Il-kundizzjonijiet f’Ħal Luqa fi żmien il-bidu u l-ewwel snin tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-kundizzjonijiet f’Ħal Luqa fi żmien il-bidu u l-ewwel snin tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija

///Il-kundizzjonijiet f’Ħal Luqa fi żmien il-bidu u l-ewwel snin tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija
Il-kundizzjonijiet f’Ħal Luqa fi żmien il-bidu u l-ewwel snin tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija 2017-12-31T00:44:22+00:00

Skond iċ-ċensiment li sar fit-3 t’ April, 1881, il-popolazzjoni ta’ Ħal Luqa kienet tgħodd 1834 – 931 rġiel u 903 nisa. Prinċipalment in-nies ta’ Ħal Luqa kienu ħaddiema tar-raba’, ħaddiema tax-xatt fil-ġarr tal-faħam, ħaddiema fix-xogħol tal-ġebel u xi ftit ħaddiema tat-tarzna. Kien hawn ukoll numru żgħir ta’ ħaddiema li xi wħud minnhom kienu jispeċċjalizzaw fit-tiswija u l-manifattura ta’ l-għodda tal-ġebel bħalma kienu bqaqen, mannaretti u mtieraq u numru żgħlir ta’ mastrudaxxi.

Ix-xogħol kien skars u l-pagi kienu baxxi ħafna. Ħaddiem fir-raba’ kellu paga ta’ xelin u nofs (7c5) kuljum. Il-ħaddiema tas-sengħa tal-ġebel kienu mħallsa ftit aktar, iżda mhux aktar minn żewġ xelini (10c) kuljum. Il-ġurnata tax-xogħol tal-ħaddiema tar-raba’ u tal-ġebel kienet tkun minn x’ħin jisbaħ sa l-Ave Maria jiġifieri sa nżul ix-xemx u meta kienet tkun ix-xita xogħol ma jsirx u allura ta’ dik il-ġurnata ma jittħallsux. Il-kera ta’ dar żgħira kienet ta’ l-inqas ħmistax-il xelin (75c) fis-sena u dar ftit akbar kienet Lira u nofs (Lm1.50) kera fis-sena. Id-djar ma kellhomx il-kumditajiet tal-lum, la fihom dawl elettriku u l-anqas ilma, uħud minnhom l-anqas bjar ta’ l-ilma u min kien joqgħod f’dawn ta’ l-aħħar kellu jmur jimla’ l-ilma mill-bjar tal-Gvern. Dak iż-żmien, biex wieħed jara wara nżul ix-xemx, kellu jixgtħel xi mużbiegħ jew xi lampa tal-pitrolju.

It-toroq tar-raħal kienu mingħajr dawl xejn sa l-1889 meta twaħllu 9 fanali bil-lampi tal-pitrolju mxerrda mar-raħal kollu. Dawn il-fanali kellhom jinxtegħlu nofs siegħa wara l-Ave Maria, jiġifieri meta tinżel ix-xemx fis-sajf, u nofs siegħa qabel fix-xitwa. Meta jkun qamar kwinta, dawn il-fanali kellhom jibqgħu mitfija għal ħamest ijiem. L-art tat-toroq u tal-pjazza tar-raħal kienet miksija bix-xaħx u meta kienet tagħmel ix-xita kienet tkun mimlija tajn u għadajjar.

F’dak iż-żmien f’Malta il-mezzi tat-trasport kienu il-ferrovija li kienet taħdem bil-faħam, l-omnibus li kienet karozza kbira fuq erba’ roti miġbuda minn żewġ żwiemel, il-karozzini miġbuda minn żiemel wieħed jew tnejn u l-karettuni miġbuda minn xi żiemel, ħmara jew bagħal. Il-ferrovija li kienet taħdem bejn il-Belt Valletta u l-Imdina ma kienitx tgħaddi qrib ir-raħal u l-omnibus kien jitla’ Ħal Luqa darba fil-gimgħa biss meta jġib il-posta. Għaldaqstant, l-uniċi mezzi ta’ trasport mir-raħal tagħna għall-Belt Valletta jew xi post ieħor kienu biss il-karettuni u l-karozzini. Fl-1880 it-tariffa tal-karozzin b’żiemel wieħed mill-Belt għal Ħal Luqa kienet ta’ xelin u żewġ soldi (5c8). Il-kuċċier tal-karozzin b’żiemel wieħed kellu d-dritt għal żewġ xelini u erba’ soldi (11c5) jekk jibqa’ jistenna bejn nofs siegħa u siegħa u żewġ soldi (8mills) ta’ kull kwarta li jibqa’ jistenna. Ħafna mill-ħaddiema li kienu jaħdmu barra mir-raħal kienu jmorru għax-xogħol bil-mixi jew fuq xi karettun li jkun jaħdem magħhom. L-arluġġar Mikielanġ Sapiano kien juża r-rota li vvinta hu stess.

