Il-Festa mill-bidu saż-żminijet tal-lum – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Festa mill-bidu saż-żminijet tal-lum

///Il-Festa mill-bidu saż-żminijet tal-lum
Il-Festa mill-bidu saż-żminijet tal-lum 2017-12-31T00:37:19+00:00

Il-bidu tal-Festa

Il-festi titulari ħadu l-bixra tagħhom ta’ kif nafuhom illum fuq medda ta’ snin u kienu diversi l-fatturi u ċ-ċirkustanzi li wasslu għal dan. Il-festa titulari tar-raħal tagħna lill-Appostlu Sant’Andrija għaddiet mill-istess żvilupp biex illum għandna l-festa li nafu aħna.

Il-festa kienet tiġi ċċelebrata fil-jum proprju tal-festa liturgika ta’ Sant’Andrija jiġifieri nhar it-30 ta’ Novembru. Fl-ewwel snin wara li Ħal Luqa saret parroċċa, l-festa kienet tkun ċelebrata fil-Knisja biss, u kienet tikkonsisti jew f’quddiesa kantata bil-paniġierku biss, jew inkella quddiesa u għasar kantati. Lejliet il-festa kien isir il-vespri u nhar il-festa kienet issir quddiesa kantata bil-paniġierku filgħodu u kant tat-tieni vespri filgħaxija. Malli kien jintemm il-vespri għal ħabta ta’ xi l-4.30 p.m. in-nies kienet titla’ sal-misraħ. Min jintefa’ fil-ħanut tax-xorb, min kien idur ma’ xi mejda jissogra xi ħaga tal-flus fuq ir-rota tal-logħob u ohrajn kienu jieqfu jpaċpċu ma’ ħbiebhom u jixtru xi biċċa qubbajd mingħand tal-qubbajd li dak innhar kienu jarmaw quddiem il-Knisja.

ostensorju
Fl-1575, il-festa kienet issir b’quddiesa u għasar. Il-kappillan ta’ Bir Miftuħ (li minnha ħarget il-parroċċa ta’ Ħal Luqa), Dun Bartolomeo Mangion kien qal lill-Isqof Dusina li kienet drawwa tiegħu li fil-festi tal-irħula li kienu jsiru fil-parrocca tiegħu, kien imur iqaddes fil-knisja fejn tkun qed issir il-festa. Fil-Knejjes l-oħra tar-raħal kienu jsiru l-festi fil-jum tal-patrun tagħhom b’vespri u quddiesa. Xi festi minn dawn kienu jispiċċaw b’ikla lill-kappillan jew lill-qassis li jkun għamel il-festa. Ġieli wkoll kienu jagħtu xi ħaġa x’jieklu jew lill-foqra jew lin-nies li jkunu ħadu sehem fil-festa tal-knisja.

Bejn l-1729 u l-1740 bdiet toħroġ il-purċissjoni bir-relikwija tal-qaddis. Statwa ta’ Sant’Andrija ma kienx hawn u ghalhekk kienet toħrog ir-relikwija tal-qaddis. Din ir-relikwija ilha Ħal Luqa sa mill-1715 u kien ġabha ħabib tal-kappillan Aġius, ċertu Francesco Albotti, mingħand l-Abbati tal-patrijiet Cistercensi tal-Monasteru ta’ San Fabjan u San Sebastjan f’Ruma. Taha lill-Kappillan Aġius fit-12 ta’ Gunju 1715 f’relikwarju tal-bronz indurat. Fl-1721 sar Ostensorju bi flus Dun Guzepp Ellul u n-Nutar Filippu Tonna.

Jibda l-brijju tal-festi esterni….

