Kan. Karm Zammit (1932- ) – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Kan. Karm Zammit (1932- )

///Kan. Karm Zammit (1932- )
Kan. Karm Zammit (1932- ) 2017-12-31T01:47:50+00:00

Il-Kanonku Dun Karm Zammit twieled Ħal Luqa fl-4 ta’ Marzu 1932, minn Ġużeppi u Rożina nee Caruana. Missieru, Ġużeppi, kien bandist mal-Banda Sant’ Andrija, iben Salvu Zammit ħu Carmelo Zammit li kien president sa l-1942. Il-Kan Zammit hu l-kbir minn tmien aħwa, u ħuh, Mose A. Zammit kien presiedent fis-snin disgħin, filwaqt li l-president attwali, Raymond Zammit hu t-tifel ta’ ħuh, Joseph.

Ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Ħal Luqa, kompla l-istudji tiegħu fis-Seminarju ta’ l-Arċisqof u fl-Universita ta’ Malta fejn kiseb il-Baċċelerat fl-Arti. Fl-14 ta’ Marzu 1959 kien ordnat saċerdot u l-Ħadd 5 ta’ April qaddes l-ewwel quddiesa solenni fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Luqa. Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi bagħtu fil-parroċċa ta’ Stella Maris Tas-Sliema bħala viċi-kappillan u wara sentejn fl-1961 għamel ftit xhur jaħdem fl-uffiċċju tal-Bank ta’ l-Appostolat tat-Talb fil-belt Valletta. Fl-1 ta’ Ottubru 1961, beda jgħallem fis-Seminarju Minuri, u hekk beda perjodu twil ta’ aktar minn 32 sena bħala għalliem, l-aktar ta’ l-ilsien Malti.

Meta spiċċa bil-pensjoni, Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħatru bħala assistent fl-Uffiċċju taż-żwiġijiet fil-Kurja u fit-8 ta’ Diċembru 1993, Mons. Arċisqof innominah kanonku efettiv tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta.

Fil-parroċċa ta’ Ħal Luqa, barra x-xogħol pastorali, wara li mietu l-aħwa Dun Ġwann u Dun Anton Agius, l-Kan. Karm Zammit beda jieħu ħsieb il-legati kollha tal-parroċċa, kien assistent ekkleżjastiku taċ-ċirkoli ta’ l-Irġiel u tax-Xebbiet ta’ l-Azzjoni Kattolika u direttur tad-duttrina tat-tfal bniet. Kien għal xi żmien prokuratur tal-knisja u fl-1990 kien maħtur prokuratur delegat tal-festa tal-Ġimgħa l-Kbira. Matul iż-żmien li okkupa din il-kariga, il-vari kollha ġew restawrati u nħadmu sett ta’ bradelli u bankuni ġodda għalihom. Iżda l-aktar ħidma impenjattiva tiegħu kienet il-pubblikazzjoni ta’ kull xahar tal-fuljett parrokkjali Leħen il-Parroċċa – Luqa, mis-sena 1970 u għal aktar minn 30 sena.

Barra l-fuljett parrokkjali, l-Kan. Karm Zammit kien editur ta’ diversi pubblikazzjonijiet oħra tal-parroċċa fosthom, Gwida Storika u Deskrittiva tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa u Ħal Luqa 350 Sena Parroċċa. Hu wkoll l-awtur ta’ xi kotba, grammatika tal-Malti għall-iskejjel imqassma fi tliet kotba, Kelmet Ommi; Good Friday Procession in Luqa u Storja Ħalluqija.

Għal diversi snin kien ukoll direttur spiritwali ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, u benefattur tal-festa ta’ Sant’ Andrija. Bħala rikonoxximent, fis-sena 2005, is-Soċjeta ħatrietu membru onorarju tagħha.

Fir-Ritratti tidher il-Banda Sant’ Andrija ddoqq fl-okkażjoni tal-ewwel quddiesa solenni tas-saċerdot novell Dun Karm Zammit, Il-Ħadd 5 r’April 1959

Referenzi:
Kan Karm Zammit, Storja Ħalluqija, 2000, pp.156-157, 183.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.