F’Ħal Luqa kien hawn żewġ spiżeriji, waħda privata ta’ Kalċidon Baldacchino u l-oħra li kien jiehu ħsiebha it-tabib u spiżjar tal-Gvern. Fl-1875 inbidlu r-regolamenti u kellu jsir tabib għal Ħal Luqa u l-Gudja iżda dan baqa’ ma nħatar qatt u l-Ħal Luqin baqgħu mingħajr tabib u kien ikollhom jinqdew bit-tabib tal-Gvern… li dak iż-żmien kien jissejjaħ it-tabib tal-pulizija li kien joqgħod Ħal Tarxien. Dan kien jiftaħ il-Berġa (Klinika) f’Ħal Luqa kull nhar ta’ Ħamis bejn is-sagħtejn u s-sitta ta’ wara nofs in-nhar

Biex wieħed kien jimposta ittra, ried imur jiddepożitaha fl-għassa tal-pulizija u meta wieħed jirċievi xi ittra ried imur hu stess jiġborha mill-għassa tal-pulizija. Din is-sistema baqgħet issir sa l-ewwel ta’ Settembru 1892 meta l-posta fir-raħal bdiet titqassam bieb bieb minn Ġużeppi Azzopardi.

Fl-1878 l-iskola tal-Gvern kienet f’żewġt idjar, Nru. 22 u 23 Triq San Ġorġ. Il-bniet kienu fis-sular ta’ fuq u s-subien isfel. It-tfal 163 b’kollox kienu mqassmin hekk:

L-Ewwel Klassi – Subien 65 – Bniet 55
It-Tieni Klassi – Subien 10 – Bniet 12
It-Tielet Klassi – Subien 12 – Bniet 9

Fl-1880 ir-rapport ta’ Kerman ifaħħar din l-iskola.

Ftit snin wara l-Gvern kera dar kbira Nru. 74 Triq San Pawl biex jagħmel skola għas-subien u l-bniet jieħdu fuq u isfel ta’ l-iskola fi Triq San Gorg. Fl-1882 is-Surmast ta’ l-iskola kien Vincenzo Briffa li kellu salarju ta’ Lm45 fis-sena u s-Sinjora kienet Annette Cordina bi Lm30 salarju fis-sena. Fl-ewwel ta’ Settembru 1882, is-Surmast Vincenzo Briffa ġie ttrasferit għall-iskola ta’ Bormla u floku ġie s-Sur Giacomo Diacono li qabel kien Surmast fl-iskola ta’ Ħal Kirkop.

pjazzanavi
<br
F’dak iż-żmien il-knisja parrokkjali kienet għadha mingħajr navi. Il-Kappillan kien Dun Giuseppe Ruggier Trapani li kien ħa l-pussess fil-parrocca ta’ Ħal Luqa fit-18 ta’ Ottubru 1877 wara li l-Gvernatur kien approva l-ħatra tiegħu bħala Kappillan f’Ħal Luqa. Dan il-Kappillan twieled il-Belt Valletta fis-16 ta’ Settembru 1842 u qabel ġie r-raħal kien kappillan il-Għargħur. F’Ħal Luqa dan il-kappillan mar joqgħod Nru. 34 Triq San Ġorġ għax id-dar tal-kappillan eżistenti kienet sular wieħed biss u kien fiha ħafna umdita. Ma’ tul il-parrokjal ta’ dan il-kappillan li dam sa Novembru 1884, saret l-istatwa tal-Kunċizzjoni li hemm fil-pjazza tar-raħal. F’dak iż-żmien ukoll bdiet issir b’solennita kbira l-festa tal-Milied li għall-ewwel darba saret il-priedka tat-tifel minn Giorgio Sapiano li kellu għaxar snin, iben l-arluġġar Mikelang Sapiano. Dan it-tifel wara sar saċerdot u ħafna anzjani tar-raħal għadhom jiftakruh. Sa 1-1883 barra l-Kappillan fir-raħal kien hawn dawn is-saċerdoti: Dun Ġuzepp Bezzinna, ħuh Dun Samwel Bezzina, Dun Ġużepp Busuttil, Dun Tumas Zammit, Dun Pietru Pawl Demicoli, Dun Vincenz Schembri u Dun Giuseppe Vassallo.

