Il-Festa Titulari tas-sena 1913 u egħluq it-tletin sena mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Festa Titulari tas-sena 1913 u egħluq it-tletin sena mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija

///Il-Festa Titulari tas-sena 1913 u egħluq it-tletin sena mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija
Il-Festa Titulari tas-sena 1913 u egħluq it-tletin sena mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija 2017-12-31T00:37:52+00:00

II-festa titulari ta’ Sant’Andrija li saret mill-Ħalluqin f’Novembru tas-sena 1913, kienet festa speċjali. Il-poplu Ħal Luqi kien ikkontribwixxa bis-sħiħ sabiex l-istatwa titulari ta’ Sant’Andrija tkun restawrata. Skond kif inhu magħruf minn dokumentazzjoni storika listatwa titulari tlestiet fis-sena 1781. Wara ftit aktar minn mija u tletin sena l-poplu Ħalluqi ddeċieda li kien wasal iż-żmien li din l-istatwa tiġi restawrata. Dan il-bżonn x’aktarx li nħass wara li l-festa titulari ta’ Sant’ Andrija kienet ħadet spinta sew ‘il quddiem wara t-twaqqif taż-żewġ soċjetajiet mużikali fl-1883 u s-sehem tagħhom fl-istess festa sa mis-sena 1884 u dan kollu l-poplu Ħalluqi jikkontribwixxih lill Ħalluqi s-Sur Giuseppe Micallef li kien strumentali fit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija.

U dan iwassalna għat-tieni avveniment importanti f’dik il-festa, it-tifkira ta’ egħluq it-tletin sena mit-twaqqif tal-Filarmonika San Andrea, l-ewwel Soċjeta’ Mużikali Ħal Luqa. Kienet il-Filarmonia San Andrea biss li fakkret dan l-anniversarju u dan għamlitu b’mod tassew xieraq u nobbli kif ser naraw ‘il quddiem.

Ir-Restawr ta’ l-Istatwa Titulari

Ix-xogħol tar-restawr ta’ l-istatwa titulari kien fdat f’idejn il-bravu skultur Bormliż Abraham Gatt. Kien deċiż ukoll li ssir l-induratura mill-ġdid kif ukoll jinħadmu bradella u bankun ġodda għall-istess statwa. Dawn ta’ l-aħħar inħadmu fuq disinn ta’ l-istess skultur Abraham Gatt mis-Sur Luca Griscti. Dan Griscti kien midħla sew tal-Filarmonica San Andrea u l-membri tagħha, tant li ismu jidher fil-kotba tas-Segretarja sa mis-sena 1912 u aktar tard fis-sena 1915 insibu li kien elett fil-kumitat ta’ l-istess każin. Ix-xogħol fuq il-bradella u l-bankun sar kollu minnu.

karru

L-ispejjeż tar-restawr kif ukoll tal-bradella u l-bankun tħallsu kollha minn fondi li nġabru mill-poplu kollu ta’ Ħal Luqa u l-kontribuzzjoni tal-kappillan Dun Anton Vella u l-kleru. Dun Anton Vella kien ilu kappillan ta’ Ħal Luqa sas-sena 1903 u peress li kien Bormliż kien hu li ressaq lejn Ħal Luqa lill-iskultur Abraham Gatt.

Dan dam kappillan sas-sena 1920 meta nħatar Monsinjur. Għall-bankun kienu ordnati wkoll tnax-il appostlu li nħadmu fl-Awstrija.

Għall-festa ta’ dik is-sena kienu tlestew tlieta biss. Id-disgħa l-oħra tlestew is-sena ta’ wara.

It-Tletin Anniversarju –Filarmonika San Andrea

Fil-festa ta’ dik is-sena seħħew ħwejjeġ oħra mportanti. Hawn naraw li l-orkestra San Andrea fi ħdan il-Filarmonica San Andrea ħadet sehem bil-mużika tagħha fit-tridijiet tal-festa ġewwa l-Knisja Parrokkjali.

Il-Filarmonica San Andrea bl-orkestra tagħha, kienet l-unika soċjeta Ħalluqija li qatt ipparteċipat fil-funzjonijiet ġol-Knisja.

Mro Paolo Vella

Is-Surmast Paolo Vella, il-kompożitur tal-Kantata lill-Appostlu Sant’ Andrija, kien surmast direttur ma’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija mis-sena 1908 sa l-1914. Ban is-surmast twieled fl-1874 u miet fis-27 ta’ Diċembru 1936. Ta’ 7 snin beda jitgħallem il-vjolin u f’żgħożitu kien vjolinista ma’ l-orkestra tat-teatru Rjal. Tħarreġ fl-armonija, il-kontrapont u l-istrumentazzjoni fl-Istitut Mużikali tal-Professur Pawlin Vassallo. Ikkompona ħafna mużika sagra u profana u rebaħ tliet medalji fil-konkors mużikali ta’ l-istabbiliment Tito Belati ta’ Perugia fl-Italja li huma:

Medalja tal-bronż għal Marcia Militare “San Andrea”
Medalja tal-fidda għal Marcia Funebre “Dolorosa”
Medalja tad-deheb għal Marcia Sinfonica “La Jennesse”

L-Orkestra San Andrea kienet taħt id-direzzjoni ta’ dan l-bravu surmast. Dan hu xhieda tar-rikonoxximent importanti li din kienet tgawdi f dawk l-ewwel snin tas-seklu għoxrin u tal-kontribut siewi li kienet tagħti fir-raħal tagħna.

Dan barra s-sehem tagħha f’festi oħra tal-parroċċa bħall-Gimgħa l-Kbira u Corpus Cristi.

F’ lejliet il-festa ta’ dik is-sena l-Filarmonika San Andrea esegwiet innu ġdid lill-Appostlu Sant’Andrija. Dan l-innu kien kompożizzjoni ta’ Mro. Paolo Vella bl-lirika bit-Taljan ta’ Patri Carmelo del Bambin Gesu Sc. Dan kien it-tielet innu f’ġieħ dan l-appostlu, wara li fl-1886 kien indaqq innu ieħor tas-Surmast Tommaso Galea u fl-1889 kien indaqq dak ta’ Mro Gaetano Grech.

Is-soċji kienu kkontribwew bis-sħiħ sabiex sar dan l-innu ġdid għall-orkestra San Andrea.

karru

Kif naraw fil-ktieb tal-Kaxxier kienu diversi dawk li taw il-kontribuzzjoni tagħhom biex tħallsu l-ispejjeż.

Dan l-Innu għadu jindaqq mill-Banda Sant’Andrija wara li kien irranġat għall-banda minn Mro. Anton Muscat Azzopardi u Mro. Carmelo Caruana filwaqt li l-lirika tiegħu ġiet maqlubha għall-Malti minn Ġorġ Zammit

Hekk il-festa tas-sena 1913, kellha sinifikat doppju. L-ewwel għax l-istatwa titulari ta’ Sant’Andrija kienet restawrata u saritilha bradella u bankun ġodda, u t-tieni għax b’konnessjoni ma’ dan l-istess avveniment il-Filarmonica San Andrea esegwiet innu ġdid f’ġieħ l-Appostlu Sant’Andrija u fl-istess ħin fakkret t-tletin anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Referenzi:

Ħal Luqa: Niesha u ġrajjietha. G. Micallef
Kotba tas-Segretarju u tal-Kaxxier Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – 1912,1913,1915

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.