Il-Fundatur u l-Membri fl-ewwel Kumitat – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Fundatur u l-Membri fl-ewwel Kumitat

///Il-Fundatur u l-Membri fl-ewwel Kumitat
Il-Fundatur u l-Membri fl-ewwel Kumitat 2017-12-31T00:38:39+00:00

Kien proprju f’Ġunju ta’ 1-1883 meta twaqqfet uffiċjalment l-ewwel għaqda mużikali fir-raħal ta’ Ħal Luqa u ngħatat l-isem f’ġieħ il-Patrun tar-raħal Sant’ Andrija. Hu fatt aċċettat li mhux lakemm twaqqaf soċjeta mużikali u għaldaqstant żgur li l-ħsieb u l-preparamenti kienu ilhom għaddejin għal xi żmien. Hu fatt indiskutibbli wkoll li t-twaqqif ta’ Soċjeta’ Mużikali u kwalunkwe soċjeta oħra jitlob li din tkun reġistrata b’mod jew ieħor. Kull soċjeta’ kostitwita trid tkun immexxija minn uffiċjali, primarjament President u membri oħra miġbura f’kumitat. Fuq kollox socjeta’ jrid ikollha s-sede tagħha fejn jiltaqgħu l-membri. Barra dan soċjeta’ mużikali tirrikjedi li jkollha s-Surmast Direttur tagħha. Nistgħu ngħidu li l-ewwel Soċjeta Mużikali f’Ħal Luqa twaqqfet mis-Sur Guseppe Micallef li kien magħżul bħala l-ewwel President tas-Societa Filarmonica San Andrea, filwaqt li n-nutar Franġisku Schembri u t-tabib Giacomo Baldacchino kienu segretarju u kaxxier rispettivament. Ll-membri l-oħra tal-Kumitat kienu, Gio Frangisk Micallef, Gio Patist Cremona u Andrea Portelli. Bħala Surmast Direttur insibu l-Band Sergeant ta’ I-RMA Mro. Tommaso Galea, li sa dak iż-żmien kien diġa Surmast stabbilit ta’ diversi baned fosthom Alleanza ta’ Birkirkara u La Sengle ta’ I-Isla. Is-sede tas-Soċjeta kienet reġistrata bħal dik f’numru 165 fi Triq iI-Karmnu, Ħal Luqa.

Is-Sur Giuseppe Micallef, il-Fundatur u l-Ewwel President

fundaturifundaturiIs-sur Giuseppe Micallef kien qabel kollox Ħalluqi. Hu kien il-kbir fost ħamest aħwa. Missieru kien Andrea Micallef li kien ħu l-Perit Francesco Micallef. Ommu Pawla f’xbubitha kienet kunjomha Farruġia. Fiż-żwieġ tagħhom kellhom ħamest itfal; Giuseppe, Gio. Frangisk, Kola, Cristina u ż-żgħir Salvu. Il-Familja Micallef rabbew lil uliedhom b’għożża kbira u tawhom edukazzjoni xierqa, fuq kollox rabbewhom fl-imħabba lejn il-Patrun tar-raħal, l-Appostlu Sant’ Andrija.

Hekk naraw li Gio. Frangisk, li kien membru fl-ewwel kumitat u s-suċċessur ta’ Giuseppe bħala President tas-Societa Filarmonica San Andrea, kien Foreman tas-Civil Engineering Department fit-Tarzna ta’ l-Ammiraljat. Salvu kien kuntrattur u skultur fil-ġebla u nsibu diversi xogħlijiet li ħadem f’Ħal Luqa. Dawn it-tnejn kienu sturmentali fit-twaqqif ta’ l-ewwel Soċjeta’ Mużikali f’Ħal Luqa u taw l-appoġġ kollu tagħhom lil ħuhom Giuseppe. Cristina żżewġet lil Gio. Patist Cremona li kien piżatur. Dan ukoll kien ta’ għajnuna kbira għal Giuseppe u kien ukoll membru fl-ewwel kumitat tas-Soċjeta.

Giuseppe li kien il-kbir twieled f’Ħal Luqa fl-1849 u sa minn tfulitu wera li kien intelliġienti u kap fost sħabu. Wara li temm l-edukazzjoni tiegħu f’livell sekondarju, kompla jistudja u laħaq Spettur Sanitarju mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Belt Valletta. Fir-raħal hu kien żagħżugħ maħbub u mfittex. Nsibu li kien Prokuratur talFratellanza tal-Madonna tat-Ċintura u kien strumentali biex kibret id-devozzjoni lejha u anke l-festa tagħha. Hekk naraw li fi żmienu l-kwadru devot tal-Madonna tat-Ċintura kien ġie mżejjen bi stellarju tad-deheb filwaqt li fil-festa bdiet tipparteċipa banda Ħalluqija.