L-ewwel statwa
Kien proprju l-Gran Mastru De Rohan li fl-1777 ordna biex il-festi kemm fil-Knisja kif ukoll barra jsiru bl-akbar pompa, u dan sabiex il-poplu jallegra ruħhu u jaljena. Dan kien il-bidu tal-festi fl-irħula u fl-ibliet kif nafuhom illum. F’Novembru 1781 insibu li l-Isqof Labini ra l-istatwa ta’ Sant’Andrija lesta fin-nicca tagħha. Minn studju ricenti li għamel Dr. John Debono, B.A., M.A., Ph.D., ġie svelat illi din l-istatwa saret mill-iskultur Ġiuseppe Scolaro li kien mill-Isla. Id-disinn ta’ l-istatwa kien ta’ Ġiuseppe Bonniċi filwaqt illi din l-istatwa tħallset minn Andrea Camenzuli, it-tnejn Ħal Luqin. (Ara Leħen il-Parroċċa Luqa -Lulju Awissu 2005. Nota: Qabel ma sar dan l-istudju xi wħud kienu jahsbu illi din l-istatwa setgħet inħadmet mill-iskultur Ħal Luqi Pietru Saliba). Il-mixgħela kienet issir bit-tazzi taż-żejt u mhux l-ewwel darba li saru wkoll il-fjakkoli.

Beda jsir in-nar għall-festa, b’murtaletti, maskli u giggifogu; filwaqt li fis-snin ta’ bejn l-1835 u l-1849, il-prokuratur kien jaħseb biex iġib banda għall-festa. Di fatti fis-sena 1879, ir-raħal kien mixgħela waħda: insibu li sew lejlet u nhar il-festa daqqew żewġ baned. F’jum il-festa, banda daqqet fuq palk fil-pjazza u l-oħra mxiet mal-purċissjoni. Is-surmast Pawlu Nani li kien Maestro di Cappella, daqq għall-ewwel darba antifona ġdida komposta minn ibnu Antonio Nani.

Wara din l-antifona baqgħet tinstema’ għal ħafna snin fil-festa tal-Appostlu Sant’Andrija, sakemm fl-1930 ħaditilha postha l-antifona li għandna llum u li hija komposizzjoni ta’ Ferdinando Camilleri. In-nar għal din is-sena inħadem kollu minn dilettanti Ħal Luqin.

It-twaqqif tal-Baned Ħal Luqin

knisja1919
Il-festa lill-Appostlu Sant’Andrija dejjem kienet il-qofol tal-ħajja tal-parroċċa tagħna. Sant’Andrija minn dejjem kien f’qalb il-Ħal Luqin u xhieda ta’ dan hu n-numru kbir ta’ parruċċani bl-isem ta’ Indri; dahri ħafna iktar mil-lum. F’dan l-isfond, il-Ħal Luqin xtaqu li l-festa tagħhom tkompli tikber u tisbieħ bil-parteċipazzjoni tal-banda tagħhom bħalma kien qed jiġri f’diversi bliet u rħula oħra. Din ix-xewqa kompliet tikber u sabet l-appogg ta’ ħafna. Ix-xewqa kienet li titwaqqaf banda biex tipparteċipa fil-festa tat-titular Sant’Andrija. Għalihom, ir-raħal u l-qaddis Patrun tagħhom kienu l-ewwel u qabel kull skop iehor. Ma kienx aċċettabbli ebda skop jew isem ieħor. Għalihom dawn il-Ħal Luqin, l-isem ta’ Sant’Andrija kien jiġi l-ewwel u qabel kollox; u hekk kif huma u l-ulied ta’ din il-parroċċa kienu jiġu mgħammda bl-isem tal-Patrun, hekk ukoll xtaqu li titgħammed l-ewwel Għaqda Mużikali tar-raħal. Ma kienux ser jaċċettaw li xi ħadd barra mir-raħal jiddetta l-isem ta’ l-ewwel għaqda mużikali, li l-iskop li għalih kienet ser titwaqqaf kien proprju biex tagħti ġieħ lill-Patrun tar-raħal bil-parteċipazzjoni tagħha fil-festa tiegħu.

Kien proprju f’Ġunju tal-1883 li dawn il-Ħal Luqin patrijotti waqqfu l-ewwel għaqda mużikali fir-raħal ta’ Ħal Luqa bil-għan li tieħu sehem fil-festa titulari tar-raħal iddedikata lill-Appostlu Sant’Andrija. Fost dawn il-Ħal Luqin ma kien hemm ebda disgwid dwar l-isem: isem il-patrun tar-raħal “Sant’Andrija”. Sfortunatament kien hemm minn kien influenzat minn min ma qabilx ma’ l-isem, u ried isem ieħor bla ebda konnessjoni ma’ raħal twelid din l-ewwel għaqda mużikali. Il-Ħal Luqin ta’ rieda soda ma ġewx influenzati u għal dawk li ma qablux, ma kellhomx triq oħra ħlief li jwaqqfu l-għaqda mużikali taghhom, wara li min kien insista fuq l-isem, offra s-servizzi tiegħu.

