Is-Surmast Vincenzo Caruana Spiteri (1896-1932)

///Is-Surmast Vincenzo Caruana Spiteri (1896-1932)
Is-Surmast Vincenzo Caruana Spiteri (1896-1932) 2017-12-31T01:56:29+00:00

V Caruana Spiteri
Fuq l-aspett ta’ mużika teżisti rabta kbira bejn ir-raħal ta’ Ħal Luqa u dak tiegħi ta’ Sannat. Din ir-rabta ħoloqha u rabatha s-surmast Vincenzo Caruana Spiteri. Jixraq li n-nies ta’ raħlu mela Ħal Luqa jsiru jafu aktar dwar dan l-iben den ta’ raħlu.

Tfulitu

Is-surmast V. Caruana Spiteri – hekk kien jiffirma – twieled f’Ħal Luqa Malta, nhar l-4 ta’ Mejju 1896. Missieru kien jismu Ġużeppi u ommu Karmena Spiteri. Hu kien ir-raba’ fost ħames aħwa – żewġ ibniet u tlitt subien. Ġie mgħammed l-għada minn Dun Flavius Grima, li dak iż-żmien kien il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Luqa. Missieru kien bennej, mela kien jaqla’ il-ħobżna ta’ kuljum sew. Vincenzo u ħutu kienu mrobbijin b’ċerta dixxiplina.

Wara li spiċċa l-iskola elementary u sekondarja, ta l-eżami tas-Senior Oxford, u ġie l-ewwel. Miċ-ċertifikati li għandu, u li dawn għadhom jeżistu, nistgħu nikkonkludu li Vincenzo kien bniedem intelliġenti, studjuż u diliġenti. Dejjem biex ikompli jimxi ‘il quddiem fil-karriera tiegħu, kompla jistudja fejn qagħad għall-eżami ta’ Head Teacher. Din id-darba Vincenzo reġa’ ssupera dan l-eżami bl-unuri kollha. Fil-fatt reġa’ għadda lil kulħadd. Meta Vincenzo irċieva l-inkarigu ta’ Head, huwa ġie mibgħut jaqdi dmiru fl-iskola ta’ raħli Sannat, fejn baqa’ hemm sa ma miet ħesrem. Dak iż-żmien xejn ma kien faċli li wieħed joqgħod ġej u sejjer Malta, għalhekk is-surmast Caruana ġie jgħix fostna hawn ta’ Sannat.

Il-Mużika

Il-“Hobby” tiegħu kienet il-mużika. L-ewwel edukazzjoni mużikali li Vincenzo rċieva kienet ġo raħal twelidu Ħal Luqa, meta hu flimkien maż-żewġ ħutu subien l-oħra, kienu jmorru l-każin tal-Banda Sant’ Andrija jitgħallmu l-mużika. Ħuh Ġann Patist kien idoqq il-klarinett u l-vjolin, filwaqt li ħuh Indri kien idoqq il-flawt. Hu kien idoqq il-vjolin u l-pjanu u ġieli daqq il-klarinett. Huwa kien kompożitur ta’ melodija u ħlewwa li tpaxxik. Beda jistudja l-armonija u l-kontrapunt għand is-surmast Ġużeppi Abdilla u l-vjolin u l-pjanu għand is-surmast Antonio Pace. Għalhekk meta ġie Għawdex, Vincenzo kien beda jdoqq f’diversi knejjes fosthom dik ta’ Sannat.

Hawn Għawdex Vincenzo kien jagħti daqqa t’id siewja liż-żewġ baned cittadini Għawdxin, La Stella u Leone. Huwa kien idoqq il-vjloin prim u għalhekk ġie li idderieġa l-orkestra li waqqaf sieħbu u ħabibu tal-qalb l-maestro Giuseppe Giardini Vella. Anke ir-rettur tas-seminarju ta’ Għawdex ta’ dak iż¬-żmien Mons Ġużeppi Pace, talab lis-surmast Caruana Spiteri biex jibda jgħallem il-kant u l-pjanu lis-seminaristi.

