Il-Kazin f’Pjazza tal-Knisja – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Kazin f’Pjazza tal-Knisja

///Il-Kazin f’Pjazza tal-Knisja
Il-Kazin f’Pjazza tal-Knisja 2017-12-31T00:41:57+00:00

Dan l-atriklu huwa siltiet min kitbiet tas-Sur Alex Serge dwar is-sede tal-Għaqda tagħna li kiteb fl-okkażjoni tal-Festa fil-ħarġiet annwali tal-ktieb tal-Festa. Din is-sena nfakkru l-55 sena min meta is-soċjeta’ mxiet għal 10 Misraħ il-knisja.

Huwa mportanti ħafna li l-membri tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija kif ukoll kull min hu interessat fl-istorja tas-Soċjeta’ tagħna, jkun jaf fejn kienu l-postijiet li xi darba jew oħra, servew bħala Sede (Każin) tas-Societa’ Filarmonica San Andrea, sa mill-fundazzjoni tagħha jiġifieri fl-1883 sal-ġurnata tal-lum.

L-ewwel post li nkera ghall-iskop li tigi ffurmata l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija kien f’numru 165, Strada Carmine (Carmel Steet), u dan kien fl-4 ta’ Ġunju 1883.

Wara xi żmien f’dan il-post, il-każin ġie trasferit għal numru 20, Misraħ il-Knisja u fl-1923, għal numru 1, Triq il-Brittanja (illum Triq Pawlu Magri).

Meta fis-sena 1926, blokk ta’ bini li kien quddiem il-Knisja Parrokkjali tneħħa biex saret il-pjazza ta’ quddiem il-Knisja, il-Kumitat ta’ dak iż-żmien ħaseb biex isib post ċentrali f’dan il-Misraħ il-Ġdid li sar quddiem il-Knisja (illum magħrufa bħala Pjazza Sant’Andrija).

Fis-sena 1931 il-każin ġie għal darb’oħra trasferit għal numru 13, Pjazza Sant’Andrija, fil-Misraħ il-ġdid li sar quddiem il-Knisja. Meta bidet it-tieni gwerra dinjija, Ħal Luqa lagħab parti importanti ħafna u hekk l-Każin tas-Soċjeta’ tagħna spiċċa bħala post ta’ rikrejazzjoni għas-suldati Ingliżi. Fil-fatt is-sular ta’ fuq kien erkwiżizzjonat mill-gvern Ingliż bħala post għad-divertiment tas-suldati Ingliżi. Fis-sala kienu jintwerew xi films u kull darba li kien jintwera xi film żewġ membri setgħu jaraw il-film li jkun qiegħed jintwera.

Fil-11 ta’ Ġunju 1940, l-Italja daħlet fil-gwerra u hekk bdew l-attakki mill-ajru fuq Malta. Peress li Ħal Luqa kien qrib ħafna ta’ l-ajruport, l-attakki ma naqsux. Kien għalhekk li fuq il-bejt ta’ l-istess Każin tagħna tpoġġew żewġ ‘pompoms’ kontra l-ajruplani ta’ l-għadu. Dam f’dan il-post sas-26 ta’ Frar 1941, meta dak in-nhar, il-Każin tagħna sar ħerba waqt attakk mill-ajruplani germanizi fuq Ħal Luqa. B’hekk intilef hafna mill-patrimonju li kellha l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fil-każin tagħha. Bil-kuraġġ u t-tħabrik tal-kumitat ta’ dak iż-żmien, inkera post temporanju f’numru 134 Strada Carmine (Triq il-Karmnu) fejn l-attivitajiet komplew isiru xorta waħda, għalkemm fi żminijiet diffiċli.

Meta ntemmet il-gwerra bdew jingħataw il-permessi biex il-bini mġarraf jiġi rranġat. Sfortunatament is-Soċjeta’ tagħna ma setgħetx tirritorna fil-post f’Misraħ Sant’ Andrija peress li tul il-perjodu li kien mġarraf ma kenitx tħallset il-kera, u għalhekk sid il-kera ħadu lura u ma riedx li jerġa jikrih lis-Soċjeta.

Wara l-gwerra reġa’ kellna Kostituzzjoni, il-Prim Minsitru ta’ dak iż-żmien, Sir Paul Boffa, beda jżur l-ibliet u l-irħula ta’ Malta li kienu l-iktar milquta bi straġi u rovina li ġabet magħha l-gwerra.