L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija mmexxxija mis-Sur Ġiuseppe Micallef kriet il-post numru 165, Strada Carmine, Ħal Luqa, u ħatru lil Mro. Tomaso Galea bħala l-ewwel surmast tal-Banda, li dak iż-żmien ma kellhu bżonn ta’ ebda introduzzjoni, għax kien fost l-aqwa surmastrijet li kien hawn go gziritna u kien diġa’ surmast ta’ baned oħra. L-iskop kien li din il-banda tipparteċipa fil-festa ta’ dik is-sena stess, 1883; iżda minhabba xi ntoppi, l-Pulizija żammet il-permessi. Bla dubju l-Banda Sant’Andrija daqqet fl-okkazjoni tal-ewwel quddiesa tas-saċerdot novell, Dun Indri Mifsud, f’Dicembru ta’ dik is-sena.

L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija reġgħet daqqet waħedha fil-festa parrokkjali f’gieħ il-Madonna taċ-Ċintura f’Awissu tas-sena 1884; u kienet l-ewwel festa parrokkjali bis-sehem tal-Knisja, fejn ħadet sehem fiha Banda Luqija f’Ħal Luqa. F’Novembru 1884, l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ipparteċipat għall-ewwel darba fil-festa titulari ta’ Sant’Andrija, kif għamlet ukoll ghall-ewwel darba s-soċjeta’ l-oħra tar-raħal.

L-għan li għalih twaqqfet l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija f’Ħal Luqa fl-1883 kien biex tipparteċipa fil-Festa Titulari tal-Appostlu Sant’Andrija. Dan għadu u jibqa’ l-għan ewlieni ta’ din is-socjeta’.

Wara li rajna l-isfond li fih bdew iż-żewġ għaqdiet mużikali ta’ Ħal Luqa issa ngħaddu biex naraw kif ġiet iċċelebrata l-festa tal-1884. Is-sena li kif għidna, iddebuttaw iż-żewġ baned Luqin fil-festa titulari ta’ Sant’Andrija.

Il-festa li saret fl-1 ta’ Dicembru 1884, kienet okkazjoni mhux tas-soltu għal Ħal Luqa. Ħadu sehem għall-ewwel darba ż-żewġ baned tar-raħal: Sant’Andrija u l-Unjoni. Barra minhekk, nhar il-festa, ha l-pussess il-kappillan il-ġdid Dun Ġiusepp Tagliaferro. Il-Ħadd lejlet il-festa, folla kbira ta’ nies ġiet ir-raħal biex tassisti għat-translazzjoni u tgawdi l-festi esterni ta’ dak in-nhar. Il-mixgħela kienet bit-tazzi taż-żejt u fjakkli. Il-gazzetta MALTA tgħid li r-raħal kien ħuġġieġa waħda. L-imsemmija baned għamlu marċ mat-toroq tar-raħal. L-istess gazzetta MALTA tghid li “kien ferm sabiħ tara żewġ baned rivali jdoqqu mużika tassew sabieħa u dan wara biss ftit xhur ta’ taghlim.” Nhar il-festa wara nofs in-nhar sar il-pussess tal-Kappillan Tagliaferro. Sfortunatament il-purċissjoni dak in-nhar ma saritx minħabba x-xita.

Il-festa fl-ahhar tas-seklu Dsatax:

Il-festa kompliet tikber kemm fil-Knisja kif ukoll barra. Dun Guzepp Vella, fil-“Ħajja ta’ Sant’Andrija”, jikteb hekk:

“Il-festa ta’ Sant’Andrija ssir b’solennita’ kbira barra u ġewwa. Il-Knisja tkun donnha ġenna, it-toroq għandhom armar sabiħ….. Jagħmlu illuminazzjoni kbira, l-baned tar-raħal ihennu ‘l kulhadd bil-ħlewwa u l-preċiżjoni tad-daqq tagħhom. Magħhom iġibu baned oħra, isir sparar u logħob tan-nar kbir… nistgħu ngħidu li l-aktar li jaghmlu fost l-irħula kollha.”

