L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija llum tgħodd kważi 125 sena u tul dawn is-snin kienu diversi l-okkażjonijiet li fihom is-Soċjeta’pparteċipat u għamlet ġieħ lir-raħal tagħna fosthom f’avvenimenti u Festi Nazzjonali. Fuq kollox l-għan li għalih twaqqfet is-Soċjeta’ b’isem Sant’ Andrija huwa li tagħti ġieħ lil dan l-Appostlu bid-daqq tal-mużika fil-festa tiegħu, kif ukoll t-tixrid tal-kultura mużikali bit-tagħlim tal-mużika ġewwa s-Soċjeta lil tfal u żgaħażagħ Ħalluqin.
Nistgħu ngħidu li dawn il-valuri baqgħu jiġu mgħoddija lilna minn nies li bdew u mexxew din is-Soċjeta’. Mingħajr tmexxija tajba dawn il-valuri setgħu ntnesew jew tgħawġu matul is-snin. Fortunatament l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija dejjem qellgħa nies għaqlin u ta’ stoffa fit-tmun tagħha..
Mhux dejjem tkun faċli biex tmexxi Soċjeta bħall-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija speċjalment meta ċ-ċirkustanzi u l-avvenimenti li jkunu qed jiġru madwarek jkunu qed itellfu l-attivita’ li fuqha tkun imsejsa l-istess soċjeta..
Hekk naraw lil Michele Agius bħala President ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija bejn l-1915 u 1918. Huwa kien l-ewwel President li kellha s-Soċjeta’ li ma kienx mill-familja tal-Fundatur s-Sur Ġiuseppe Micallef. Dan peress li wara l-mewt ta’ Giuseppe fl-1886, nħatar president is-Sur G. Franġisk Micallef propju sal-1915. Is-Sur Michele Agius nħatar President fl’ elezzjoni li saret fis-27 ta’ Ġunju 1915 bi 27 vot favur u wieħed kontra. Bħala Segretarju nsibu lis-Sur Carmelo Ellul u kaxxier lis-Sur Ġiuseppi Żammit . Il-Każin tas-soċjeta’ f’dawn iż-żminijiet kien jinsab f’19, Pjazza tal-Knisja, b’ Mro Antonio Miruzzi bħala surmast direttur.
Nistgħu ngħidu li ma kienux żmienijiet feliċi meta Michele laħaq president. F’dawk is-snin jiġifieri bejn l-1915 u l-1917 kien propju ż-żmien tal-Gwerra l-Kbira, iktar magħrufa bħala l-Ewwel Gwerra Dinjija. Minn Marzu ta’ l-1915, Maltin fil-K.O.M.R (King’s Own Malta Regiment) u r-Royal Engineers (militia) bdew jintbgħatu jiġġieldu fil-gwerra. Avvenimenti matul dawn is-snin wasslu għal irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919.
F’dan iż-żmien naqsu ħafna l-attivitajiet mużikali, rikrejattivi u soċjali li kienu jsiru fil-Każini, u l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kellha hi wkoll tiffaċċja żminijiet diffiċli b’ ħafna mill-membri tagħha jħabbtu wiċċhom ma’ faqar u għaks filwaqt li oħrajn kellhom jitilqu f’pajjiżi oħra. Madanakollu nsibu li saru festi mhux tas-soltu meta laħaq President is-Sur Michele Agius. Ir-rwol ta’ Michele f’dawn iż-żminijiet diffiċli kien li jamministra u jżomm ħajja bl-aħjar mod possibli lis-Soċjeta’.
Michele teiwled fit-3 ta’ Diċembru 1878 minn Franġisk u Margerita imwielda Sammut. Huwa kien il-kbir fost ħutu Rafel, Carmelo u Maria Concetta.
Il-Familja tiegħu kienet midħla sew tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Ħuh Rafel kien membru tas-Soċjeta’ sa mill-1897, kif ukoll wieħed mill-bandisti tal-bidu tal-Banda fejn nsibuħ jdoqq il-Klarinett. Rafel kien wieħed minn dawk iż-żgħażagħ li kienu jiġu avviċinati spiss mill-membri tal-M.U.S.E.U.M, Spriu Spiteri u Eugenio Borg, biex eventwalment fl-1912 infetħet it-tnax il-dar tal- M.U.S.E.U.M ġewwa Ħal Luqa. Rafel kien joqgħod ma’ oħtu xebba, Maria Concetta, fi Triq Brittanika, illum Triq Pawlu Magri. Huwa kien jagħmel u jbiegħ il-pasturi u kienu jsibuħ bħala Rafel tal-pasturi. Ħafna anzjani għadhom jiftakruħ b’hekk.
