Reno Axiaq – (1931- 2004) – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Reno Axiaq – (1931- 2004)

///Reno Axiaq – (1931- 2004)
Reno Axiaq – (1931- 2004) 2017-12-31T20:41:43+00:00

reno
Nazzareno Axiaq aktar magħruf bħala Reno twieled ġewwa l-Qrendi fl-1931. Huwa żżewweġ lil Maria minn Ħal Luqa u hekk bdiet ir-rabta tiegħu ma’ dan ir-raħal. Meta żżewweġ ġie joqgħod Ħal Luqa fi Triq il-Ġdida kantuniera ma’ Triq il-Gudja. Reno flimkien ma’ martu kellhom erbat itfal,
fosthom Bro. Vincent O.F.M.

Viċin id-dar tiegħu kien hemm il-klabb tal-futbol, u hemm Reno beda jmur filgħaxijiet wara ġurnata xogħol sabiex jgħid xi kelma u anke jitħallat ma’ irġiel oħra minn dan ir-raħal. F’raħal twelidu kien mitħla sew tal-każin tal-Banda Santa Marija u għaldaqstant kien aktar interessat u mitħla tal-Każini tal-banda milli tal-futbol. Fost l-irġiel li kien jiltaqa’ magħhom fis-St. Andrew’s FC kien hemm is-Sur Frans Zammit li kien mitħla sew ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, u darba fost l-oħrajn ħadu miegħu l-każin tal-banda. Hemm Reno iltaqgħa ma’ irġiel oħra li kellhom l-istess interessi tiegħu, fosthom il-mużika, speċjalment dik operistika u l-arti. Kif kien jgħid hu stess kien iħossu ferm aktar komdu fil-każin tal-banda.

Malajr sar wieħed minn ta’ ġewwa u l-inegrita, l-onesta u sserjeta tiegħu malajr waslu sabiex ikun nominat u maħtur bħala l-kaxxier tas-Soċjeta fl-1975. Din il-kariga kienet wisq għal qalbu, xiehda ta’ dan hu n-numru ta’ snin li dam f’din l-kariga erbatax-il sena
sas-sena 1989. F’din il-kariga hu ħadem flimkien ma’ żewġ Presidenti tas-Soċjeta’, s-Sur Carm Baldacchino u s-Sur Alex Serge. Tul il-karriera tiegħu sab l-appoġġ ta’ diversi membri u akkwista l-ammirazzjoni u l-fiduċja ta’ kulħadd.

reno

Ghalkemm kien sar wieħed minna, qalbu kienet għada marbuta ma’ raħal twelidu, l-Qrendi u l-festa ta’ Santa Marija. Dan wassal sabiex l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija tistabilixxi relazzjonijiet tajbin ma’ l-Għaqda Mużikali Santa Marija, liema relazzjonijiet għadhom b’saħħithom sal-ġurnata tal-lum.

reno

Tul il-karriera tiegħu bħala Kaxxier l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kienet għaddejja minn perjodu ta’ kambjament u l-mumenti diffiċli kienu ħafna, pero l-ġrajjiet storiċi u s-suċċessi ma naqsux. Hekk naraw li l-kuntatt li kellu Reno mal-familja Camilleri Cauchi wasal sabiex l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija llum tipposedi opri artistiċi li huma ferm għall-qalbna. Fost dawn insemmu l-istatwa ta’ Sant’ Andrija li tintrama fil-festa li nħadmet minn Michael, l-istatwa ta’ Sant’ Andrija li tinsab fin-niċċa fuq il-kazin li nħadmet minn Alfred u l-pittura ta’ fuq il-bandalori li nħadmu minn Paul. Illum bis-saħħa ta’ dan il-kuntatt nistgħu ngħidu li f’Ħal Luqa qegħdin ingawdu diversi opri artistiċi oħra xoghol il-membri ta’ din il-familja.

reno

L-imħabba li kellu lejn l-arti wasslitu sabiex jirregala diversi xogħlijiet artistiċi lill-familjari tiegħu, ħbieb, lill-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi u ma setax jonqos lill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Illum kulmin jasal wasla sal-Każin għadu jitpaxxa u jitaxxaq bil-pittura ferm sabiħa ta’ Paul Camilleri Cauchi li żejjen is-sala prinċipali, li kien ikummissjona u irregala lill-Għaqda tagħna Reno Axiaq u l-mara tieghu Maria fl-okkazjoni ta’ għeluq il-mitt sena mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fl-1983. Dan ix-xogħol artistiku kien ferm għal qalb Reno bħalma hu ferm għall-qalb il-membri ta’ l-istess għaqda għaliex fuq kollox ifakkarna f’Reno.

Kien Reno wkoll li ftit tas-snin ilu laqqgħa membri tas-Sezzjoni żgħażagħ ma’ l-artist żagħżugħ Chris Ebejer u li nkurraġihom sabiex illum għandna s-sett ta’ l-episodji tal-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu fit-terracotta li huma tant għal qalb is-Soċjeta u li jiġbdu lejn r-raħal tagħna, ta’ kull sena, mijiet ta’ nies fil-ġranet tal-Gimgħa Mqaddsa. żgur li Reno żergħa fil-membri ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija l-wirt u l-apprezzament lejn dak li hu artistiku. Wara li rtira mill-kariga ta’ Kaxxier is-Soċjeta ħatritu Membru Onorarju, kienet lanqas ħaġa li setgħet tagħmel biex tirringrazzjah ta’ dak kollu li kien għamel magħha. Sfortunatament waslet il-ġurnata li fiha Reno kien imsejjah biex iħalli dan il-wied tad-dmugħ u jmur jiltaqa’ mal Mulej.

Kienet il-Ġimgħa ta’ Santa Marija, pero Reno ma setax imur il-Qrendi għall-festa li tant kienet għal qalbu, minflok fit-13 ta’ Awissu 2004 mar igawdi għal dejjem lil Mulej u lil Sidna Marija li tant ħabb matul ħajtu.

 

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.