-daqq tal-“God Save” x’ħin kien sejjer lejn l-ajruport. Wara l-gwerra
nsibuh fil-kumitat tas-Soċjeta’ bir-responsabbilta ta’ kaxxier. Ftit snin wara, ġie elett segretarju għal sentejn. F’dak iż-żmien meta kienu qed jigu ppreparati l-festi ta’ għeluq il-mitt sena, il-Kumitat kien jiltaqa’ ta’ spiss u wieħed jista’ jimmaġina kemm kellu xogħol is-segretarju biex saru dawk il-festi li damu sejrin tliet ġimgħat. Wara ċ-ċentinarju, is-Soċjeta’ ħatritu President Onorarju.

Saverin Dalli xorta baqa’ jinteressa ruħu fis-Soċjeta’ u jgħin mill-aħjar li seta. Fuq kollox kien iħobb il-familja u rabba lil uliedu kif jixraq. Fil-funeral tiegħu li sar fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ħadet sehem flimkien mal-familja tiegħu, qrabatu u għadd ta’ ħbieb tiegħu.

Agħtih 0 Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.