Il-Planċier Artistiku

Il-Planċier Artistiku 2017-12-31T00:48:58+00:00

Il-Planċier Artistiku

Fis-6 ta Settembru 1953, il-Kumitat kellu proposta quddiemu sabiex jagħmel planċier ġdid u modern. F’dak iż-żmien, is-soċjeta’ kienet għada kemm għamlet spiża kbira billi xtrat strumentatura ġdida ta’ Boosey & Hawkes u għal dan il-għan, kienet isselfet il-flus minghajr imghax minghand il-membri f’cedoli ta’ Lm5 ‘l waħda. Dawn kienu qegħdin jitħallsu lura Lm10 fix-xahar u s-soċjeta’ ma setgħet tagħmel ebda spiża oħra meta s-self kien għadu ma tħallasx lura.

Madankollu, l-Kumitat ma qatax qalbu għax fost is-soċji kien hemm nies ta’ kull sengħa li kienet tenħtieġ biċċa xogħol bħal din u dawn kollha offrew li jagħmlu x-xogħol b’xejn waqt il-ħin liberu tagħhom.

Biex ma jintilefx żmien, il-kumitat awtorizza lill-President is-sur Alex Serge, u lis-sur Andrea Demicoli sabiex flimkien mas-sur Salvu Ciappara u s-sur Carm Mangion jagħmlu fond għal dan l-iskop u jibdew jiġbru minn fost is-soċi u partitarji sakemm issir Laqgħa Ġenerali fejn tinħatar Kumissjoni għal dan l-iskop. Il-ġbir li beda jsir kien inkoraġġanti ħafna għax fi ftit ġranet kienet inġabret soma flus ġmiela filwaqt li ħafna mill-membri li kienu sellfu flus għax-xiri tal-istrumentatura, ħallew dan is-self bħala għotja għal ġbir tal-planċier.

Fit-18 ta’ Settembru 1953, saret il-Laqgħa Ġenerali fejn unanimament ġiet approvata l-proposta sabiex isir plancier ġdid modern u dekorat. Għal dan il-għan, inħatret kummissjoni magħmula minn Noe’ Ciappara bħala Chairman, u mis-sinjuri Carmelo Caruana, Ġianmari Busuttil u Salvu Ciappara. Din il-kummissjoni ġiet mogħtija l-poteri mil-Laqgħa Ġenerali sabiex tiġbor fondi, tniedi konkors u tagħżel l-aħjar pjanta, u tikkordina x-xogħol u tixtri l-materjal neċessarju.

Fit-12 ta’ Novembru 1953, intgħazlet il-pjanta tas-sur Carmelo Caruana, minn Ħaż-Żabbar (mhux il-membru tal-Kummissjoni) u wara li nxtara l-materjal kollu meħtieġ, fil-31 ta’ Jannar 1954 ingħata bidu għal dan il-proġett ambizzjuż. Fil-bitħa tal-Kazin tqegħdet forġa u inkwina, morsa u bank tax-xogħol.Ta’ kull filgħaxija, il-membri kienu jqattgħu sigħat twal jaħdmu u matul il-ġurnata, l-anzjani tas-soċjeta’ kienu jagħmlu xogħol ta’ preparazzjoni għal filgħaxija. Dak iż-żmien il-welding ma kienx użat bħal-lum, u għalhekk fejn kien possibbli ħafna mix-xogħol sar bir-rivets. It-trapani ta’ l-elettriku kienu għadhom fil-bidu tagħhom u biex isiru t-toqob għar-rivets, Salvu Ciappara ġab ir-rebekkin li kellu missieru Indri Ciappara u tista’ tgħid illi t-toqob kollha li hemm fil-ħadid saru b’dan ir-rebekkin. Għal dan ix-xogħol goff, inħass il-bżonn ta’ l-ispazju u għalhekk fl-20 ta’ Settembru 1954, inkera post maġenb il-każin. Meta kien lest il-frame tal-ħadid, il-kummissjoni xtaqet li jintrama sabiex tara kienx fih xi difetti. Dan il-palk inġarr u ġie armat fil-post ta’ Maria Concetta Camenżuli li kien għadu mwaqqa’ bil-gwerra fi Triq Sant’Andrija.