L-1913:

stawa war air restawr
Din is-sena, l-istatwa ta’ Sant’Andrija ġiet restawrata u ndurata mill-ġdid mill-iskultur Bormliż Abram Gatt. L-istatwa twasslet lura Ħal Luqa nhar il-Hadd 23 ta’ Novembru għall-festa ta’ dik is-sena. Għad-dehra tal-istatwa restawrata, l-folla preżenti nfexxet f’ċapċip kbir. Għall-festa ta’ dik is-sena saret ukoll bradella u bankun ġdid għall-istatwa. Dawn inhadmu mill-imgħallem Luqa Grixti fuq disinn ta’ Abram Gatt. It-tnax-il appostlu li hemm mal-bankun kienu ordnati l-Awstrija. It-tridu tal-festa beda’ l-Ħamis bil-kant tal-vespri akkumpanjat mill-orkestra Sant’Andrija. Lejlet il-festa ħabat il-Ħadd, u wara l-quddiesa tat-Te Deum, il-Banda Unjoni għamlet marċ brijjuż mat-toroq. Fil-għaxija saret il-mixgħela ġenerali li kienet għada ssir bit-tazzi taż-żejt kuluriti mal-faċċata tal-Knisja u fit-toroq. u L-Orkestra Sant’Andrija u Il-Banda Unjoni taw programm fil-pjazza u wara sar logħob tan-nar. Nhar il-festa fil-għaxija ħadu sehem il-baned San Ġużepp ta’ Ħaż-Żebbuġ u Beland taż-Żejtun. Il-purċissjoni dik is-sena għall-ewwel darba għaddiet minn dawn it-toroq: tal-Karmnu, ir-Rixtellu, San Pawl, San Ġużepp, San Ġorġ u Sant’Andrija; kif għadha ssir sal-ġurnata tal-lum.

Il-festa wara l-gwerra.

Minħabba l-gwerra l-festa esterna ta’ Sant’Andrija għal xi żmien ma baqgħetx issir. Fis-sena 1943 reġgħet bdiet issir. Lejlet il-festa, l-Banda Sant’Andrija għamlet marċ u programm fi Pjazza Sant’Andrija. Nhar il-festa kienet mistiedna l-banda L-Isle Adam tar-Rabat u din għamlet marċ u programm fi Pjazza Sant’Andrija fuq il-planċier.

Il-Bidu tal-Kwistjoni tal-Baned.

M’ghaddiex ħafna żmien wara li reġgħet bdiet issir il-festa esterna li ma nqalgħux l-intoppi. Lejlet il-festa ta’ Sant’Andrija fid-29 ta’ Novembru 1945, waqt li l-banda Sant’Andrija kienet għaddejja bil-marċ mill-pjazza, l-Banda l-oħra tar-raħal itterrompiet b’marċ ieħor. Dan kien il-bidu ta’ kwistjoni li nqalgħet fir-raħal u damet sejra għal snin twal. In fatti, dak in-nhar tal-inċident, kien biss wara l-intervent tal-pulizija li l-Banda Sant’Andrija setgħet tkompli bil-marċ biex tispiċċa fuq il-planċier li kien fi Pjazza Sant’Andrija. L-istess ġara s-sena ta’ wara; u wara l-intervent tal-pulizija, l-persuni involuti fl-inċident talbu skuża lill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija u ffirmaw dikjarazzjoni quddiem il-Kumitat.

Dawn il-kwistjonijiet damu jkaxkru diversi snin u xi snin minnhom, il-Banda Sant’Andrija bi protesta ma ħaditx sehem fil-festi uffiċjali. Dan l-inkwiet kien qed jifni r-raħal kollu u kienu diversi l-persuni li ntervenew biex forsi jintlaħaq ftehim.

Proposta biex il-Festa tibda’ ssir fis-Sajf.

