Il-50 Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetajiet Mużikali f’Ħal Luqa

///Il-50 Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetajiet Mużikali f’Ħal Luqa
Il-50 Anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjetajiet Mużikali f’Ħal Luqa 2017-12-31T00:21:21+00:00

Fil-kitbiet li nsibu fil-passat issemmiet kemm-il darba li filwaqt li l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fakkret l-anniversarju tal-50 sena mit-twaqqif tagħha, fil-każ tas-soċjeta l-oħra ta’ Ħal Luqa din qatt ma fakkritu.

stampaA

Għaliex intqal hekk; għas-sempliċi raġuni li f’kull pubblikazzjoni li ħarget din l-istess Soċjeta’, l-Unjoni, qatt ma semmiet li saru xi festi ta’ tifkira jew li kienet ipprezentata b’xi tifkira jew ħaġa jew oħra. Jekk iddur il-kitbiet li dehru sa sena ilu mkien ma nsibu xi referenza għal dan l-avveniment. Hekk jekk inħarsu lejn il-ktieb li ħareġ fl-1955 fl-okkażjoni tal-Festi f’Għeluq il-75 sena, ‘Siltiet mit-Twelid u l-Ħajja tal-Każin u l-Banda Unjoni 1880-1955’ is-sena 1930 hi kompletament maqbuza. (Ara Stampa A). Hawn wieħed irid jirrimarka li fl-1955 kienu għadhom għaddew 25 sena biss, jiġifieri mhux ‘lakemm xi ħaġa bħal din titħalla barra. Ġara l-istess fis-sena 1980 meta inħareg il-ktieb ‘Siltiet mit-twelid u l-ħajja tal-Każin u l-banda l-Unjoni 1880-1980’. Nistaqsu, b’dawn il-fatti kollha seta’ wieħed illum, 75 sena wara, jgħid li s-Soċjeta’ Filarmonika l-Unjoni fakkret il-50 Anniversarju tagħha fl-1930?

stampaB

Mill-banda l-oħra l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fakkret dan l-anniversarju u saħansitra tifkira tiegħu għadha tinżamm b’għożża kbira fil-każin tagħha. Fil-ktieb ‘Ġrajjiet mill-Ħajja tal-każin tal-Banda Sant’ Andrija” ippubblikat bħala tifkira tas-sebgħin sena mit-twaqqif tagħha, dan l-anniversarju jissemma u saħansitra hemm ritratt tal-bandalora li kienet ġiet irregalata f’dak l-anniversarju. L-istess ġara fil-ktieb li ħareġ f’għeluq il-mitt sena, ‘Ġrajjiet l-ewwel Mitt sena ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija 1883-1983’ . Qegħdin nippubblikaw ukoll siltiet mill-ktieb tal-minuti tas-sena 1933-34 fejn jissemma dan l-anniversarju u l-preżentazzjoni tal-bandalora li saret għall-okkazjoni (Ara Stampi B u C). B’dawn il-fatti kollha ppubblikati żgur li ħadd illum ma jista’ jgħid li l-50 Anniversarju ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ma kienx imfakkar.

stampaC

Iżda fis-sena 2005 tfaċċaw fatti ġodda. Ir-riċerkatur jipprova jagħmel minn kollox biex isib l-informazzjoni u hekk ġara f’dan il-kaz. Saret intervista mis-sur Francis Galea l-awtur ta’ ‘Ħal Luqa u l-banda tagħha l-Unjoni’ s-sena l-oħra, ma’ Gerald Vassallo ta’ 92 sena, fejn dan qallu li l-banda Unjoni fakkret il-50 Anniversarju fl-1930 meta hu kellu 17-il sena. Mela skond is-sur Ġerald Vassallo dan jiftakar dak li ħaddieħor tul dawn l-aħħar 75 sena ma ftakarx, u li dakinhar kienet ġiet imżanżna bandiera maltija ġdida bl-armi u l-isem tas-soċjeta l-Unjoni, iżda ma ftakarx dak li ħafna ftakru tul dawn l-aħħar 72 sena, jiġifieri li l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fakkret il-50 Anniversarju u saħansitra kienet irregalata bandalora irrakmata u bl-annu 1933. Lis-sur Francis Galea qallu li l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija madwar l-1933, meta suppost għalqu l-50 sena, dawn ma ċċelebraw xejn!

Is-sur Francis Galea għoġbu jippubblika dan kollu u dan għamlu ovvjament għax ried li b’mod jew ieħor juri li s-Soc. Fil. l-Unjoni ċċelebrat il-50 Anniversarju tagħha fl-1930 kontra ta’ dak li kienet qed tgħid l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u b’dan isaħħaħ l-argumenti tiegħu dwar it-twaqqif tagħha fl-1880. Pero dan mhux kif kien minn dejjem dokumentat anke fl-istess pubblikazzjonijiet tas- Soċjeta’ l-Unjoni. Fil-fatt kif jidher fl-istampa A l-bandiera maltija bl-armi tas-socjeta u sintendi bl-isem tas-socjeta kienet irregalata fis-sena 1933 u mhux fis-sena 1930, fis-sena 1930 m’hemm xejn u dan inkiteb wara 25 sena biss. Lanqas ma nsibu miktub li din l-istess bandiera kienet irregalata fl-okkazjoni tal-50 Anniversarju, dan ma jissemmiex!

Nistaqsu, jekk allura skond il-ktieb maħruġ fl-1955 mis-Soċjeta’ l-Unjoni, l-bandiera maltija b’isem is-Socjeta kienet irregalata fl-1933, dan ifisser li s-Soċjeta Filarmonika l-Unjoni kienet qed tiċċelebra l-ħamsin anniversarju tagħha dak inhar, fl-1933? Skond Ġerald Vassallo din il-bandiera kienet imżanżna fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju.

Illum li għaddew 75 sena s-sur Francis Galea ġab għall-attenzjoni tagħna li fl-1930 kien imfakkar dan l-anniversarju u kienet irregalata l-bandiera maltija b’isem is-Socjeta u dan għaliex xi ħadd a voce qallu hekk. Is-sitwazzjoni tkompli tiggrava għax l-istess Ġerald Vassallo qal li l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, l-50 Anniversarju ma fakkruhx!

Il-konkluzjoni hi li l-intervista li saret mis-sur Francis Galea mas-sur Ġerald Vassallo, li llum jgħodd 92 sena żgur li ma tipprova xejn. Illum nistgħu nikkonkludu għal darb’ oħra li filwaqt li l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fakkret il-50 Anniversarju tagħha, s-Soċjeta’ Filarmonika l-Unjoni ma fakkrithux.

Dak li nkiteb fl-1955, 25 sena biss wara u li reġa’ kien konfermat fl-1980 żgur li jistax illum jiġi njorat u naċċettaw dak li xi ħadd jgħid illum bla fatti dokumentati. L-istorja ma tinkitibx b’dan il-mod! L-Entużjażmu u l-partiġjaniżmu xi kultant jiġri b’xi wħud u jibdew jaħsbu u jgħidu dak li jixtiequ li kien u mhux dak li fil-fatt seħħ!

Il-Kumitat
Ghaqda Muzikali Sant’ Andrija

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.