Emvin Vincent Cremona – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Emvin Vincent Cremona

///Emvin Vincent Cremona
Emvin Vincent Cremona 2018-01-02T21:43:29+00:00

Bijografija qasira ta’ l-artist

emvin cremona
Emvin Vincent Cremona twieled il-Belt fis-27 ta’ Mejju, 1919. Ftit xhur wara, missieru Ġużeppi emigra u ma reġax Iura qabel ma ibnu kellu ħmistax-il sena. Ma kinitx ħaġa faċli għaż-żagħżugħ Emvin sabiex jipperswadi ‘l-ġenituri tiegħu jaqbad il-pittura iżda wara ħafna taħbit, fl-1935, daħal fl-iskola ta’ l-Arti. Hemmhekk tħarreġ taħt il-gwida ta’ Robert Caruana Dingli, Edward Caruana Dingli, u Karmenu Mangion.

Fl-1938, Emvin telaq lejn Ruma biex jistudja fI-Accademia di Belle Arti fejn kien student ta’ Carlo Siviero. B’xorti ħażina kellu jtemm il-kors ħesrem fi żmien sena minħabba l-gwerra. Sħabu Willie Apap, Esprit Barthet, u Anton Inglott, li kienu kollegi tiegħu fl-istess Accademia, kellhom idabbru rashom ukoll.

Qabel telaq għal Ruma, Cremona kien diġa’ organizza l-ewwel wirja personali tiegħu fi Strada Rjali, il-Belt; fil-kapitali Taljana, imbagħad, ipparteċipa f’ wirja kollettiva flimkien ma’ sħabu ta’ l-Accademia. Meta rritorna Malta fI-1939, organizza wirja personali oħra fl-istess post u din id-darba seta’ jesponi l-esperjenza li kien kiseb barra minn artu. Fl-1941, l-artist inġabar bil-lieva fil-King’s Own Malta Regiment; madankollu, anke tul il-gwerra rnexxielu jesibixxi xi xogħlijiet f’żewġ wirjiet kollettivi (1942 – 1943) u saħansitra organizza wirja personali oħra fl-1943 taħt l-awspiċi tal-British Institute. Wara l-gwerra, fl-1945, ha sehem fil-wirja kbira ta’ l-Arti Sagra li saret hawn Malta stess.

Emvin reġa’ kiseb ċans ieħor biex jikkultiva t-talenti tiegħu meta rebaħ scholarship fis-Slade School University ta’ Londra, fejn bejn 1-1945 u 1-1947 studja taħt il-Prof. Randolph Schwabe. Anke hawn sab l-opportunita’ jesibixxi xi xogħlijiet tiegħu ma’ sħabu l-istudenti (1946). Mill-kapitali Ingliża, irħielha għal Pariġi u nkiteb fl-Ecole Superieure des Beaux Arts fejn għal tliet xhur studja taħt Jean Dupas.

FI-1948, wara l-mewt bikrija ta’ Anton Inglott, Cremona daħal biex ikompli d-dekorazzjoni tal-knisja parrokkjali ta’ l-Imsida. FI-1949 sar għalliem fl-lskola ta’ l-Arti tal-Belt u laħaq il-quċċata tal-karriera tiegħu fI-1952 meta fil-Lukanda Phoenicia, taħt l-awspiċi tal-Malta Cultural Society, wera 84 biċċa xogħol li kien ipproduċa bejn 1-1943 u 1-1951. Ħa sehem b’success fil-Biennale Internazionale ta’ l-Arti f’Venezia filwaqt li xi opri tiegħu, murija millCommonwealth Institute f’ Londra fI-1958, kienu mfaħħra mill-istampa Ingliża. Wara tnax-il sena jgħallem kellu jirriżenja minħabba li kien impenjat b’ruħu u b’ġismu fid-dekorazzjonijiet esterni li kienu għaddejin fl-okkażjoni tad-dsatax-il ċentenarju mill-miġja ta’ San Pawl fostna.

FI-1960 Emvin ha sehem fil-wirja ta’ l-Arti Pawlina fl-Istitut Kattoliku bħala
parti mill-istess ċelebrazzjonijiet. Sena wara rċieva l-unur ta’ Kavallier ta’ l-Ordni Ekwestri ta’ San Silvestru Papa; għal din l-okkażjoni, l-Institute for Cultural Exchanges nieda wirja kommemorattiva u ritrospettiva ta’ l-artist. Fl-1963, imbagħad, ngħata midalja tad-deheb mis-Soċjeta Arti, Manifattura u Kummerċ bħala rikonoxximent għall-kontribut artistiku tiegħu. FI-1969, Emvin organizza l-aħħar wirja personali tiegħu fil-Mużew Nazzjonali tal-Belt. Din il-wirja qajmet xi ftit tal-kontroversja minħabba li l-esperimentazzjoni tiegħu fl’astratt, li hu kien nieda f’nofs is-snin hamsin, issa ħadet dimensjoni aktar avventuruża.

