Aħna l-Ħalluqin nisimgħu ħafna b’dan il-post, Bethsaida. Nafu li hemm xi rabta mal-Padrun tagħna l-Appostlu Sant’ Andrija. Saħansitra l-każin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija huwa msemmi għal dan il-post. Kif ukoll kompożizzjoni riċenti li s-surmast tagħna Mro Paul Schembri rregala lil Banda tagħna f’għelqu il-25 sena surmast hija msemmija għal dan il-post. Anke l-bandalori li jżejnu Misraħ il-Knisja quddiem l-każin juru episodji mill-ħajja ta’ l-Appostlu waqt li jkunu Bethsaida.
Bethsaida li jfisser “id-dar tas-sajjieda” ,huwa wieħed mill-aktar postijiet imsemmija fit-testiment il-ġdid għax fih twieldu tal-anqas tlieta mit-tnax -il appostlu li huma Pietru , Indri u Filippu. . Huwa meqjus wkoll bħala il-post fejn Kristu wettaq l-akbar mirakli tiegħu : meta mexa fuq l-ilma tal-Baħar tal-Galilija, fejjaq lir-raġel għama u, tema’ lill-folla kbira ta’ nies b’ħames ħobziet u żewġ ħutiet. Kien min hawn li lil dawn it-tlett Appostli għamilhom sajjieda tal-bnedmin. Għalhekk, din il-belt minn dejjem kienet meqjusa bħala mportanti għal ħafna pellegrini madwar id-dinja minħabba r-relevanza storika tagħha ma’ Ġesu Kristu u l-bidu tal-knijsa kattolika permezz ta’ l-appostli tiegħu . Arkeoloġisti u vjaggaturi fittxew lil Bethsaida għal madwar 2000 sena sħan.
L-Istoriku Lhudi Josephus Flavius jsostni li fis-sena 30 W.K, Filippu, li kien it-tifel ta’ Erodi l-Kbir, għolla l-dan il-villaġġ bit-¬titlu ta’ Belt Griega u bidlilha l-isem għal Julias. Erba’ snin wara, Filippu miet u kien midfun f’ dan il-villaġġ. Skond dan l-istoriku, Bethsaida kellha rwol importanti fl-ewwel rivoluzzjoni kontra Ruma fis-sena 67 W.K. Skond kitbiet u figuri mis-seklu Tnejn. Għalkemm kien hemm repertorju letterarju kbir fi żmien Greko -Ruman fuq il-villagg ta’ Bethsaida, skond kitbiet ta’ pellegrini kristjani dan il-post qatt ma ġie misjub fiż-żminijiet tan-nofs.
Kien fl-1987 meta l-Arkeoloġista Israeljan Dr. Rami Avav wettaq riċerka ta’ għaxart ijiem fuq l-għolja Et-Tell, li tinsab 2 kilometri bogħod mill-kosta tal-baħar tal-Galilija, biex jiddetermina jekk il-21 ettaru ta art fil-madwar kinitx fil-fatt Bethsaida. Il-konklużjonijiet kienu inkoraġġanti, pero kien għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Għalhekk fl-1990 bl’ ¬inizjattiva ta’ Dr Avav u l-kollegi tiegħu , twaqqaf il-“Consortium of the Bethsaida Excavations Project”.
L-għan prinċipali għaliex twaqqaf dan il-konsorzju huwa l-iskavar ta’ dan il-post u riċerka fuq il-fdalijiet li nstabu f ‘dan is-¬sit. Fis-sena 1996, instabu fdalijiet ta’ dak li kien kumpless ta’ bieb prinċipali li wassal lill-istudjużi biex jintensifikaw ir-riċerka tagħhom . Instab li dan il-bieb prinċipali kien tal-Belt antika ta’ Bethsaida li kienet ukoll il-Belt Kapitali tar-Renju ta’ Geshur, liema renju huwa msemmi fl-iskritturi ebrajċi antiki, għaż-żjara tar-Re David u ż-żwieġ tiegħu mat-tifla tar-Re tal-istess Renju.