L-innu “Al Martire San Andrea Appostolo” – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

L-innu “Al Martire San Andrea Appostolo”

///L-innu “Al Martire San Andrea Appostolo”
L-innu “Al Martire San Andrea Appostolo” 2017-12-31T22:45:42+00:00

L-innu “Al Martire San Andrea Appostolo” hu kompożizzjoni ta’ Mro. Tommaso Galea fl-1886.

Fl-1883 is-surmast Tommaso Galea inħatar bħala l-ewwel surmast taċ-Circolo e Filarmonica S. Andrea, ta’ Ħal Luqa. Ma’ din il-banda huwa għamel perjodu ta’ ħames snin sa l-1888. Ir-raġuni għalfejn spiċċa minn ma’ din il-banda mhix magħrufa, iżda minn sorsi oħrajn jidher li dan irtira minħabba s-saħħa fiżika tiegħu, tant li fl-istess perjodu ta’ meta rtira minn surmast ġewwa Ħal Luqa huwa kien qed ikun issikkat sabiex jirtira mill-istess kariga li kellu mal-Banda Alleanza ta’ Birkirkara.

Matul il-perjodu li serva bħala surmast direttur mal-Banda Sant’ Andrija, insibu li fl-1886 huwa kkompona l-ewwel innu lil Sant’ Andrija bl-isem ta’ “Inno Al Martire San Andrea Apostolo” fuq versi bit-Taljan ta’ xi ħadd mhux magħruf. Il-partijiet oriġinali ta’ dan l-innu miktub għall-banda jinsabu fl-arkivju mużikali fis-sede ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija .

Dan l-innu ikkomponieh propju lejn l-aħħar tal-karriera mużikali tiegħu għaliex fl-1893 fl-eta ta’ 64 sena huwa miet ġewwa Birkirkara fejn sar ukoll il-funeral tiegħu fil-Bażilika ta’ Sant’ Elena.

Tul il-karriera muzikali tieghu insibu li huwa serva perjodu ta’ 35 sena 9 xhur u nofs fil-lst Regiment, Royal Malta Fencibles li aktar tard bidel ismu għal Royal Malta Fencibles Artillery. Fit-23 ta’ Novembru 1858 huwa ngħata l-inkarigu ta’ Band Sergeant, jew aħjar surmast tal-banda fl-armata. Dam f’din il-kariga sakemm spiċċalu l-kuntratt ta’ ngaġġament tiegħu, jiġifieri sa l-25 ta’ Lulju 1862. Fil-perjodu kollu tiegħu fl-armata jiġifieri ta’ kważi 36 sena huwa għamel kważi 27 sena minnhom bħala surmast direttur tal-banda tar-riġment tiegħu. Biss din il-karriera mużikali hekk twila u ta’ prestiġju ma kinitx biżżejjed għaliex bejn l-1856 u s-sena tal-mewt tieghu, 1893, fil-¬ħajja ċivili tiegħu huwa kien ukoll involut kemm f’tagħlim kif ukoll fid-direzzjoni ta’ diversi baned madwar Malta.

Fl-1858 insibu lis-Surmast Galea jgħallem it-tejorija u l-prattika mużikali ġewwa l-Birgu f’dar imlaqq¬ma l-Inkontro fi Strada Palazzo Antico del Govematore, illum Triq il-Lhud. Eventwalment twaqqfet banda bl-isem tal La Vittoriosa f’xi żmien qrib l-1863 taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Andrea Grima u imlaqqma bħala l-“Banda ta’ Ljun”. Tommaso Galea kien ukoll l-ewwel surmast ta’ l-ewwel banda mużikali ġewwa l-Isla, bl-isem ta’ La Senglea, fl-1865. Insibu li f’nofs is-snin 50 huwa kien l-organista tal-Kolleġġjata ta’ Sant’ Elena fB’Kara. F’dan il-perjodu huwa kien ikkompona l-mużika ta’ l-innu korali ‘Optata lux solemnibus’ għat-tridijiet tal-festa ta’ Sant’ Elena, fuq kliem ta’ Dun Gużepp Zammit (magħruf bħala Brighella). Ġewwa B’Kara huwa kien ukoll il-fundatur ta’ l-ewwel banda Karkariza li kienet iġġib l-isem ta’ Socjeta’ Filarmonica Santa Elena. Fl-1872 huwa kkompona l-ewwel ‘Inno di Gloria a S.Elena Imp. Aug’. fuq versi bit-taljan tal-Kan. Dun Gwann Buġeja. Dan indaqq għall-ewwel darba nhar lejlet il-festa ta’ Sant’ Elena ta’ l-istess sena. Il-partijiet oriġinali ta’ dan I-Innu jinsabu fil-Każin tal-Band Duke of Connaught ta’ Birkirkara.

