Pietru Pawl Spiteri u Salvatore Cauchi – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Pietru Pawl Spiteri u Salvatore Cauchi

///Pietru Pawl Spiteri u Salvatore Cauchi
Pietru Pawl Spiteri u Salvatore Cauchi 2017-12-31T20:32:18+00:00

Meta qegħdin noqorbu ghall-anniversarju tal-125 sena, ftit jagħddilna minn moħħna jew ma niftakrux kemm missirijietna ħadmu u stinkaw kull tant b’sagrifiċċji kbar għalihom u għal familji tagħhom biex illum is-Soċjeta’ tagħna hija fost l-ewlenin. Iva, b’dispjaċir ngħid u kull tant mhux tort tagħna li ħafna minn dawn in-nies illum intesew. Dan hu l-iskop tagħna li bi ftit tagħrif u ritratti li niġbru ta’ dawn in-nies jiġu ppublikati f’dawn l-artikli biex isimhom jibqa’ mniżżel u mfakkar għal dejjem fl-istorja tal-Każin.

Pietru Pawl Spiteri

PP Spiteri
Twieled Ħal Luqa fis-6 ta’ Novembru1873 minn Ġużeppi u Maria mwielda Briffa. Pietru kien wieħed mill-ewwel aljievi li kellha s-Soċjeta’. Kien joqgħod 81, Triq il-Karmnu ftit ‘il bogħod minn fejn kien l-ewwel każin. Ismu jidher għall-ewwel darba fuq il-partitura tat-tamburro ta’ l-Innu ‘Al Martire San Andrea’ ta’ l-ewwel surmast Tommaso Galea, li kien indaqq għall-ewwel darba fl-1886 fejn hemm imniżżel Pietru Spiteri eta l2-il sena. Pietru kien wieħed minn dawk li kien jiddedika l-ħin kollu tiegħu għall-Każin u kien imidd idu għal dak kollu li kien hemm bżonn. Kien wieħed mill-kbar ta’ dak iż-żmien. Kont issibu ta’ kull sena fil-Kumitat f’karigi differenti u għal kull biċċa xogħol li kienet tinqala’. Meta l-Banda qalbet orkestra nsibu lil Pietru jdoqq il-vjolinċell ma’ l-istess orkestra. Darba fost l-oħrajn meta kien qed iħallat taħlita ta’ materjal splussiv biex jagħmel is-sulfarini għal xi raġuni din ħaditlu fejn weġġa serjament u tilef parti minn idu. Wara dan l-inċident il-Kumitat offrielu l-banka tal-lottu fejn jaħdem, u wkoll ġie immodifikat is-siġġu tal-katuba fejn sar ‘stand’ għall-platti biex ikun jista’ jdoqqhom b’saqajih.. Pietru ħalla din id-dinja fil-21 ta’ Ġunju 1929 fl-eta’ ta’ 53.sena, huwa ġie midfun fil-Knisja Parrokkjali.

Cutting

Salvatore Cauchi

salvu
Bandist ieħor li ta’ kontribut lill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u anke lill-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa huwa Salvatore Cauchi. Salvu kif kienu jsejħulu, twieled Ħal Luqa minn Carmelo u Vincenza mwielda Micallef fis-26 ta’ Jannar 1893. Huma kienu joqogħdu fi Triq il-Karmnu l’istess triq fejn kien il-.Każin flimkien ma’ ħutu Leli, Indri, Ġużeppi, Leone u Anni. Salvu ta’ eta zgħira beda jitgħallem il-mużika u ħareġ idoqq mal-banda l-qniepen. Salvu kien imżejjen b’vuċi sabiħa ta’ tenur u għal ħafna snin kien ikanta fil-Knisja tar-raħal, kif ukoll kien ikun mistieden f’ħafna knejjes madwar Malta. Bħala xogħol Salvu kien jaħdem ‘Storehouseman’ id-‘Dockyard’. Iżżewweġ lil Madalena Vella, xebba min Ħal Luqa u kellhom tmint itfal; Karmenu, Ġużeppi, Toni, Franġiska, Pawlu, Rita, Vinċenz u Fredu. Minn dawn it-tifla ta’ Vincenz, Anette Cauchi kompliet fuq il-passi ta’ nannuha għax hija sopran magħrufa u tkanta mal-baned, fi knejjes u tejatri madwar Malta. Salvu għalkemm mar joqgħod Ħal Tarxien xorta baqa’ għal qalbu r-raħal u l-banda tiegħu u ta’ spiss kien jiġi l-każin jiltaqa’ mal-ħbieb tieghu. Salvu ħalla din id-dinja fl-20 ta’ Frar 1969 fl-eta’ ta’ 76 sena u midfun fiċ-ċimiterju ta’ Ħal Luqa fil-qabar tal-familja.

Dawn in-nies m’għandniex nonqsu milli niftakru fihom f’talbna.

Referenzi :

-ħajr lil Carmelo Baldacchino u lil Vincenzo Cauchi t-tifel ta’ Salvu, għall-informazzjoni u ritratti li għoġbu jgħaddilna.
-Arkivji Parroċċa ta’ Ħal Luqa.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.