Bħal Spettur Sanitarju kellu l-uffittju tiegħu fi Strada Reale, ilium Triq irRepubblika, ħdejn il-Borża u bieb ma’ bieb mal-Kazin tal-Banda Nazionale Vincitrice, 1-Kings Own Band tal-lum. Għaldaqstant Giuseppe ma setax ma jkunx midħla ta’ dan il-każin li f’dawk iż-żminijiet kien fost l-ewlenin u l-aqwa surmastrijiet u mużiċisti f’Malta kienu jiffurmaw din il-Banda. Hemm hu kellu ħafna ħbieb li kienu jirrispettawh. Sa minn dawk iż-żminijiet u kif għadu sallum dan il-kazin insibuh imlaqqam bħala ta’ l-Istilla. Hekk nistgħu ngħidu li, fl-isfond ta’ l-iżvilupp li kien għaddej f’diversi bliet u rħula oħra fejn bdew jitwaqqfu diversi għaqdiet mużikali, 1imħabba li kellu lejn ir-raħal u l-Patrun tiegħu Sant’ Andrija u l-ħbiberija li kellu ma’ dawn il-mużiċisti u l-appoġġ li beda jsib minnhom, wasslu biex nibtet u kibret fih ix-xewqa li jwaqqaf banda fir-raħal tiegħu biex tieħu sehem fil-festi tal-parroċċa. F’din il-ħidma tiegħu Giuseppe sab ħafna għajnuna minn diversi patrijotti intelliġenti Ħalluqin li huma wkoll xtaqu li titwaqqaf l-ewwel Għaqda Mużikali bil-Banda tagħha. Għalihom l-isem kellu jkun l-isem tal-Patrun tar-raħal Sant’ Andrija u dan kien jagħmel sens partikularment meta wieħed jara li sa dawk iż-żminijiet, jiġifieri fil-bidu tas-snin 1880 ġa kienu ġew imwaqqfa xi għaqdiet b’isem ta’ qaddisin, fosthom “San Giorgio” ta’ Bormla, u l-Għaqda Soċjali f’Ħal Lija, proprju bl-isem Sant’ Andrija. B’dana kollu, kif dejjem jiġri, sab ħafna tfixkil, iżda b’determinazzjoni u b’kuraġġ kbir, bla qatt ma ċeda għal xi pressjoni, flimkien ma’ sħabu għeleb dan kollu u f’Ġunju ta’ 1-1883 waqqaf uffiċjalment s-Societa Filarmonica San Andrea u kienet imlaqqma ta’ l-Istilla b’turija tar-rabta li kienet teżisti mal-Banda tal-Belt Valletta Nazzionale Vincitrice. Is-Societa Filarmonica San Andrea u l-Banda tagħha kienu l-ewwel fir-raħal ta’ Ħal Luqa u kienu l-ewwel li ħadu sehem fil-festi tal-Parroċċa organizzati mill-knisja.

Sfortunatament, is-sur Giuseppe Micallef ma tantx gawda l-frott tax-xitla li kien xettel għaliex appena għaddew tliet snin, nhar 1-20 ta’ Mejju fl-1886 miet fl-Isptar Ċentrali talFurjana fl-eta ta’ 37. Din kienet telfa kbira għall-familja tiegħu u għas-Soċjeta’ li kien waqqaf u fuq kollox għar-raħal ta’ Ħal Luqa li kien tilef żagħżugħ intelliġenti, mimli enerġija, b’viżjoni u fuq kollox patrijott. Sarlu funeral kif kien jixraqlu bis-sehem tas-Societa Filarmonica San Andrea li tagħha kien il-fundatur u wara kien midfun fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa.

L-Ewwel Segretarju

fundaturiDan kien in-nutar Franġisku G. Schembri, li fl-1883 kien għadu student. Hu twieled fissena 1863 fil-5 ta’ Ġunju minn Horatio Schembri u Carmela nee Schembri u tgħammed Ħal Luqa. Hu ngħata l-Warrant ta’ Nutar Pubbliku fit-8 ta’ Lulju 1891 mill-Ett Tiegħu l-Gvernatur ta’ Malta. Hu żżewweġ għand il-familja Adami. Skond il-Gazzetta talGvern tas-sena 1901, nsibu li hu mar joqgħod il-Ħamrun. Fost uliedu nsibu lil Anton Schembri Adami, tabib li kien Ministru tas-Saħħa u wara Ministru tax-Xogħlijiet fil-Gvern tal-Prim Ministru Pawlu Boffa fl-1947. Hu miet fl-24 ta’ Novembru 1926.

