Festa tal-Madonna taċ-Ċintura 1884 – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Festa tal-Madonna taċ-Ċintura 1884

///Festa tal-Madonna taċ-Ċintura 1884
Festa tal-Madonna taċ-Ċintura 1884 2017-12-30T23:43:46+00:00

Kienu jsiru ħafna festi, kbar u żgħar fil-knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa matul is-sena. Fost il-festi żgħar insibu dik ta’ San Filippu Neri, San Alwigi u San Vinċenz Ferreri. Il-festi l-kbar mbgħad kienu jinkludu tal-Madonna tal-Karmnu, tas-Salib, tad-Duluri, tal-Fratellanzi u fuq kollox tal-patrun tar-raħal Sant’ Andrija.

Fost il-Fratellanzi konna nsibu tas-Sagrament, tal-Madonna tar-Rużarju u tal-Madonna taċ-Ċintura. Dawn kollha kien ikollhom il-purċissjoni tagħhom kull xahar. Għall-ewwel kull fratellanza kienet tagħmel il-purċissjoni tagħha fil-Knisja stess. Għas-seklu tmintax, il-fratellanzi bdew joħorġu l-purċissjoni tagħhom mad-dawra tal-pjazza.

L-Istatwa tal-Madonna

Bejn l-1692-93 saret l-istatwa tal-Madonna. Din l-istatwa bdiet tintuża fil-purċissjoni tal-Madonna tar-Rużarju u anke tal-Madonna tal-Warda. Matul is-sena din l-istatwa kienet tinżamm f’niċċa tal-ħġieġ bejn l-altar taċ-Ċintura u dak tar-Rużarju sakemm fl-1781 tqiegħdet fin-niċċa fejn hi llum, maġenb il-bieb il-kbir tal-knisja. Interessanti hu l-fatt li din l-istatwa saret qabel dik ta’ Sant’ Andrija, li din tlestiet fl-1781.

L-Ewwel Festa tal-Madonna taċ-Ċintura

Fl-1720 saret għall-ewwel darba l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura u baqgħet issir kull sena, l-Ħadd wara l-festa ta’ Santu Wistin li tkun ċelebrata fit-28 ta’ Awwissu.

Kien fis-seklu dsatax li l-festi esterni bdew jikbru bil-baned, logħon tan-nar u mixegħla bit-tazzi taż-żejt u fjakkoli. Hekk naraw li fl-1854, l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura kienet iċċelebrata l-Ħadd 3 ta’ Settembru. Il-Knisja kienet inżejna bil-kbir, saret mixgħla b’mija u għoxrin lampa taż-żejt u nġabet banda u ħarqu l-maskli u murtalletti. Hekk jidher li din il-festa kienet bdiet tikber ġmielha. Kien propju wara l-1875 li f’din il-festa bdiet tintuża l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. F’dik is-sena, il-Fratellanza taċ-Ċintura qasmet l-ispejjeż tal-pittur Giuseppe Cali li kien ġie mqabbad biex jiżbogħ l-karnaġġjon ta’ l-istatwa tal-Madonna mal-Fratellanza tar-Rużarju. F’dak iż-żmien din kienet għada tintuża biss għall-festa tal-Madonna tar-Rużarju.

Il-Parteċipazzjoni ta’ l-Ewwel Socjeta’ Filarmonika Ħalluqija fil-Festa tal-Madonna taċ-Ċintura.

Id-Devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu taċ-Ċintura kompliet tikber mas-snin u hekk naraw li l-prokuratur Giuseppe Micallef kompla ħeġġeġ id-devozzjoni lejn il-Madonna. Fl-1884, meta hu kien għadu prokuratur seħħ żvilupp ferm importanto li kompla kabbar din il-festa. Kellha tkun l-ewwel festa parrokkjali li fiha ħadet sehem għaqda mużikali Ħalluqija bil-banda tagħha.

Sa mit-twaqqif tagħhom l-ebda waħda miż-żewġ għaqdiet mużikali ma kienet għadha ġiet mistiedna u ipparteċipat f’xi waħda mill-festi tal-parroċċa.

L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kellha l-unur li tkun hi l-ewwel waħda mit-tnejn li tipparteċipa, u dan għamlitu fil-festa tal- Madonna taċ-Ċintura ta’ dik is-sena 1884, propju sena u ftit xhur wara t-twaqqif uffiċjali tagħha. It-tnejn kienu ġa dehru fil-pubbliku fir-raħal tagħna lejn l-aħħar tas-sena 1883, iżda kienet il-banda ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija li ħadet sehem għall-ewwel darba f’festa tal-parroċċa.

Deskrizzjoni ta’ dan insibuh fil-gazzetta,”Malta” tat-3 ta’ Settembru 1884, f’korrispondenza bid-data tat-2 ta’ Settembru. Il-korrispondent jikteb li l-Ħadd ta’ qabel kienet iċċelebrata l-festa tal-Madonna taċ-Ċintura u bl-impenn tal-Prokuratur is-Sur Giuseppe Micallef, l-festa kienet isbaħ minn fis-snin ta’ qabel. Il-korrispondent isemmi s-sehem tal-Banda Ħalluqija taħt id-direzzjoni ta’ Mro. T. Galea, li kienet komposta minn sittax-il ġuvni fost l-aktar intelliġenti tar-raħal. Huma daqqew lejliet u nhar il-festa u fost is-siltiet li ndaqqu l-korrispondent isemmi s-Selection tat-Traviata ta’ G. Verdi.

Dan kien il-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ l-għaqdiet mużikali Ħalluqin fil-festi tal-parroċċa u b’unur kbir l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kienet l-ewwel li għamlet dan. Fis-snin ta’ wara d-devozzjoni kompliet tikber iżda sfortunatament illum, din il-festa spiċċat kważi għal kollox. X’aktarx li din hi waħda mill-uniċi festi li jsiru fil-parroċċi Maltin li spiċċat hekk, minkejja d-devozzjoni kbira li kienet tgawdi.

Riferenzi

Dun Gużepp Micallef – ‘Ħal Luqa: Niesha u Ġrajjietha.’ Malta 1975
Gazzetta ‘ Mata’ – 3 ta’ Settembru 1884
Gazzetta1884

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
aricept tablets 5mg Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.