Nies li jafuh

Ċerti nies għandhom ħajjin u oħrajn mietu. Pero’ għad fadal ċertu talin li għadhom jiftakruh lis-surmast. Hekk Mons Carmelo Xuereb li miet f’April 2004 jiftakar lil Vincenzo bħala l-organista tal-parroċċa ta’ Sannat. Il-Monsinjur dak iż-żmien kien abbati hawn. Huwa stqarr li fix-xahar ta’ Mejju, kienu kuljum ikantaw il-Litanija lill-Madonna b’melodiji differenti. Dan kien jerġa’ jsir fix-xahar ta’ Ottubru. Dawn il-kompożizzjonijiet għadhom jeżistu u huma kollha tas-Sur Caruana Spiteri. Bniedem ieħor magħruf fil-gżejjer tagħna huwa l-Profs Ġuże’ Aquilina. Dan kien abbati hawn fil-parroċċa tagħna ta’ Sannat. Aquilina jgħid li wara li kienu jispiċċaw il-funzjonijiet huwa kien joqgħod jitkellem mas-Surmast Caruana Spiteri. Min jaf, forsi dan id-djalogu ta’ bejn Caruana Spiteri u Aquilina kien ta’ inċentiv biex it-tifel jimxi daqshekk ‘il quddiem fl-istudji tiegħu. Ħaġa oħra hija li fost il-bosta studenti li Caruana Spiteri kellu fil-klassi hawn fl-iskola primarja tas-Sannat kien hemm it-tfajjel Aquilina.

Igawdi lis-Sannat

Is-surmast Caruana Spiteri dam jgħix is-Sannat għal madwar tnax-il sena. Mis-sena 1921 sa April tas-sena 1932. L-aħħar firma li Caruana Spiteri għamel sibtha fuq ir-reġistru ta’ l-iskola primarja. Kien nhar il-31 ta’ Marzu 1932. Din qiegħda fl-‘attendance sheet’ ta’ l-iskola. Dan ir-reġistru llum qiegħed fil-librerija Pubblika r-Rabat. Matul is-snin is-Sannat gawda u gawda bis-sħiħ mit-talent mużikali ta’ dan il-moħħ ġenju. Bit-tħabrik ta’ l-Arċipriet Cassar, Mro Caruana Spiteri mhux biss beda jmexxi l-mużika matul it-tridu tal-festa, imma wkoll lejlitha, filgħodu il-kant tal-matutin u nhar il-festa. Dan ikompli jikkonfermawh l-istess kompożizzjonijiet tiegħu li għadhom jindaqqu sal-lum matul jiem il-festa.

L-arċipriet Dun Ġużepp Cassar, xtaq li jordna sett qniepen ġodda għall-parroċċa tagħna. Għaldaqstant, fil-bidu tas-sena 1932 beda t-trattativi dwarhom mad-ditta Baricozzi ta’ Milan. Kien is-Surmast Caruana Spiteri li għażel għal dawn il-qniepen it-tonalita’ in La Maggiore, jew La Grave. Dwar dan kien konsultat ukoll is-Surmast tal-Banda La Stella Mro Giardini Vella. U lid an qabel perfettament mal-proposta ta’ Vincenco. B’wiċċna minn quddiem ngħidu li dawn is-sett qniepen tant irnexxew li huma meqjusin bħala l-aktar intonati u perfetti fil-leħen fost il-qniepen kollha tal-gżejjer. B’xorti ħażina pero’ is-surmast baqa’ ma semax it-ton ta’ dawn il-qniepen, għaliex miet ħesrem f’ April, filwaqt li l-qniepen waslu hawn f’Novembru ta’ l-istess sena.