L-Ewwel Kaxxier

fundaturiF’din il-kariga nsibu lit-tabib Giacomo Baldacchino li fl-1883 kien ukoll għadu student. Hu twieled fis-27 ta’ Gunju 1865 minn Calcedonio Baldacchino u Theresa nee Depasquale u tgħammed Ħal Luqa. Ħuh kien s-saċerdot Dun Gużepp Baldacchino. Hu żewweġ lil Giuseppina nee Orlando u kellhom ħames ulied. Lejn l-aħħar tas-seklu dsatax hu nħatar tabib distrettwali tal-Gvern is-Siġġiewi u b’hekk ħalla r-raħal. Fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin huwa nħatar tabib distrettwali f’ Ħal Tarxien u Ħal Luqa kienet tagħmel parti ukoll minn dan id-distrett. Interessanti hu li skond il-Guida Generali di Malta e Gozo ta’ 1-1908, it-tabib G. Baldacchino kien President Onorarju taċCircolo Musicale I’Annunziata ta’ Ħal Tarxien. Dan juri l-interess li kellu fil-kultura u l-arti mużikali. Dan ikompli jikkonfermah il-fatt li wieħed minn uliedu Nicolo kien wiefled fost l-aħjar tenuri maltin fi żmienu u kien l-ewwel malti li mar jistudja l-vuċi fl-Italja. It-tabib G. Baldacchino miet tas-Sliema fis-6 ta’ Marzu 1940.

Membri

fundaturiGio Frangisk Micallef twieled fl-1849 minn Andrea Micallef u Pawla nee Farruġia u tgħammed Ħal Luqa. Hu kien it-tieni fost ħames aħwa fosthom Giuseppe Micallef il-fundatur u l-ewwel President tas-Societa Filarmonica San Andrea. Hu żżewweġ lil Filomena nee Aġius mill-Furjana u kellhom sitt itfal. Gio Frangisk kien Foreman tas-Civil Engineering Department fit-Tarzna ta’ l-Ammiraljat. Fost uliedu nsibu lill-Perit Andrea Micallef, l-ewwel superjur tal-Qasam tal-MUSEUM f’Ħal Luqa u il-Perit tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa li nbniet wara li kienet iġġarfet fil-gwerra. Wara l-mewt ta’ Giuseppe Micallef, Gio Frangisk inħatar bħala s-suċċessur tiegħu fl-1886. Hu miet fl-1933.

fundaturiGio Patist Cremona twieled fl-1 ta’ Novembru 1857 minn Annuntiato Cremona
u Katerina nee Barbara u tgħammed Ħal Luqa. Hu żżewweġ lil Cristina nee Micallef, oħt Giuseppe u Gio Frangisk Micallef u kellhom ħamest ulied, fosthom Giuseppe Caruana; iz-zanz li kien magħruf sew għax xogħol tal-logħob tan-nar li kien jagħmel għall-festi tar-raħal. Gio Patist kien piżatur u kellu ħanut ta’ l-injam fid-dawra ż-żgħira quddiem il-Knisja Parrokkjali, fejn kien jieqaf il-karrozzin għall-Belt. X’aktarx li l-membri ta’ l-ewwel kumitat kollha kienu jiltaqgħu għandu qabel jitilqu għall-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Gio Patist Cremona żgur li jibqa’ mfakkar għall-kolonna ta’ l-istatwa ta’ Malta Gwerriera li ħadem fl-1885. Hu miet fl-1926.

fundaturiAndrea Portelli twieled fl-10 ta’ Jannar 1857 minn Viktor Portelli u Rosa nee Farruġia u tgħammed Ħal Luqa. Hu kien iż-żgħir fost tliet aħwa u l-familja tiegħu kienet toqgħod fi Triq Brittania, illum Triq Pawlu Magri. Andrea kien baqa’ ġuvni u kien attiv ħafna fl-attivitajiet soċjali u rikrejattivi li kienet torganizza s-Societa’. Hu miet fid-9 ta’ Marzu 1939.

Dawn il-membri flimkien mal-fundatur is-Sur Giuseppe Micallef sawru l-ewwel Għaqda Mużikali f’ Ħal Luqa fl-1883, is-Societa Filarmonica San Andrea. Din is-soċjeta’ illum, aktar minn 120 sena wara, għadha rikonoxxenti lejn dawn is-sinjuri li blakbar sens ta’ patrijottiżmu u bl-akbar gieħ u mħabba lejn il-Patrun ta’ Ħal Luqa Sant’ Andrija, għelbu kull tfixkil u ndħil u waqqfu u semmew lil din l-ewwel soċjeta mużikali għal wisq maħbub Appostlu u Patrun Sant’ Andrija.

Referenzi

Arkivju Parrokkjali, Registru tal-Magħmudija
Dun Gużepp Micallef, Ħal Luqa, Niesha u Ġrajjietha – Malta 1975
Vincent Battistino, L-Istorja ta’ l-Għaqda Mużikali Marija Annunziata, Ħal Tarxien

Ħajr lill-

Familjari ta’ Giuseppe u Gio Frangisk Micallef, tan-Nutar Frangisku G. Schembri u tat-Tabib Giacomo Baldacchino

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.