Mikelanġ Sapiano

Mikelanġ Sapiano 2017-12-31T19:38:19+00:00

Din is-sena (2007) jaħbat għeluq il-ħamsa u disgħin sena mill-mewt ta’ Mikelanġ Sapiano li ġrat fit- 2 ta’ Diċembru, 1912, fl-eta ta’ 86 sena.

Għalkemm imwieled l-Imqabba, ismu huwa marbut ma’ Ħal Luqa għaliex ta’ 21 sena żżewweġ u baqa’ joqgħod f’dan ir-raħal sakemm miet. Għalkemm missieru ried jgħallmu s-sengħa ta’ mastrudaxxa, Mikelang minn mindu kien naqra ta’ tifel ħass ġibda speċjali għas-sengħa ta’ arloġġar. Infatti ta’ 14-il sena, fetaħ ħanut għat-tiswijiet ta’ l-arloġġi u f’eta hekk żgħira rnexxielu jsewwi l-arloġġ tal-Knisja Parrokkjali ta’ I-Imqabba meta ħafna arloġġara oħra kienu qatgħu qalbhom. Dan il-fatt beda t-triq tal-fama tiegħu u għamillu kuraġġ biex mhux biss isewwi l-arloġġi, iżda jagħmilhom ukoll.

Mikelang Sapiano għamel kwantita kbira ta’ kull daqs u sura u kellu ħafna ordnijiet għall-arloġġi, tant li ma setax ilaħħaq max-xogħol illi kellu. L-aktar li huwa magħruf hu għall-arloġġi kbar tal-knejjes, kunventi u sagristiji f’diversi bliet u rħula f’Malta u Għawdex, inkluż ukoll l-arloġġ kbir famuż li għamel fil-¬Knisja ta’ Santa Karatina f’Lixandra, l-Eġittu. Dan l-arloġġ li l-magna tiegħu kienet fil-kampnar, kien imexxi l-erba kwadranti kif ukoll arloġġ ieħor fis-¬sagristija li kien sebgħin pied ‘il bogħod.

Ma nistax ma nsemmix l-arloġġ tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa li hu għamel fl-1881. Dan l-arloġġ għandu erba’ kwadranti – tlieta juru l-ħin u l-ieħor il-ġranet. Kull kwadrant hu mbiegħed mill-magna ta’ l-arloġġ 66 pied u 16-il pied ‘il fuq mill-magna. B’xorti tajba l-magna ta’ dan l-arloġġ ma ġratiliex ħsara fil¬-gwerra, għalkemm ġrat xi ħsara fix-shafts. L-arloġġ li hemm fis-sagristija tal-¬knisja tagħna li juri l-ħin, il-jiem tal-ġimgħa u d-data huwa wkoll xogħlu.

Arloġġ Grand Father Clock u regolatur famuż li huwa meqjus bħala l-ikbar u l-aqwa biċċa xogħol tiegħu, li sa ftit snin ilu kien jinsab fid-dar Ħal Luqa, f’Nru 11 Triq Pawlu Magri, fejn kien jogħod Mikelanġ, issa jinsab fil-Mużew tal-¬Kattidral ta’ l-Imdina. Dan l-arloġġ ħa premju f’Wirja Industrijali li kienet saret fl-1864. Barra li jimmarka l-ħin, il-ġranet u d-data, dan l-arloġġ juri wkoll il-fażi tal-qamar u l-ħin ta’ tlugħ u nżul ix-xernx. Meta s-sena tkun bisestili, huwa għandu makkinarju apposta biex jimmarka dan il-fatt.

Arloġġ interessanti huwa dak li Mikelanġ Sapiano għamel għax-xatt tal-Marsa fl-1872, li barra li jdoqq il-ħin, kien jagħti sinjali lill-ħaddiema x’ħin jibdew u jeqfu mix-xogħol erba’ darbiet kuljum, u nhar ta’ Ħadd ma kienx idoqq dawn is-sinjali.

Mikelanġ ma kienx kuntent li jagħmel arloġġi normali iżda wkoll li jivvinta xi ħaġa straordinarja. Per eżempju huwa kien ivvinta sveljarin li fil-ħin li jridu jdoqq, kien jisparkja u jixgħel xemgħa biex jurih il-ħin, u kien ivvinta ieħor li kien imexxi globu bil-mappa tad-dinja u f’kull nofs siegħa kien juri l-pożizzjoni tad-dinja f’relazzjoni max-xemx. Dnub li dawn iż-żewġ arloġġi ħadd ma jaf x’sar minnhom.

Invenzjoni kemmxejn stramba kienet sodda li tibbilanċja b’mod li f’ħin li jrid li wliedu jqumu għall-quddies, din is-sodda tibda tiċċaqlaq, u minn pożizzjoni minduda t-tfal tiegħu jiġu f’pożizzjoni wieqfa u hekk kienu jqumu bil-fors, iridu jew ma jridux!

L-imħabba tiegħu lejn l-għarusa tiegħu ġagħlitu jivvinta tricycle biex imur biha mill-Imqabba għall-Ħal Luqa u dana fi żmien meta l-bicycle ma kenitx għadha daħlet f’Malta, tant li kif jirrakkonta ziju anzjan tiegħi n-nies kienu jaħsbu lil Mikelanġ xi wieħed tas-setta! Ħaġa li għadha titqies bħala meravilja tal-¬mekkaniżmu kien bilanċier li għamel għall-Universita dei Grani li kien kapaċi jiżen sa 700 libra u kien sensittiv saħansitra għall-piż ta’ uqija.

Il-fama dwar il-ħila u l-ġenju ta’ Mikelanġ Sapiano xterdet anke fost il-barranin tant li kien hemm min sejjaħlu “il-fenomenu Malti tal-mekkaniżmu.”

L-akbar ċertifikat ta’ ħila ta’ Mikelanġ Sapiano hija l-Midalja tad-deheb u d-diploma li s-Soċjeta’ ta’ l-Arti, Manifattura u Kummerċ tatu fis-26 ta’ Frar, 1908. Kif jirrakkonta ibnu stess, Dun Ġorġ Sapiano, f’notament tiegħu, Mikelanġ kien ħafna mqanqal f’din l-okkażjoni għaliex dak in-nhar delegazzjoni mmexxija mill-magħruf Professur T. Zammit ġiet rikba f’żewġ karozzelli u f’ċerimonja qasira iżda kommoventi hu ppreżentalu l-Midalja tad-Deheb – l-akbar unur li setgħet tatih. Meta rrisponda għad-diskors illi sarlu, Mikelanġ qal li din l-għotja ma saritx fuq inizzjattiva tiegħu, iżda ta’ xi persuni indipendenti minnu, għaliex għalih kien biżżejjed il-fatt li huwa ħaddem it-talenti li tah Alla mill-aħjar li seta’.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.