Waqt il-laqgħa ġenerali li saret fl-20 ta’ Awissu tas-sena 1951, fuq proposta tal- ex-president Feliċ Farruġia li ġiet ukoll issekondata minn Salvu Ciappara, il-Kumitat ġie mitlub jagħmel dak kollu possibbli biex il-festa titulari ta’ l-Appostlu Sant’Andrija tibda’ ssir fis-sajf u jkellem lill-Kappillan biex jara x’jista jsir. B’risultat ta’ dan fit-2 ta’ Settembru saret laqgħa u li għaliha attendew l-għaqdiet kollha tar-raħal kif ukoll il-fratellanzi, minbarra l-fratellanza ta’ L-Isem Imqaddes t’Alla u dik taċ-Ċintura. Din il-laqgħa issejħet mill-Kappillan. F’dik l-istess sena (1951), l-awtoritajiet għolja tal-Pulizija iddecidew li b’effett immedjat, il-Banda Sant’Andrija tibda ddoqq f’Misraħ il-Knisja minflok f’Misraħ Sant’Andrija, filwaqt li l-Banda Unjoni ddoqq f’Misraħ Sant’Andrija minflok f’Misraħ il-Knisja.

Kellhom jgħaddu għaxar snin biex il-proposta li kienet saret mill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, biex il-festa tat-titular tibda’ ssir fis-sajf, isseħħ fir-realta’. In fatti, fl-1961, l-Awtoritajiet tal-Knisja laqgħu ix-xewqa tal-poplu ta’ Ħal Luqa u l-festa f’gieħ l-Appostlu Sant’Andrija bdiet issir fl-ewwel Ħadd tax-xahar ta’ Lulju. Dik is-sena (1961) il-festa saret fit-2 ta’ Lulju. Il-baned tar-raħal daqqew it-tnejn lejlet il-festa u l-baned mistiedna daqqew nhar il-festa filghaxija.

Jintlahaq ftehim.

Wara diversi tentattivi u medjazzjonijiet bejn iż-żewġ baned tar-raħal dwar il-kwistjonijiet li bdew fl-1945, fis-sena 1964, il-Kappillan Dun Innocenz Borġ reġa’ ħa l-inizjattiva f’idejħ u wara diversi laqgħat u korrispondenza, il-Gentlemen’s Agreement kif propost mill-Kappillan Borġ, fl-aħħar ġie ffirmat. Fit-12 ta’ Marzu 1964, gie ffirmat dan il-ftehim mill-President u s-Segretarju taż-żewġ baned Ħal Luqin, mill-Kancillier Mons. Giovanni Mifsud u mill-Kappillan Innocenz Borġ; u l-Avukat Joseph Sapiano iffirma bħala xhud tal-ftehim. Prinċipalment dan il-ftehim stabilixxa li d-dritta tal-baned tkun sena kull waħda. Dan il-ftehim, barra li jirregola l-festa ta’ Sant’Andrija, jirregola wkoll kull okkazjoni ohra li fiha jiehdu sehem iż-żewġ baned tar-raħal. U hekk bil-għajnuna t’Alla spiċċat darba għal dejjem kwistjoni li damet sejra 19-il sena u kienet għodda firdet lir-raħal.

Tkompli tikber il-festa.

Malta
Sa’ l-1971, il-festa esterna tal-festa titulari kienet iċċelebrata lejlet u nhar il-festa biss. Lejlet il-festa kienu jsiru marċi miż-żewġ baned Luqin bl-istatwa ta’ Malta Gwerriera mill-Banda Sant’Andrija u bl-istatwa tal-Anġlu mill-Banda Unjoni. Wara kienu jsiru programmi mużikali minn kull banda fuq il-planċieri rispettivi tagħhom. Nhar il-festa fil-għaxija, kull Każin kien jistieden Banda biex iddoqq waqt il-purċissjoni.

Fl-1972, intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ baned sabiex jibdew jiċċelebraw l-ahhar tridu tal-festa sena kull wahda. Fit-30 ta’ Gunju 1972, fl-aħħar tridu tal-festa, il-Banda Sant’Andrija għamlet marċ mat-toroq tar-raħal u wara esegwit programm mużikali fuq il-planċier fil-Pjazza tal-Knisja.

hrug1985
Fil-25 ta’ Mejju 1978, sar ftehim ieħor bejn iż-żewġ każini, dejjem fil-preżenza u bl-appoġġ tal-Kappillan, li permezz tiegħu sena kull wieħed, il-baned ta’ Hal Luqa bdew idoqqu nhar il-festa, l-Hadd fil-ghodu. Dik is-sena l-marċ sar mill-Banda Unjoni, filwaqt li l-Banda Sant’Andrija kien imissha s-sena ta’ wara. Dan għadu jsir hekk sal-lum.