Nhar it-Tlieta 21 ta’ Marzu 1950, il-Prim Ministru u l-Gvernatur ta’ dak iż-żmien ġew mistiedna għal riċeviment fil-Każin tagħna fejn ingħataw merħba mill-President ta’ dak iż-żmien, is-sur Indri Cassar u l-membri tal-Każin. F’dan ir-riceviment, il-Kumitat talab lill-Prim Ministru biex il-post li kienet tokkupa l-Għassa tal-Pulizija jingħata lill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija biex din is-soċjeta’ jkollha każin f’post ċentrali fil-Pjazza. Is-sur Antonio (Ninu) Micallef, li kien il-President Onorarju tal-għaqda, kien ukoll il-proprjetarju tal-imsemmi post, u għamilha ċara li kienet ix-xewqa tiegħu li l-post numru 10, f’Misraħ il-Knisja, jingħata lill-Għaqda tagħna. Dak in-nhar il-Prim Ministru kien wiegħed li ser jagħtina dan il-post, iżda dan ma seħħx minħabba tfixkil u bsaten fir-roti li saru, biex ifixklu l-pjani tas-soċjeta’ tagħna. Kien b’intervent ta’ l-Avukat Giuseppe Maria Camilleri li fl-20 t’ April 1951, irċevejna uffiċjalment minn Auberge d’Aragon, bix l-għada s-Sibt 21 t’April 1951 nitrasferixxu l-Każin tagħna għal numru 10, Misraħ il-Knisja. Finalment il-Gvern laqa’ t-talba legittima u genwina taghna, u minn dik il-gurnata memorabbli, l-Ghaqda Muzikali Sant’Andrija bdiet tuza dan i-post bħala residenza uffiċjali tas-soċjeta’.

Kitba ta’ Alex F. Serge – President Onorarju

L-Akkwist tal-Propjeta’ f’Pjazza tal-Knisja Numru 10

Din hi riċerka li saret fl-Arkivji Notarili sabiex sirna nafu min kienu s-sidien tal-propjeta’ numru 10 f’ Pjazza tal-Knisjasa mill-bidu ta’ l-1900. Tul dan il-perjodu ta’ l-fuq minn mitt sena, din il-proprjeta’ mhux dejjem serviet bħala residenza u nafu li kienet isservi bħala l-Għassa tal-Pulizija tal-lokal sa qabel ma kienet akkwistata mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija fl-1951.

X’aktarx wkoll li s-sular ta’ fuq nbena meta din il-propjeta’ għaddiet f’idejn Andrea Zammit. Fil-fatt fil-faċċata naraw żewġ arm ital-kunjomijiet Zammit u Bartolo, Bartolo kien il-kunjom ta’ mart Andrea Zammit qabel iż-żwieġ.

Fatt ieħor interessanti hu li din il-propjeta’ fis-sena 1921 kienet għaddiet f’idejn in-nutar Francesco G. Schembri li kien l-ewwel Segretarju ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija.

Filwaqt li Maria Dolores Micallef kienet mart Antonio Micallef, li għal ħafna snin kien Segretarju u President ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija.

1969 – L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kienet xtrat mingħand Antonio Micallef id-dritt dominju temporanju u ċ-ċens temporanju relattiv u wara s-sussegwenti propjeta’ assoluta tad-dar numru 10 f’Pjazza tal-Knisja , Luqa.

Atti Nutar George Cassar – 27 t’Awwissu 1969

1951 – Maria Dolores Micallef mart Antonio tat b’titolu ta’ ċens għal 41 sena lill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija id-dar numru 10 f’Pjazza tal-Knisja , Luqa, versu ċ-ċens ta’ Lm40.

Atti Nutar Rosario Frendo Randon – 6 ta’ Novembru 1951

1928 – Maria Dolores Micallef wirtet mingħand missierha Andrea Zammit id-dar numru 10 f’Pjazza tal-Knisja , Luqa.

1921 – Andrea Zammit kien akkwista id-dar numru numru 10 f’Pjazza tal-Knisja , Luqa mingħand in-Nutar Francesco G. Schembri b’titolu ta’ Permuta (tpartit).

Atti Nutar Carmelo Farrugia – 15 ta’ Diċembru 1928

1919 – In-Nutar Francesco G. Schembri kien akkwista l-propjeta’ msemmija mingħand Monsinjur Grazio Grima b’titolu ta’ permute (tpartit) bejn il-fond 12.13 Triq Britannia u numru 10 f’Pjazza tal-Knisja , Luqa.

atti Nutar Francesco Catania – 9 ta’ Marzu 1921

Nikola Grima kien biegħ lil Monsinjur Dottor Grazio Grima (neputi) id-dar numero dieci 10 Piazza Chiesa, Luca.

Atti Nutar Francesco G. Schembri – 14 t’Ottubru 1919.

Din ir-riċerka saret mis-Sur Hector Farruġia fl-Arkivji Notarili

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.