In-Nobbli Giorgio Crispo Barbaro, Marchese di San Giorgio – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

In-Nobbli Giorgio Crispo Barbaro, Marchese di San Giorgio

///In-Nobbli Giorgio Crispo Barbaro, Marchese di San Giorgio
In-Nobbli Giorgio Crispo Barbaro, Marchese di San Giorgio 2017-12-31T00:51:31+00:00

L-Ewwel President Onorarju tas-Societa’ Filarmonica San Andrea 1886-1900

“Bil-mewt tal-wisq mibki s-Sur Giuseppe Micallef, is-Societa’ Filarmonica San Andrea u l-każin li jġib l-istess isem tilfu l-President u l-Fundatur tagħhom. Bħala suċċesur biex jimla dan il-vojt ġie magħżul in-nobbli Giorgio Crispo Barbaro, Markiż ta’ San Ġorġ, li ta’ ġentlom li tassew iħobb il-mixja fil-progress u jgħin lill-poplu anqas kult, aċċetta bil-qalb din in-nomina.”

Hekk insibu miktub f’ittra li dehret fil-gazzetta “Malta” tad-9 ta’ Lulju 1886. Eventwalment in-Nobbli Giorgio C. Barbaro okkupa l-kariga ta’ President Onorarju filwaqt li ħu Giuseppe Micallef, Gio Frangisk Micallef kien il-President effettiv tas-Societa’ Filarmonica San Andrea.

Min kien in-Nobbli Giorgio Crispo Barbaro?

Fil-fatt dan in-nobbli kien ġa midħla sew tas-Soċjetajiet filarmoniċi u nsibu li kien l-ewwel President tas-“Societa’ Filarmonica Nażionale Cospicuana San Giorgio” jew kif inhi magħrufa aħjar il-Banda San Ġorġ ta’ Bormla.

In-nobbli Giorgio C. Barbaro twieled fl-1849 u kien skrittur nisel ta’ familja l-iktar nobbli u antika rumana li xterdet f’ħafna bliet tad-dinja, l-iktar fir-Renju ta’ Napli kif ukoll f’Malta.

Il-Markeżat Di San Giorgio kien mogħti mill-Gran Mastru De Rohan fl-1778 u kien fis-16 ta’ Ġunju 1880 li Giorgio Crispo Barbaro ġie rikonoxxut bħala Markiż Di San Giorgio, propju wara l-mewt ta’ missieru. Nafu wkoll li kien is-suprintendent tal-ħabs u kien igawdi stima kbira mir-residenti ta’ hemm. Kien ukoll għalliem fl-Universita’ ta’ Malta. Hu miet nhar it-3 ta’ Mejju, 1912 fl-eta’ ta’ 63 sena.

Kif għidna qabel, hu kien l-ewwel President tas-Societa’ Filarmonica ta’ Bormla u propju fl-1880 meta ngħata l-Markiżat, din is-Socjeta’ ħadet l-isem San Giorgio. Hu dam President ta’ din is-soċjeta għal madwar tletin sena, li fihom il-Banda San Ġorġ akkwistat prestiġju kbir u fama bħala waħda mill-aħjar baned ta’ Malta. In-nobbli Giorgio C. Barbaro kellu għal qalbu l-edukazzjoni u hekk naraw li fetaħ l-iskola San Ġorġ. Hu rreżenja minn dik il-kariga f’Novembru, 1893.

Imbgħad fl-1894 u l-1896 nsibuh bħala il-President taċ-Circolo Muzikale l-Annunzjata ta’ Nobbli li ntagħżel biex jimla l-vojt li ħalla l-fundatur u l-President tas-Societa’ Filarmonica San Andrea, is-Sur Giuseppe Micallef fl-1886. L-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fil-Każin tas-Soċjeta’ saret il-Ħadd 4 ta’ Lulju, 1886 u deskrizzjoni ta’ din iż-żjara nsibuha fil-gazzetta “Malta”. Folla kbira laqgħet lin-Nobbli Markiż u lis-Sinjura tiegħu filwaqt li l-banda daqqet il-God Save the Queen u bandiera kbira ta’ San Ġorġ ittellgħet fuq il-każin. Wara huma twasslu sas-Sala Prinċipali tal-każin, li f’dawk l-ewwel snin kien fi Triq il-Karmnu, li kienet armata b’damask, trofej u emblemi nazzjonali. Għar-riċeviment li sarlu kien mistiedna l-bandisti u soċi u l-aħjar nies tar-raħal. Hu kien indirizzat u ppreżentat b’bukkett fjuri mit-tfajjel Mose’ Zammit.

Fl-indirizz li għamel in-nobbli Markiż Giorgio C. Barbaro ġewwa l-każin staqrr kemm kellu għal qalbu l-progress tal-poplu. Hu xebbaħ il-Każin ma’ ġardina bid-dwieli sbieħ, is-soċi u s-sostenituri bħala l-għeruq li jinfirxu u jsostnu, iż-żgħażagħ, il-friegħi li jimlew u jsebbħu s-siġar, lid-direttur Tommaso Galea, stħajlu l-ġardinar għaqli u ħabrieki li jxettel, jikkura u jkabbar dak li ġie afdat f’idejh biex jissaħħaħ u jikber dejjem aktar. Lil dawk il-persuni distinti tar-raħal ħeġġiġhom biex iħaddnu u jaħdmu għal din is-Soċjeta’ u jkunu huma l-pilastri tagħha. Fl-aħħar hu rringrazzja lil dawk kollha preżenti u wiegħed li kien se jagħmel minn kollox biex jiżgura li s-Societa’ San Andrea tikber dejjem fin-numru u fl-arti mużikali.

Matul ir-riċeviment, il-Banda San Andrea daqqet siltiet mużikali u allegrat lil dawk kollha preżenti partikularment lill-Wisq Nobbli Markiż u s-sinjura tiegħu. It-tluq tiegħu mill-Każin kien karatterizat minn ċapċip tal-folla li nġabret biex issellimlu.

In-Nobbli Markiż dam President Onorarju tas-Societa’ Filarmonica San Andrea sas-sena 1900 u matul dawn l-erbatax-il sena s-Societa’ u l-Banda akkwistaw prestiġju u fama fost il-baned Maltin.

Refernzi

G. Crispo Barbaro: The Nobles of Malta as at Present Existing; Malta 1883, Tieni ed. 1887
Sunny Aquilina: Il-Banda San Ġorġ – L-Istorja tal-Każini tal-Baned f’Malta u Għawdex. L-ewwel Volum
Vincent Battistino: L-istorja tal-Għaqda Mużikali Marija Annunziata Ħal Tarxien
Ġrajjet mill-Ħajja tal-Każin tal-Banda Sant’ Andrija – 1952
Gazzetta Malta – 9 ta’ Lulju 1886

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
finasteride 1 mg causa impotencia Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.