Wara li komplew diversi diskussjonijiet, prinċipalment fuq is-sehem tal-baned fil-ħruġ tal-vara tal-Knisja min-niċċa, fis-sena 1985, matul il-parrokat tal-Kappillan Dun Kalċidon Vassallo, intlaħaq ftehim bejn iż-zewġ baned u l-Kappillan, dwar il-festa esterna u minn dik is-sena, is-sehem tal-baned kellu jkun a bażi ta’ ġimgħa festi bis-servizzi jalternaw kull sena bejn iż-żewġ baned:

It-Tnejn

Ħrug tal-vara min-niċċa – Għaqda Mużikali Sant’Andrija

It-Tlieta

Xejn

L-Erbgha

l-ewwel Jum tat-tridu: Soċjeta’ Filarmonica Unjoni
Il-Ħamis

it-tieni Jum tat-tridu: Għaqda Mużikali Sant’Andrija

Il-Ġimgħa

l-aħħar Jum tat-tridu: Soċjeta’ Filarmonica Unjoni

Is-Sibt

Lejlet il-Festa: Għaqda Mużikali Sant’Andrija u Soċjeta’ Filarmonica Unjoni

Il-Hadd

Jum il-Festa – Marċ ta’ filgħodu: Għaqda Mużikali Sant’Andrija

Sadattant kienet daħlet id-drawwa fost il-partitarji ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija li l-għada tal-festa, fil-jum tat-Tnejn, wara li jiġu mix-xalata tradizzjonali, jnizzlu l-istatwa ta’ Sant’Andrija minn fuq il-pedestall tagħha u jidħlu biha l-Każin. Din l-attivita’ sabet diversi ntoppi, iżda llum din l-attivita’ saret parti mill-festa minn naħa tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija.

lejlamaltijalejlamaltija1
Biex il-festa ta’ Sant’Andrija tkompli tikber, fl-24 ta’ Ġunju tas-sena 1994, is-sezzjoni taz-Żgħażagħ ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija introduċiet il-“Lejla Maltija” fir-raħal ta’ Ħal Luqa, li wara baqgħet tissejjaħ il-“Lejla a la Ħal Luqija” – serata ta’ varjeta’ u ta’ talent lokali, bi ‘stands’ ta’ l-ikel u xorb. Din l-attivita’ saret fil-pjazza ta’ quddiem il-Każin u mill-ewwel kienet suċċess bi pjazza mimlija nies u partitarji, u kienet ta’ livell għoli. Din il-Lejla ntemmet bi spettaklu ta’ nar ta’ l-art maħdum mid-dilettanti tal-istess socjeta’.

Is-sena ta’ wara, s-Soċjeta’ Filarmonika L-Unjoni riedet hi ukoll li tagħmel xi ħaga simili fl-istess ġurnata li kienet saret is-sena ta’ qabel. Għal dik is-sena wara ħafna laqgħat iż-żgħażagħ ħarġu bil-proposta biex dik is-sena jkunu jistgħu jagħmluha fil-ġurnata tat-Tlieta tal-festa li kienet vojta. Din ġiet aċċettata mis-Soċjeta’ l-oħra għal dik is-sena biss.

Is-sena ta’ wara, il-Kunsill Lokali ippropona liż-żewġ partijiet fil-preżenza tal-Kunsill Lokali li sena kull wieħed, waħda ssir il-Ġimgħa ta’ qabel il-ġimgħa tal-festa u l-oħra ssir f’gurnata oħra basta jkun hemm ġimgħa żmien bejn kull attivita’ u mhux fil-ġimgħa tal-festa. Hekk illum din l-attivita, inizjattiva tas-Sezzjoni Żgħażagħ tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, saret parti mill-festa esterna ta’ Sant’Andrija.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.