Forsi l-akbar mertu ta’ Cremona kien li rnexxielu jsib kompromess għaqli bejn it-tradizzjoni akkademika u l-idjoma libera moderna. Ħadem fuq ħafna kummissjonijiet iżda dejjem żamm it-timbru personali tiegħu. Ħallielna xogħlijiet f’diversi knejjes f’Malta; barra l-knisja ta’ l-Imsida, nistgħu nsemmu wkoll il-knisja ta’ Fatima (Gwardamanga), il-knisja ta’ San Duminku (il-Birgu), il-knisja ta’ San Pawl Nawfragu (il-Belt Valletta), il-knisja ta’ Santu Wistin (il-Belt Valletta) il-knisja ta’ Santa Marija (Ħal Ghaxaq), il-knisja ta’ San Pubulju (il-Furjana), il-knisja ta’ San Gejtanu (il-Ħamrun), il-knisja tal-Lunzjata (Ħal Balzan) u sintendi l-knisja ta’ Sant’Andrija (Ħal Luqa). Ħadem ukoll il-kartun għall-mużajk tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu (Ghawdex).

Cremona, apparti li kien pittur imfittex u rispettat, ħalla marka wkoll filqasam tal-grafika kif ukoll fil-qasam tal-filatelija. Biżżejjed ngħidu Ii bejn l-1957 u l-1979 ħargu mill-istudju tieghu xejn anqas minn 62 sett ta’ bolli li għadhom imfittxija mid-diletttanti sa llum.

Huwa miet fid-29 ta’ Jannar, 1987 fl-għomor ta’ 67 sena.

L-opri ta’ Cremona f’ Ħal Luqa

FI-1966, fi żmien il-kappillan Innocent Borg, Cremona ħadem iż-żewġ
kwadri li hemm fil-kor mal-ħitan tal-ġnub. Billi l-prospettiva barokka li kien hemm qabel il-gwerra tnehhiet għal kollox, dawn il-ħitan kienu jidhru għera wisq; għalhekk kien ilu jinħass li l-kor kellu jiġi ddekorat b’xi pittura. Intgħażel Cremona għax sempliċiment kien l-aħjar artist lokali fost dawk li kienu qed jipproduċu opri sagri fil-knejjes; ħasra li dawn iż-żewġ kwadri m’humiex fost l-aħjar xogħlijiet tiegħu.

Wieħed juri lil Sant’ Andrija jadura is-salib ftit qabel il-martirju u l-ieħor juri d-difna (jew id-depożizzjoni) tal-qaddis. L-ispejjeż għal wieħed minnhom tħallsu mis-Sur Ġużeppi Galea, Ħalluqi ta’ l-Amerika filwaqt li l-kwadru l-ieħor tħallas mill-ġbir tal-poplu u l-fondi tal-parroċċa. Ma jidhirx li ntwerew xi abbozzi qabel ma beda x-xogħol proprju.

(a) L-Adorazzjoni tas-Salib

Fuq ix-xellug jidher l-appostlu għarkubbtejh, imneżża’ sa qaddu, b’idejħ
marbutin wara dahru, mgħasses minn suldat u uffiċjal tal-kavallerija. Fuq il-lemin jidhru l-manigoldi ta’ Eġea jarbulaw is-salib f’postu. Minn bejn is-sħab sfiq jidher ħiereġ merżuq dawl li jaqsam il-kwadru dijagonalment biex jillumina l-figura ta’ l-appostlu. Sintendi dad-dawl għandu funzjoni simbolika għax jixhed il-preżenza divina. Fin-nofs, imbagħad, jidhru xi nies ta’ Patras, josservaw kulma għaddej.

depozizzjoni

(b) Id-Depozizzjoni

Fuq il-lemin jidhru żewġt irġiel jġorru l-ġisem mejjet ta’ Sant’Andrija
filwaqt li fuq ix-xellug jidhru mara u raġel jitħaddtu fuq kollu li ġara. Il-mara, b’subgħajha twal u ppuntati, donnha qed tintroduċi ‘l-ispettatur fix-xena. Fin-nofs tiddomina l-arkitettura ta’ bini klassiku, aktarx xi tempju pagan.