Tifkiriet Ħalluqin

Għas-surmast , Ħal Luqa dejjem baqgħet art twelidu u kien ta’ spiss imur hemm iżur lill-familja tiegħu speċjalment fis-sajf. Ommi Tita, li għada ħajja illum tgħodd 90 sena tgħidli li ta’ kull sena maltemp jew mhux nhar id-29 ta’ Novembru is-surmast kien imur Ħal Luqa biex l-għada jiċċelebra l-festa ta’ Sant Andrija. Caruana Spiteri ma nesiex il-banda ta’ raħlu. F’Settembru ta’ 1919 irregala lill-Banda Sant’ Andrija Innu Marċ bl-isem ‘Malta Gwerriera’, li għadu jindaqq sa llum fil-fetsa ta’ Sant’ Andrija. F’Marzu 1920 irregala lill-Banda Marċia Funebri bl-isem ‘Ai Caduti della Patria’, tifkira ta’ dawk li tilfu ħajjithom fis-7 ta’ Ġunju 1919. Fid-diskors li għamel Profs Henry Frendo nhar it-Tnejn 22 ta’ Lulju 1996 qabel ma nkixfet il-lapida li tfakkar il-post fejn kien joqgħod Caruana Spiteri, Profs. Frendo kkonkluda lid an il-ġest ta’ Caruana Spiteri juri kemm kellu spirtu patrijottiku. F’Jannar tas-sena 1924, reġa’ rregala lill-Banda Innu ‘Stabat Mater Dolorosa’, kompożizzjoni għall-Banda u kor tat-tfal. Dawn iż-żewġ kompiżizzjonijiet huma ta’ valur mużikali kbir u għadhom jindaqqu fil-festa tal-Ġimgħa l-Kbira.

SantaMewt
Niġu issa għal xi wħud mid-diversi kompożizzjonijiet li s-Surmast ikkompona għas-Sannat. U nibdew mill-antifona ‘Veni Sponsa Christi’, hu temm jikkomponiha fl-4 ta’ Lulju 1926. Litanija A Due Voci lill-Madonna, 25 t’Awwissu 1920. Kompożizzjonijiet oħra huma, l-innu kollu tat-tridu tal-festa, 1923. Erba’ responsorji ‘Per Giovedi Santo’ Frar 1925. Ir-responsorji tal-natutin tal-festa 5 ta’ Mejju 1927. Dawn huma tmienja. Il-ħames salmi tal-festa titulari u l-aqwa fosthom salm 112, ‘Laudate Pueri’, b’kor tat-tfal u żewġ vuċijiet, 1930. Ir-responsorji tal-lejl qaddis tal-Milied, 8 ta’ Diċembru 1928. Innijiet oħra huma ‘Ave Maris Stella’, 7 ta’ Ġunju 1927,’Te Joseph celebrent’, kif ukoll is-sinfonija ‘The European Conflagration 1915’. Caruana Spiteri ġab miegħu ukoll żewġ ‘Tantum Ergo’, wieħed tenur u baxx u l-ieħor baxx u kor tat-tfal. Dawn ikkomponihom Malta fis-snin 1914, u 1915 rispettivament. Inżid ngħid li din il-mużika hija kollha orkestrata minnu stess.

Is-surmast V. Caruana Spiteri ma komplies jiżviluppa dan il-talent li tant kien iħobb. Huwa miet ħabta u sabta, r-Rabat nhar is-Sibt 16 t’ April 1932 fl-għomor ta’ 35 sena. F’reġistru tal-mejtin u li dan kien ta’ nannuwi Wnezu Muscat u li kien teacher ma’ Caruana Spiteri, kiteb hekk: ‘Fil-funeral li kien wieħed imponenti u solenni, ħadu sehem it-tfal subien u bniet ta’ l-iskola primarja ta’ Sannat flimkien ma l-għalliema tagħhom, kif ukoll bosta għalliema minn skejjel oħra t’Għawdex. Ħadet sehem ukoll il-Banda La Stella li akkumpanjat il-funeral b’daqq ta’ marċi funebri. Kien hemm ukoll rapreżentanza mill-Baned Leone u Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa. Is-surmast midfun fuq iz-zuntier tal-parroċċa ta’ Sannat.’

Aħna is-Sannatin ma’ ħallejniex lil dan il-benefattur kbir jintesa. Anzi biżżejjed ngħid li għandna triq ġdida u sabiħa imsemmija għalih. Ukoll il-Kunsill waqqaf mafkar f’waħda mill-pjazaz prinċipali. Dan sar nhar il-Ħadd 23 ta’ Frar 2003. Grazzi ta’ kollox surmast u benefattur tagħna.

Monument fis-Sannat

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.