L-imgħallem Ġużeppi Galea – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

L-imgħallem Ġużeppi Galea

///L-imgħallem Ġużeppi Galea
L-imgħallem Ġużeppi Galea 2017-12-31T01:13:18+00:00

Ġużeppi Galea twieled fis-17 ta’ Diċembru 1921, minn Carmelo u Barbara nee Cassar. Kien it-tieni fost ħames ħutu bniet: Maria, Andreana, Carmela, Rita, u Katy. Ġużeppi trabba f’familja li kellha devozzjoni kbira lejn San’ Andrija. Tant hu hekk li missieru Carmelo kien jieħu ħsieb il-mafkar ta’ Sant’ Andrija li kien għamel nannuh Pietru Azzopardi, fl-1878, fi Triq il-Karmnu, kif ukoll it-tiżjin ta’ din l-istess triq fejn kien joqgħod għall-festa ta’ Sant’ Andrija, ħaġa li għadha ssir sal-ġurnata tal-lum.

Ġużeppi trabba f’dan l-ambjent u wara li spiċċa l-iskola elementari, kompla fis-Central School, fejn beda jitgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa, ħaġa li kienet għal qalbu ħafna. Għal żmien twil kien jgħallem id-duttrina lit-tfal tal-MUSEUM ta’ Ħal Luqa u wara huwa żżewweġ lil Rosaria nee Mallia mis-Siġġiewi fejn mar joqgħod, u kellhom tlett itfal.
Wara l-gwerra, Ġużeppi kera post bħala ħanut tax-xogħol ta’ mastrudaxxa fejn rama għal rasu u beda jieħu x-xogħol tal-War Damage. Wara bena l-ħanut tax-xogħol tiegħu fi Triq ir-Rixtellu, Ħal Luqa u attrezzah bil-makkinarju u għodod meħtieġa. Miegħu ħadmu nies ta’ l-affari tagħhom u barra minhekk, kien jimpjega ħafna żgħażagħ li tgħallmu s-sengħa ta’ mastrudaxxa minn għandu. Minn dan il-ħanut tax-xogħol, St Joseph Woodworks, ħarġu diversi xogħolijiet artistiċi li llum iżejnu fejn jinsabu. Fost dawn insibu n-niċċa ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ, dik ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, ta’ San Publiju fil-Furjana, u xejn inqas minn 18-il bradella u bankun imxerrda ma’ diversi knejjes, b’dik tas-Sacro Cuor ta’ Tas-Sliema, li kif kien jistqarr hu, kienet l-aktar waħda għal qalbu. L-aħħar xogħol tiegħu, li ma laħaqx lesta minn kollox kienet dik ta’ San Pietru u San Pawl tan-Nadur, Għawdex. Kienu diversi d-disinjaturi u l-artisti li ħadmu ma’ Ġużeppi Galea u kienu ħafna dawk li ħadu l-pariri siewja tiegħu. L-opri li ħadem jinsabu mxerrda madwar Malta u Għawdex u prinċipalment jinsabu fil-knejjes tagħna, saħansitra fil-Konkatidral ta’ San Gwann, u fil-Katidral t’Għawdex.

Fil-knisja parrokjali taghna, Ħal Luqa, insibu diversi xogħlijiet maħduma minnu, fosthom is-sede tal-kor, l-ambone, il-fonti tal-Magħmudija, u l-bradelli u bankuni ta’ wħud mill-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.

L-imgħallem Ġużeppi Galea kien iben l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija li tagħha kien membru onorarju. Ġużeppi kien dejjem lest biex jgħin primarjament fix-xogħol ta’ l-injam. L-esperjenza vasta tiegħu kienet ta’ għajnuna kbira għad-dilettanti ta’ l-armar u l-aħħar opra li saret taħt is-superviżjoni tiegħu kienet il-kolonna l-kbira (il-pedestall) ta’ l-istatwa ta’ Sant’ Andrija, li tintrama’ fil-festa titulari. L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija wkoll tista’ tiftaħar li għandha opra mill-isbaħ ta’ dan l-imgħallem, l-arkivju mużikali li nħadem mill-imgħallem Galea għall-festa tal-każin ta’ l-1952. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jidher il-kobor ta’ dan l-imgħallem.

Il-memorja tiegħu sa tibqa’ magħna għas-snin li ġejjin fid-diversi opri li ħarġu minn taħt idejh. Ġużeppi miet nhar is-Sibt 23 ta’ Frar 2002, fl-għomor ta’ 82 sena. Is-Soċjeta’ akkumpanjat permezz ta’ l-istandard tagħha fil-funeral tiegħu fis-Siġġiewi.

Referenzi:
Ktieb tal-Festa ta’ Sant Andrija 2004, p. 107
Dun Ġużepp Micallef, Ħal Luqa Niesha u Ġrajjietha, p. 227

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.