Fir-raħal kienu jsiru ħafna festi fosthom insemmi: il-festa tas-Salib, il-festa tad-Duluri, il-festa tal-Ġimgħa l-Kbira, il-festa tal-Madonna taċ-Ċintura, il-festa tal-Madonna tar-Rużarju, il-festa tal-Madonna tal-Ward, il-festa ta Corpus Christi u fuq kollox il-festa tal-Padrun ta’ Ħal Luqa, Sant’ Andrija. Kien hawn ukoll knejjes żgħar li fihom kienet issir festa kull sena. Dawn kienu ddedikati lill-Madonna tal-Karmnu, San Gakbu, it-twelid tal-Madonna (tal-Ftajjar) u l-Vitorja ta’ Ħal-Farrug li kienet għadha tagħmel minnha il-parroċċa tal-Gudja.

F’dak iż-żmien Ħal Luqa kienet tagħmel mal-11-il distrett li kien Ħal Qormi, Ħal Luqa, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, b’popolazzjoni ta’ 10,924. Fl-1849, il-gvern Ingliż kien ta’ lill-Malta kostituzzjoni b’rappreżentanti Maltin, u kellha ssir elezzjoni biex jintgħażlu 8 membri għall-Kunsill tal-Gvern. Setgħu jivvutaw biss l-irġiel ta’ fuq il-21 sena, li kellhom raba’ jew bini li jgib qbila jew kera ta’ mitt skud (Lm5) fis-sena, dawk kollha li kellhom sehem minn xi ditta merkantili, l-qassisin u l-professjonisti. Fis-sena 1881, il-post tal-Votazzjoni kien Nru. 163, Strada Carmine b’ Assistant Kumrnissjarju s-Sur Luigi Falzon. F’Ħal Luqa, minn pololazzjoni ta’ 1834, kienu eleġibbli għall-vot 18 biss li kienu dawn:

Baldacchino Giuseppe – 9, Strada San Andrea
Baldacchino Salvatore – 9, Strada San Andrea
Bezzina Don Giuseppe – 47, Strada San Andrea
Bezzina Don Samuc1e – 47, Strada San Andrea
Brincat Chierico Paolo – 13, Vicolo 2, Strada San Andrea
Baldacchino Calcidonio (Farmacista) – 6, Strada San Andrea
Sammut Francesco – 6, Strada San Andrea
BusuttiI Don Giuseppe – 6, Strada San Giuseppe
Bonnici Giovanni – 130, Strada Carmine
Ellul Giuseppe – 15, Piazza Chiesa
Ellul Andrea – 18, Piazza Chiesa
Grima Chierico Carmelo – 10, Piazza Chiesa
Schembri Don Vincenzo – 14, Piazza Chiesa
Don Giuseppe R. Trapani (Parroco) – 59, Piazza Chiesa
Briffa Vincenzo – 55, Strada San Paolo
Zammit Don Tomaso – 22, Strada San Paolo
Demicoli Don Pietro – 60, Strada Brittanica
Zammit Andrea – 2, Strada Brittanica

Fl-1882, fuq ir-reġistru inisbu li jidhru l-istess ismijiet bl-istess indirizzi barra dak ta’ Brincat Chierico Paolo.

