Fil-festi li saru f’Malta għall-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II, il-Banda Sant’ Andrija ħadet sehem fl-isfilata tal-baned li saret fil-Belt Valletta. Għal din l-okkażjoni s-Soċjeta’ għamlet karru trijonfali li kien jirrapreżenta lill Malta bħala ‘Bulwark of the Crown’. Dan il-karru nħadem kollu kemm hu mill-membri tas-Soċjeta’ u ġie applawdit ferm waqt l-isfilata fil-Belt Valletta flimkien ma’ 16-il karru ieħor minn diversi bliet u rħula ta’ Malta.
Dan il-karru kien inħadem mill-membri tal-Każin fosthom G. Cremona u J Zammit fuq l-idea tas-Sur Ninu Micallef. Id-disinn sar mis-Sur Ninu Schembri li kien inkarigat ukoll miż-żebgħa tiegħu flimkien ma’ J. Mercieca u Salvu Micallef. Fuq il-karru mbgħad kienu ħadu sehem dawn it-tfajliet : Rose Demicoli, Antida Ellul, Iris Seychell, Carmela Sultana, Mary Żarb, Sally Żammit, Mary Ellul u Mary Caruana. Ix-xogħol tal-ħjata għal ilbies tat-tfajliet sar minn Agatha Caruana.
Wara l-karru f’din l-isfilata kienet ħadet sehem il-Banda Sant’ Andrija flimkien mal-Banda Santa Katerina taż-Żurrieq.
F’din l-okkażjoni, in-nisa partitarji tal-Każin irregalaw tazza lis-Soċjeta’. Inkonnessjoni ma’ dawn l-istess ċelebrazzjonijiet, fil-11 ta’ Ġunju, 1953 il-Banda Sant’ Andrija għamlet program fir-raħal mit-tmienja ta’ filgħaxija sa l-għaxra u nħaraq logħob tan-nar fuq il-bejt tal-każin. Wara sar party għal dawk kollha li ħadu sehem fil-karru li sar għall-okkażjoni tal-festa ta’ l-inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II.
Nteressanti wkoll hu li s-Sur Johnny Calleja li kien is-Solo Kurunettista tal-Banda Sant’ Andrija, u mal-Banda tar-Royal Air Force, kien intagħżel biex jieħu sehem f’Banda għal din l-istess okkażjoni fl-Ingilterra. Għas-Sur Johnny Calleja din kienet esperjenza sabiħa ħafna li baqa’ jsemmi għal żmien twil.
Referenzi:
Programm Tal-Festa ta’ Sant’ Andrija, Luqa – 1993
Kalendarju Banda Sant’ Andrija – 2007
Ritratt fil-Main Page ħajr lil Mary Cutajar nee’ Caruana.