L-Adorazzjoni tas-Salib, il-Martirju ta’ Sant’Andrija (it-titular) u dDepożizzjoni flimkien isawru narrattiva kontinwa; speċi ta’ xeneġġjat li jidwi x-xogħol ta’ Mattia Preti fil-knisja ta’ San Andrea delle Valle f’Ruma.

L-ewwel ħaġa li tolqtok f’dawn iż-żewġ kwadri hi d-desaturazzjoni tal-kuluri. Il-palett ta’ Cremona hi limitata għal skala żgħira ta’ lwien mitfija, aktarx biex tinħoloq atmosfera kiebja u melankonika. Timbru specifiku ta’ Cremona hu l-elongazzjoni tal-figuri li tidwi remotament l-manjera tas-seklu sittax u x-xogħol ta’ El Greco. Il-kwadri għandhom ukoll xejra impressjonista, fis-sens li ħafna mid-dettalji jidhru skeċċjati aktar milli definiti.

F’dik li hi kompożizzjoni, l-aktar ħaġa li tolqtok hi l-użu tal-golden section fil-kwadru tad-Depożizzjoni. Din kienet strategija rinaxximentali li taqsam tifsila rettangolari f’divizjonijiet geometri oħa. Hawnhekk, pereżempju, naraw kif il-linja tul il-kolonna bl-istatwa tifforma kwadru kważi perfett mall-kumplament tal-pittura fuq ix-xellug.

Dawn iż-żewġ kwadri huma t-tnejn iddatati (1966) u ffirmati.

San Pietru u San Pawl

San pietru u san pawl

FI-1970, l-istess pittur tagħna żewġ opri oħra għall-kor: il-kwadri ta’ San Pawl
u ta’ San Pietru li hemm kull naħa tat-titular tal-Preti. Dak ta’ San Pietru nafuħ lill-benefattur Karmenu Azzopardi u ta’ San Pawl lil Salvino Mamo. L-ismijiet tad-donaturi jidher miktub fuq l-istess kwadri.

San Pietru jidher wieqaf fuq pedestall tal-ġebel liebes il-palju ta’ isqof. F’idu l-leminja qed iżomm iċ-ċwievet tas-saltna u xi kotba taħt abtu. Maġenbu jidher it-trirenju, simbolu anakronistiku li jfakkarna li hu kien l-ewwel papa tal-Knisja. Dan hu xogħol kważi monokromatiku, hekk li l-pittur uża biss l-iskali ta’ l-isfar u l-kannella biex joħloq effett mill-aktar sobriju.

San Pawl, b’wiċċ imqit, jidher wieqaf fuq pedestall simili liebes l-aħmar (forsi metafora viżiva tal-martirju). F’idu l-leminija qed iżomm xabla, is-simbolu tal-qaddis, filwaqt li fix-xellugija qed iżomm l-epistolarju (il-ktieb li jiġbor fih l-ittri li nsibu fit-Testment il-Ġdid).

Dawn iż-żewġ xogħlijiet, minkejja ċ-ċokon tagħhom, huma aktar dinjituzi. Il-figuri huma solidi fl-istil barokk; madankollu, Cremona jerġa’ jikkwota xi aspetti rinaxximentali. Jekk inħarsu lejn il-veduta fl-isfond tal-kwadru ta’ San Pawl, nilmħu l-istess paesaġġ misterjuż li soltu nassoċjaw ma’ l-iskola Leonardeska. Ninnutaw ukoll kif saqajn iż-żewġ qaddisin joħorġu ‘l barra fuq l-gwarniċa tal-pedestall bħal donnhom qed jifqgħu t-tila. Din kienet ukoll srateġija rinaxximentali maħsuba biex toħloq effett tridimensjonali.

Nota

FI-1965, Cremona pitter ukoll il-kwadru magħruf bħala ”L-Madonna ta’ l-avjazzjoni, li qabel kien fil-kappella ta’ l-R.A.F. iddedikata lil Santa Marija qrib l-mitjar il-qadim, u issa jinsab imdendel fit-terminal il-ġdid ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Referenzi

Joseph Micallef, Ħal Luqa: Niesha u Ġrajjietha (1975).
Karm Zammit, “Gwida Storika u Deskrittiva tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal
Luqa” (1979).
Robbie Mifsud Bonnici, Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali
(Dip. ta’ I-Informazzjoni, 1960).
E.V. Borg, “F’Għeluq I-Ewwel Anniversarju mill-Mewt ta’ Emvin Cremona”,
In-Nazzjon Tagħna, (tliet partijiet: 16 & 23 ta’ Jannar, 6 ta’ Frar, 1988).

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.