Wara li tlestiet l-ewwel fasi tax-xogħol tal-frame tal-ħadid, ingħata bidu għax-xogħol tal-injam u l-gallerija. Minnufih, il-kummissjoni għamlet ġabra oħra u l-membri ikkontribwew tajjeb ħafna u l-materjal għall-kumplament tax-xogħol seta jinxtara u qatt matul iż-żmien li kien qiegħed isir il-planċier ma naqsu l-fondi meħtieġa biex jinxtara l-materjal.

L-injam kif wieħed jista’ jara, kien biċċa xogħol kbira u dan nistgħu ngħidu li kien il-kapulavur tas-sur Ġiammari Busuttil. Jekk wieħed jeżamina l-preċiżjoni ta’ kif inhu maħdum dan ix-xogħol, mingħajr għajnuna ta’ magni moderni li jeżistu llum, bilfors li wieħed jibqa’ mistagħġeb.

Kanni tal-bronż għall-poġġaman ma nstabux jinxtraw minn Malta u kellhom jigu ordnati minn barra. Il-bocci tondi gew ordnati mill-Funderija u wara gew mahduma mis-sur Joseph Zammit, Ġuzi Cremona (iz-zanz) u Joe Zammit (Jr), fuq torn tas-saqajn u li kien inġieb mingħand Felix Micallef fil-kazin u tqiegħed fil-kamra tal-ġenb. Fuq dan l-istess torn, saru wkoll mill-istess persuni is-saqajn u r-rużuni tal-aluminium.

Il-brazzi li fihom biċċa xogħol kbira bit-tgħawwiġ tal-kanen saru mill-anzjan is-sur Ġiusepp Zammit mgħejjun minn anzjan ieħor Ġiuseppi Cremona u ż-żagħżugħ Joe Żammit. Wara biċċa xogħol hekk kbira l-anzjan Ġiuseppi Żammit ma kellux ix-xorti li jaraħ lest għax miet appena lesta dan ix-xogħol.

Il-galleriji saru mill-aħwa Noe’ u Salvu Ciappara u kienu biċċa xogħol apprezzata ħafna. Fihom ma nsibu ebda welding iżda kollox irrivitjat u mminċottat. Id-disinn li fiha huwa kollu maħruġ minn ħadid solidu. L-istilel u l-armi mużikali tal-bronż li fihom dawn il-galleriji saru mis-sur C. Debono (il-baby). L-iskultura saret kollha kemm hi mid-disinjatur tal-palk is-sur Carmelo Caruana, president onorarju u mis-sur Ġianmari Busuttil.

Finalment id-dekorazzjoni u l-irħamar sar mis-sur Anthony (Ninu) Schembri bniedem magħruf sew għall-kapaċita’ tiegħu f’dan il-mistier. Id-dekorazzjoni tal-palk hija l-għaxqa ta’ kull min iħares lejh, u għadu sal-lum singulari fil-forma tieghu.
Dax-xoghol kollu sar kollu kemm hu mingħajr ħlas, fi-ħin liberu tal-membri u ħafna nies oħra. L-ispiża globali laħqet is-somma ta’ sitt mitt lira f’materjal biss.

Meta tlesta x-xoghol kollu, inkera l-Express Theatre li kien jinsab fi Triq San Gorg għal 15-il ġurnata fejn intrama l-planċier sabiex isirulu l-aħħar irtokki u fejn saru l-kunċerti tal-banda bħala preparazzjoni għall-festa ta’ l-inawgurazzjoni tiegħu. F’dan it-teatru, fuq il-planċier il-ġdid sar ukoll recording tal-marci u l-Overture 1812, li ndaqqet bil-kor għall-ewwel darba f’Malta.


Għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-palk, saru jumejn festi, li bdew nhar is-sibt fil-għaxija 19 ta’ Settembru 1959, b’marc mat-toroq tar-raħal mill-Banda Queen’s Own ta’ l-Isla u wara sar logħob tan-nar f’Misrah il-Knisja. L-għada fil-għodu, wara l-Quddiesa Kantata tkanta Te Deum b’ringrazzjament, fil-Knisja Parrokjali. Wara fl-10.00 a.m., beda marċ mar-raħal mill-Banda Victory tax-Xagħra Għawdex, li dam sejjer sa’ nofs innhar. Fl-4.00 p.m. il-Banda Sant’Andrija akkumpnajat lill-Ecc. Tieghu Mons. Isqof Emmanuel Galea u lill-Ex President tal-Qorti Sir Luigi Camilleri minn Triq il-Gdida sa’ quddiem il-planċier il-ġdid li kien ġie armat f’Misraħ il-Knisja. Wara d-diskors tal-okkażjoni mill-membru anzjan is-sur Gorg Caruana, il-planċier il-ġdid ġie inawgurat minn Sir Luigi Camilleri u mbierek mill-E.T. Mons. Isqof Emmanuel Galea. Wara, l-Banda Sant Andrija hadet posta fuq il-planċier u esegwiet dan il-programm:

Inno Pontificio
Overture: 1812 – P. Tchaikovsky (bil-kor ghall-ewwel darba f’Malta)
Kantata lill-Appostlu Sant’Andrija – Pawlu Vella (versi ta’ l-Av. Gorg Zammit)
Fantasia: Boris Godunoff – T. Mussorsky
Parafrasi: Presso il fiume stranier – G. Gounod
Innu tal-Banda – Antonio Miruzzi
Innu Malti
God Save the Queen

L-għada t-Tnejn, 21 ta’ Settembru 1959, il-quddies kollu li sar fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Luqa kien kollu b’suffraġju għall-membri tas-soċjeta’ u l-familji tagħhom mejtin.

Fl-1990, fil-maħżen ta’ l-armar kien hemm attivita’ kontinwa peress li d-dilettanti tal-armar iddeċidew li jagħtu dehra ġdida lill-planċier li kien sar 32 sena ilu.

Dan il-plancier li kien inħadem minn diversi persuni fosthom ewlenin Ġiammari Busuttil, Joseph Zammit, Ġużi Cremona, Noe’ u ħuh Salvu Ciappara, Joseph Żammit Jr., Francis X Mifsud, u Ninu Schembri, fuq disinn tal-imgħallem Carmelo Caruana.

Biex il-plancier jinghata restawratura denja jirrikjedi ħafna xoghol specjalment fil-faċċata tieghu. Din il-faccata tkopri diversi panewijiet, it-tarag principali u l-legiju. Ix-xogħol jiġbor fih xi tibdil ta’ injam li nstab li kien spicca u tmermer, irħamar mill-ġdid b’kuluri li jmorru mal-kumplament tal-armar li għandna fil-pjazza u nduratura ġdida. Dan ix-xogħol ta’ restawr sar kollu kemm hu mill-membri waqt il-ħin liberu tagħhom.

Din is-sena, l-2009 niċċelebraw l-50 sena min meta dan il-Planċier artistiku ġie inawgurat. Grazzi għal ħidma ta’ missirijietna kienet l-għaqda tagħna waħda min ta’ l-ewwel li kellha planċier artistiku. Bil-ħidma tad-dilettanti tal-armar għadna ngawdu dan il-planċier mill-isbaħ fil-festa tal-padrun tagħna Sant’ Andrija . Żgur li dan huwa wieħed mill-gawhar li għanda is-Soċjeta tagħna.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.