Propju tlett snin wara t-twaqqif uffiċjali ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija l-banda daqqet għall-ewwel darba dan l-innu f’ġieħ l-Appostlu Sant’ Andrija fil-festa titulari tiegħu, f’Novembru 1886, 121 sena ilu. Fil-gazzetta ‘Malta’ ta’ l-4 ta’ Diċembru 1886 insibu miktub li dan l-innu li ndaqq mill-Banda Sant’ Andrija kien ferm applawdit. Fuq il-partijiet oriġ¬inali tiegħu li huma miżmuma fl-arkivju mużikali tas-Soċjeta, għadek issib l-ismijiet ta’ l-ewwel bandisti li daqqewh fil-festa tas-sena 1886.

L-Innu ‘Al Martire San Andrea Appostolo’ inkiteb għal banda, kor, tenur solo u basso solo. L-istruttura ta’ dan l-Innu popolari hija omoġenja u l-kompożitur rari joħroġ mill-Chiave li jkun fiha fis-sezzjoni partikulari. Minn din il-kompożizzjoni joħroġ fiċ-ċar illi l-kompożitur kien iħobb ħafna jagħti prominenza lil Basso Solist, fil-fatt itih parti mpenjattiva ferm speċjalment fil-Kadenzi. Naraw illi t-tema prinċipali kantata mill-kor illi huwa ffurmat minn soprani, tenuri u baxxi, hija repetuta kemm-il darba biex b’hekk l-importanza tagħha ma tonqosx. Dan ix-xogħol tonali m’huwiex xi kompożizzjoni impenjattiva ħafna għal banda pero Galea rnexxilu joħloq innu sabiħ ħafna mingħajr ebda kumplikazzjonijiet. Nistghu ngħidu illi Mro. Tomaso Galea mexa ma’ l-abitudni ta’ l-aħħar tas-seklu 19, fejn ir-romantiċiżmu u l-eroiżmu kienu jinħassu ħafna. Ghalhekk fit-tema prinċipali ta’ l-innu, insibu illi permezz tal-mużika jagħmel enfazi fuq il-kliem “Gloria al forte, al Martire”. Din il-frażi hija repetuta kemm il-darba f’dan l-Innu. Dan l-Innu reġa’ ġie traskritt għall-Banda fl-1981 mis-Surmast Carmelo Caruana.

Il-Kliem Oriġinali:

Gloria al forte, al martire
Che sfido morte e natura;
Dal cor parto, lieta e pura
Lode al Santo, nostro onor

Gloria al prode, all’inclito
Che spezzo l’ira da verno;
Cantiam l’inno sempiterno,
Cantiam l’inno dell’amor,

Gloria al ciel, Gloria all’altissimo;
Gloria al santo che fu’ visto,
Qual seguace del suo Cristo
Sulla croce penzolar.

Dura morte, ah che si terribile,
Tu subisti per l’amore,
Divo Andrea, ma l’ tuo Signore
Tosta al cielo ti fe volar.

Salve o duce nostro Apostolo
E di Cristo atleta invitto,
Tu ne mostra al a camin ritto
Per raggiungerti nel cielo.

Referenzi:

Frank Psaila, Mro. Tommaso Galea 1829 -1893; Għaqda Mużikali Sant’ Andrija Festa 2005
Programm f’Għeluq il-Mitt Sena ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija; 1983
Analizi MuzikaIi Mro. Michael Pulis.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.