Qabel l-elezzjoni li saret fid-9, 10 u 11 ta’ Ottubru, 1883, il-gvern kien biddel il-kostituzzjoni u f’dik l-elezzjoni il-kundizzjonijiet meħtieġa biex wiehed jkun jista’ jivvota tbiddlu. F’dik l-elezzjoni tas-sena 1883 il-votanti Ħal Luqin żdiedu għal 81 li kienu:

11-il votant fi Strada San Andrea
17-il votant fi Strada San Giuseppe
18-il votant fi Strada Carmine
9 votanti fi Piazza Chiesa
12-il votant fi Strada San Paolo
6 votanti fi Strada Brittanica
votant fi Strada Innocenzo
3 votanti fi Strada San Giorgio
4 votanti fi Strada Parrochiale

Il-ħinijiet kienu mit-8.00am sas-1.00pm u mit-3.00pm sas-6.00pm. Is-Sur Paolo Reynaud LP, kien l-Assistant Kummissarju fil-post tal-votazzjoni, Nru. 113, Strada Carmine.

F’dawn iċ-ċirkostanzi twieldet l-Għaqda tagħna u għexet l-ewwel snin. Fiha nġabru ż-żgħażagħ intelliġenti tar-raħal li wħud minnhom kienu studenti l-Universita. Dawn iż-żgħażagħ xtaqu li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-Ħal Luqin u bil-kuraġġ kollu kienu jitolbu lill-Awtoritajiet sabiex itejbu s-servizzi essenzjali bħalma kienu l-ilma tax-xorb, id-dawl fit-toroq bil-lejl, l-iskola tar-raħal, il-posta u t-tabib tal-Gvem. Fost dawn ta’ min isemmi li fl-1887 meta bdiet l-epidemija tal-Kolera f’Malta u f’Ħal Luqa kellna l-ewwel każ fit-22 ta’ Awissu, il-gvem waqqaf kumitat f’kull raħal biex jieħu ħsieb il-ħarsien tas-saħħa u jagħti għajnuna lil min kien ikun fil-bżonn. F’ Ħal Luqa fuq dan il-Kumitat insibu lil G Schembri u C Baldacchino, l-ewwel Segretarju u Kaxxier tas-Soċjeta tagħna, flimkien ma’ tliet qassisin oħra ippresedut minn Dun Pietru Demicoli. Dan il-Kumitat ressaq ħafna talbiet: waħda minnhom kienet sabiex it-tabib distrettwali tal-Gven ma jibqax joqgħod Ħal Tarxicn iżda ntbgħat joqgħod Ħal Luqa. Għamlu protesta qawwija kontra l-ilma maħmug tal-bjar pubbliċi li kienu għadhom jintlew mill-ilma tax-xita mit-toroq. Bl-inizzjattiva ta’ dan il-kumitat twaqqfu fir-raħal kċejjen tas-soppa għal min kien fil-bżonn u kien jitqassam 200 platt soppa kuljum. F’Ħal Luqa mietu 14-l ruħ bil-Kolera fl-1887 u kienet epidemija li ħalliet faqar kbir tant li wara xorta baqa’ jsir tqassim tas-soppa u bdew jagħtu anke ħobż b’xejn.

Kif spiċċat, l-epidemija, il-gvern ta bidu għal xi proġetti ġodda bħal sptarijiet, skejjel u toroq ġodda u reġa’ qabad ix-xogħol tal-ġebla li f’Ħal Luqa kien hemm għadd kbir ta’ ħaddiema tal-ġebel. Fil-port reġa’ qabad ix-xogħol tal-faħam u fit-tarzna ix-xogħol żdied u ħafna Ħal Luqin sabu xogħol hemmhekk.

Għalkemm dawn kienu żmienijiet diffiċli, l-Għaqda tagħna għamlet kullma setgħet biex iżżomm il-moral tal-poplu tar-raħal għoli kemm jista’ jkun. Il-Każin tagħna kien mezz ta’ rikrejazzjoni għaż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien. Kompliet tgħallem il-mużika u kienet tferraħ lin-nies tar-raħal bid-daqq tal-Banda f’ħafna okkażjonijiet, speċjalment fil-festi. Fil-Festa tal-Pardrun tar-raħal, Sant’ Andrija, il-banda tagħna kienet iddoqq lejliet u nhar il-festa. Nistgħu ngħidu mingħajr ma niżbaljaw li l-Għaqda tagħna kienet waħda mill-mezzi sabiex isir progress u jitjiebu il-kundizzjonijiet li sal-lum in-nies tar-raħal għadhom igawdu.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.