Is-Sur John Calleja

///Is-Sur John Calleja
Is-Sur John Calleja 2017-12-31T01:57:48+00:00

J Calleja

Fi żmien it-tieni gwerra dinjija, ta’ 11-il sena, beda jitgħallem il-kurunetta fil-Każin tal-Banda Sant’ Andrija mingħand is-sur Carm Fenech. Meta beda’ jdoqq fil-banda, il-Kumitat tas-soċjeta’ mill-ewwel ra fiħ sinjali li dan iż-żagħżugħ kien jipprometti u xtralu kurunetta ġdida flok dik li kellu li kienet sofriet xi ħsarat meta ġġarraf il-każin fl-attakk mill-ajru li sar fis-26 ta’ Frar 1941.

Kif spiċċat il-gwerra, u l-ħajja reġgħet bdiet tiġi lura għan-normal, beda jdoqq ma diversi baned Maltin, fosthom il-King’s Own u aktar tard insibuħ ukoll mal-Banda La Vallette tal-Belt Valletta. Meta spiċċa mill-Banda l-kurunettista Karmenu Falzon, is-Surmast Chev. Anton Muscat Azzopardi poġġieħ solo kurunettista mal-Banda Sant’Andrija. Fl-1949, ingħaqad mal-Banda tar-Royal Airforce bħala Solo Kurunettista u spiċċa fl-1973, meta din il-Banda spiċċat tiffunzjona.

Matul iż-żmien li għamel fl-RAF, studja l-armonija għand is-surmast Philip Gatt u l-istrumentazzjoni għand is-Surmast Anton Muscat Azzopardi. Għamel l-eżamijiet fl-RAF School of Music ta’ Uxbridge fl-Ingilterra, fejn ikkwalifika u kiseb ċertifikat. F’dak il-perjodu, ġie magħżul mir-RAF biex jieħu sehem fil-Korteo tal-Inkurunazjoni tar-Reġina Eliżabetta II mal-Kontinġent tal-RAF f’Londra.

Is-sur Johnny Calleja ikkompona diversi marċi kemm allegri kif ukoll funebri, ikkompona wkoll Fantasia bl-isem ta’ Bye Gone Days, u din kienet indaqqet mill-Banda Sant’Andrija fil-Programm Vokali u Strumentali li kien sar fl-okkażjoni tal-Festi Ċentenarji tal-istess soċjeta’ li kien sar fit-18 ta’ Ġunju 1983.

Kien ukoll wieħed mill-komposituri – bandisti membri tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija li rregalaw marċi lill-banda fl-okkazjoni tal-Festi Ċentenarji u kull wieħed minnhom idderieġa l-banda waqt li kien qed jindaqq il-marċ tiegħu.

Lil John Calleja konna anke nsibuħ Membru tal-Kumitat tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija fejn anke okkupa l-kariga ta’ Vici President tal-Għaqda bejn l-1972/3. Wara l-Festi Ċentenarji, li saru f’Ġunju 1983, Johnny Calleja inħatar bħala Membru Onorarju tas-Soċjeta’. Għal xi żmien kien ukoll surmast tal-allievi tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija. Fiz-zmien li kien ghamel bħala Surmast tal-Allievi, kien introduċa l-kunċert ta’ l-Allievi f’Jum il-Milied, fejn l-allievi li kien jgħallem kienu joħorġu jdoqqu Christmas Carols fil-Pjazza taħt id-direzzjoni tiegħu.Kien beda’ din l-usanza tant sabieħa bl-iskop li jinkoragixxi lill-allievi u bandisti żagħżagh ikomplu l-karriera mużikali tagħhom. Tradizzjoni li għada ssir sal-ġurnata tal-lum.

Kemm dam idoqq mal-Banda ma kienx jonqos mill-kunċerti u dejjem attenda għas-servizzi li kienet tagħmel il-Banda kemm fir-raħal kif ukoll barra mir-raħal. Johnny Calleja kien mużiċista ta’ kalibru mhux komuni. Daqq diversi rumanzi sew mal-banda Sant’Andrija kif ukoll ma’ baned oħra Maltin u kiseb l-ammirazzjoni ta’ kull min kien jisimgħu.

Dan kollu ma naqqas xejn mill-imħabba tiegħu lejn il-familja, li rabba b’tant għożża u mħabba. Il-mewt ta’ waħda minn uliedhu ħalliet effett kbir fuq il-moral tiegħu u saħħtu ħadet daqqa ta’ ħarta kbira. Pero’ qatt ma naqqas mill-preżenza tiegħu fil-Każin li kien tant għal qalbu.

Johnny Calleja miet fit-8 t’Awissu 2003 fl-eta’ ta’ 73 sena. L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija tagħtu l-aħħar tislima flimkien mal-familjari tiegħu billi assistiet għall-quddiesa ‘presente cadavere’ li saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa. Huwa midfun fiċ-Ċimiterju ta’ Ħal Luqa.

J Calleja

F’dan ir-ritratti jidher is-Sur John Calleja flimkien mal-kompożituri ta’ marċijiet li ndaqqu fil-Festi Ċentenarji tal-1983

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.