Ħuh l-ieħor,Carmelo Agius, kien ukoll membru tas-Soċjeta’ sa mill-1907. Huwa iżżewweġ lil Andreana imwielda Sammut min Ħal Luqa fit-23 ta’ Diċembru 1913. Huma kellhom żewġt itfal, Frankie u Maggie. Frankie laħaq tabib filwaqt li Maggie żżewġet lil Dr. Anthony Mamo l-ewwel President tar-Repubblika ta’ Malta.
Ir-rabta li Michele Agius kellu mas-Soċjeta’ tagħna kompliet tissaħħaħ meta żżewweġ lil Giuseppa Gatt fit-18 t’Awwissu 1904. Giuseppa Gatt kienet bint Giannn li mingħandu s-Soċjeta’ kienet kriet l-ewwel post fejn kienet tiltaqa jiġifieri, f’numru 165 strada Carmine faċċata ta’ l-istatwa ta’ Sant’ Andrija. Filfatt kienet tħallas s-somma £1.10s (Lm1.50) kull sitt xhur lil Giann Gatt. Eventwalment dan il-ħlas beda jingħata lil familja Agius.
F’dan ir-ritratt jidhru Dun Anton u Dun Ġwann Agius flimkien mas-Sur Carmelo Baldacchino ġewwa Għawdex.
Michele kellu erbat itfal, Anton, Ġwann, Marija u Katarina li lkoll kellhom trobbija ta’ valuri u prinċijli sodi nsara. Prova ta’ dan huma ż-żewġt itfal subien li t-tnejn li huma saru qassisin. Dawn iż-żewġt aħwa kienu ħabrieka fit-tagħlim tal-kelma t’Alla fir-raħal tagħna. Fl-1 ta’ Jannar 1952 Dun Anton Agius li kien il-Prokuratur tal-Fratellanza tas-Sagrament kera id-dar Nru 2, Triq Sant’ Andrija liċ-Ċirkolu ta’ l-Azzjoni Kattolika ta’ l-Irġiel u Ġuvintur għas-somma ta’ £15 fis-sena. Meta fl-1958 tlesta ċ-Ċentru Parrokkjali fi Triq id-Dokkiena dan iċ-Ċirkolu ġie trasferit taħt id-direzzjoni ta’ Dun Ġwann Agius, ħu Anton. Kien jmiss liċ-Ċirkolu tax-xebbiet u tat-tfal bniet ta’ wara l-Griżma li jibdew jiltaqaw fid-dar Nru 2, Triq Sant’ Andrija taħt id-drezzjoni ta’ Dun Anton Agius. Sfortunatament fl-1966 il-parroċċa tilfet lil dawn iż-żewġt aħwa. Dun Ġwann miet għal għarrieda fi Frar fl-eta’ ta’ 47 sena u Dun Anton f’Ottubru fl-eta’ ta’ 57 sena. Fit-tmeninijiet fi żmien il-Kappillan Dun Kalċidon Vassallo, d-dar Nru 2, Triq Sant’ Andrija li eventwalment kienet tħalliet lill-parroċċa ta’ Ħal Luqa biex sservi għat-tagħlim ssemmiet: ‘Dar Saċerdoti Agius’ għal memorja ta’ dawn is-saċerdoti li ħadmu fiha għal żmien twil.
Skond il-kotba tal-minuti tas-Soċjeta’, nsibu li s-Sur Michele Aġius ħalla l-kariga ta’ president fl-1917, meta fid-29 ta’ Lulju laħaq President s-Sur Carmelo Zammit. Michele mar joqgħod l-Isla għand xi familjari tal-mara Ġiuseppa, il-familja Bellizzi. Għamel hekk biex ikun aktar qrib tad-Dockyard fejn kien jaħdem bħala ‘Foreman’ tal-‘Boiler Makers’ taħt l-Ammiraljat Ingliż. Michele Agius laħaq ukoll l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija fejn hu flimkien mal-familja tiegħu sabu ruħhom bħala refuġjati ġewwa Birkirkara. Huwa ħalla din id-dinja s-Sibt 20 ta’ Ġunju 1942 fl-eta’ ta’ 64 sena.
Referenzi
75 sena Il-M.U.S.E.U.M f’Ħal Luqa 1912-1987
Arkivji tal-Parroċċa (Ħal Luqa)
Ktieb tal-Kaxxier 1897 u tas-Segretarju 1915 – Għaqda Mużikali Sant Andrija
Grajjiet mill-Ħajja tal-Każin tal-Banda Sant’ Andrija – 1952
Ħajr lin-Nutara Joanna Lia (Pro-neputija ta’ Michele Agius) u lil Ġorġ Bondin.