Il-Ġubilew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja – 1897 u s-sehem tal-Banda Sant’ Andrija f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Ġubilew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja – 1897 u s-sehem tal-Banda Sant’ Andrija f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

///Il-Ġubilew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja – 1897 u s-sehem tal-Banda Sant’ Andrija f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Il-Ġubilew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja – 1897 u s-sehem tal-Banda Sant’ Andrija f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. 2017-12-31T00:41:26+00:00

Medalja
Fis-sena 1897 il-Banda Sant’ Andrija ħadet sehem fil-festi kbar li saru fl-okkażjoni tal-Ġubilew tad-Djamanti tar-Reġina Vittorja. Fl-20 ta’ Ġunju, il-Banda Sant’ Andrija kienet waħda mill-baned li ħadu sehem fl-isfilata li saret minn Bieb il-Bombi sal-Belt Valletta.

B’kollox kienu ħadu sehem 31 banda minn madwar Malta. Il-Banda Sant’ Andrija kienet imxiet il 21 waħda fl-isfilata.

L-isfilata kienet immexxija mill-Banda Prince of Wales u fl-aħħar kien hemm mil-Banda La Vallette, tal-Belt Valletta.

Wara ġiet ippreżentata l-bandiera komemorattiva mis-Sinjura Lloyd mart l-ammiral ta’ dak iż-żmien u daqqet l-Innu Ingliż (God Save) fi Pjazza Teżorerija. Fit-22 ta’ Ġunju, għall-istess okkażjoni l-Banda Sant’ Andrija esegwiet program fi Pjazza Fosse il-Furjana mit-8.00 sa l-10.00 ta’ filgħaxija, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Spiru Żammit. Bħala tifkira, il-bandisti li ħadu sehem kienu ġew irregalati medalja ndurata.

Ritratti:

Ir-ritratti tal-Main Image huma, fin-nofs il-monument tar-Reġina f’ Buckingham Palace (Londra), fuq il-lemin ritratt tar-Reġina meħud fl-1897 u fuq ix-xellug monument li jinsab ġewwa Sydney (Awstralja).

Filwaqt li r-ritratt tal-medalja hija dik li ngħatat lill-bandisti tal-baned li ħadu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’pajjiżna

Refernzi:

Ġrajjet mill-Ħajja tal-Każin tal-Banda Sant’ Andrija – (Progress Press 1952)

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.