Il-Pedestall tal-Martirju ta’ Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Pedestall tal-Martirju ta’ Sant’ Andrija

///Il-Pedestall tal-Martirju ta’ Sant’ Andrija
Il-Pedestall tal-Martirju ta’ Sant’ Andrija 2017-12-31T00:48:30+00:00

Kazin
Ħsibt biex nagħmel xi riċerka dwar disinjatur-skultur minn Ħal Luqa, ġie quddiemi document interessanti ħafna. Dan id-dokument huwa d-disinn oriġinali tal-pedestall tal-Martirju ta’ Sant’ andrija li kien jintrama fil-Pjazza ħdejn il-Każin tal-Banda Sant’ Andrija. Huwa disinn oriġinali tal-magħruf Ħal Luqi Andrea Vassallo li ukoll kien membru tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija.

Dan huwa xi ħaġa rari, għax biex tiltaqa’ ma’ disinn tal-Perit andrea Vassallo trid tagħmel wegħda. Ftit informazzjoni teżisti dwar dan il-grupp ta’ statwi tal-Martirju ta’ Sant’ Andrija. Biss nafu fiż-żgur lid an il-pedestall u l-istatwi tal-Martirju ta’ Sant’ Andrija saru minn flus li ħarġuhom il-Ħalluqin li kienu jinsabu l-Amerika fl-1924. Noe Ciappara għandu ritratt kartolina li juri dan il-Pedestall u l-Martirju, u warajha hemm miktub dan il-preċiżi kelmiet “Statue (grupp) tal-Martirju ta’ Sant’ Andrija, imħallsa mil-Luqin li kienu dak iż-żmien l-Amerika fl-1924, li kienet tintrama fil-festa ta’ Sant’ Andrija, fil-Pjazza ta’ Ħal Luqa”.

Il-Perit Andrea Vassallo għamel id-disinn tal-Pedestall fis-7 ta’ Ġunju 1925. Ma nafux minn ħadem l-injam u l-iskultura li fih u lanqas nafu minn għamel l-istatwi. Milli jidher minn qabbad lil Andrea Vassallo biex jagħmel dan id-disinn kien jafu sew, u Andrea Vassallo donnu kien jaf sew fejn sejjer jintrama mill-kwalita’ u l-għamla tad-disinn.

Minn dan il-pedestall, u l-istatwi tal-Martirju ma għad fadal xejn, ħlief għal mazzettuni skolpiti li kienu jżejnu fil-kantunieri tal-pedestall. Meta sar, dan kien armat tal-knisja u x’aktarx li kien jinħażen fil-maħżen tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.

Ħajr għar-ritratt ta’ Andrea Vassallo lis-Sur Vincent Centorino

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.