Is-Societa Filarmonica San Andrea fil-bidu tas-seklu għoxrin (1905-1906)

///Is-Societa Filarmonica San Andrea fil-bidu tas-seklu għoxrin (1905-1906)
Is-Societa Filarmonica San Andrea fil-bidu tas-seklu għoxrin (1905-1906) 2017-12-31T01:30:22+00:00

1905

Iż-żmien malajr igerbeb u sal-bidu tas-seklu għoxrin s-Societa Filarmonica San Andea kienet stabbilit ruħha sew fi gżiritna kemm fil-qasam mużikali u anke f’attivitajiet kulturali u soċjali.

Il-każin tas-soċjeta fl-1905 kien għadu proprju fl-istess post fejn kien meta twaqqfet fl-1883, f’numru 165 strada Carmine faċċata ta’ l-istatwa ta’ Sant’ Andrija li tinsab fl-istess triq. Is-Soċjeta kienet tħallas £1.l0s (Lm1.50) kull sitt xhur. Il-post kien tas-sur Giann Gatt. Eventwalment it-tifla ta’ Giann Gatt iżżewġet lil Mikiel Agius li fl-1915 sar il-President tas-soċjeta u l-kera bdiet titħallas lill-familja Agius. Fost ulied Mikiel Agius insibu lill-Kanonku Anton Agius u lil Dun Ġwann Agius.

II-president tas-soċjeta kien għadu s-sur G. Frangisk Micallef li kien ilu f’din il-kariga sa mis-sena 1886 wara l-mewt ta’ ħuh Ġiuseppe Micallef, il-fundatur u l-ewwel president tas-soċjeta’. Is-segretarju kien is-sur Ġiuseppe Sapiano filwaqt li kaxxier kien is-sur Ġiuseppe Saliba. Il-membri l-oħra fil-kumitat kienu s-sinjuri Salvatore Micallef, Angelo Fiott, Mose Zammit, Carmelo Fenech, Andrea Spiteri, Pietro Micallef u Andrea Micallef. Is-sur Ġiuseppe Sapiano, s-segretarju kien it-tifel ta’ Bascal Sapiano u n-nannu tiegħu kien l-arloġġar Mikelanġ Sapiano. Ġiuseppe kien ukoll bandist u kien idoqq il-Clarino. Is-sur Ġiuseppe Saliba (ta’ Merendu) il-kaxxier kien joqghod fi triq il-Karmnu ftit ‘il fuq minn fejn kien il-każin tas-socjeta. Kien iżżewweġ B’Kara u kien mar joqgħod hemm. Fost uliedu nsibu lil Dun Vincenz Saliba Kanonku tal-Kollegjata ta’ B’Kara u prokuratur. Ta’ kull sena l-kanonku kien jitla’ Ħal Luqa jqaddes fil-festa ta’ Sant’ Andrija.

Is-Surmast Direttur kien Mro. Antonio Pace (1878 – 1950) li kien mużiċist, kompożitur, direttur u maestro di Cappella ta’ diversi parroċċi f’Malta. Is-surmast f’dawk is-snin kien jitħallas £1.7s6d fix-xahar. Is-surmast Antonio Pace kien ilu f’din il-kariga sa mis-sena 1900. Fost l-istudenti tal-banda konna nsibu lil Vincenzo Caruana li fl-1905 kellu 9 snin. Vincenzo kompla bl-istudji tieghu anke għand l-istess surmast Antonio Pace u għamel isem fil-qasam mużikali.

F’dan l-istess perjodu s-Societa Filarmonica San Andrea kellha bħala President Onorarju lis-sur Ġuże Psaila. Is-sur Psaila kien maħtur f’din il-kariga wara l-Markiż Crispo Giorgio Barbaro Markiż ta’ San Ġorġ fl-1900. Is-sur Psaila kien mill-Qrendi u kien principal foreman it-tarzna filwaqt li l-president tas-socjeta s-Sur G. F. Micallef kien foreman. Oħt is-sur Psaila, Katarina kienet miżżewġa Ħal Luqa lil Ġużeppi Camilleri u kienet toqgħod quddiem il-każin tas-soċjeta’ fi triq il-Karmnu. X’aktarx li kienu dawn iż-żewġ fatturi li wasslu biex is-sur Psaila jsir midħla tas-Societa Filarmonica San Andrea u jinħatar President Onorarju tagħha. Eventwalment it-tifla ta’ Katarina, Ġiovanna żżewġet lil Indri Micallef it-tifel ta’ Salvu Micallef, ħu G. F. Micallef.

Sew il-bandisti u kemm is-soċi kienu jħallsu 6d (2c5) fix-xahar u l-attivitajiet prinċipali fil-każin kienu l-Banda, it-Teatrin, u t-Tombla. Kien isir ukoll xi logħob tal-karti għall-mogħdija taż-żmien. Il-każin kien mgħammar tajjeb ħafna u jippossedi l-oġġetti neċessarji. Fl-inventarju ta’ dak iż-żmien insibu li fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin, is-Soċjeta’ kellha dawn l-oġġetti propjeta tagħha, xi wħud minnhom kienu fil-każin, oħrajn għand xi membri bandisti u oħrajn fil-mħażen tal-knisja.

L-istrumenti tal-banda kienu: Terzin, Ottavin, Quartin, 4 Klarinetti, Pistonin, Kurunetta, 3 Saxi, Baritonu, Euphonium, 2 Trumbuni, 4 Bumbarduni, wieħed minnhom Serpentin, Contrabasso, Gran Cassa, Cincinati, Tamburro u Triangolo.

Is-Socjeta kienet tippossedi wkoll żewġ standardi, planċier, żewġ kaxxi b’25 leġiju, kaxxa bi 32 fanal tal-leġiji, kaxxa għall-kotba tal-banda u 25 par ħadid għall-karti, 26 siġġu, statwa ta’ Malta Gwerriera u żewġ pilandri bil-pedestalli miżmumin fil-każin filwaqt li l-pedestall ta’ l-istatwa kien merfugħ fil-maħżen tal-knisja.

Fl-intrata tal-każin kien hemm sopraporta b’żewġ purtieri, linfa tal-ħadid b’sitt brazzi u erba’ kwadri. Fil-kamra tal-logħob kien hemm ħames kwadri b’veduti u tliet kwadri bi stampi, lampa tan-nofs u sitt imwejjed għat-tombla. Fit-taraġ kien hemm żewg lampi u statwa. Fil-bottegin kien hemm lampa tal-brazz. Fil-kamra t’isfel tax-xellug kien hemm sitt kwadri ta’ veduti kbar, żewġ ritratti żgħar, erba’ gwarniċi li jservu għall-listi tas-soċji u għar-regolamenti, lampa tal-ħadid, sopraporta tar-ramm b’żewġ purtieri u kwadru ta’ San Ġuzepp b’lampier quddiemu.

Kif semmejna aktar ‘il fuq, popolari ħafna f’dawk is-snin kien it-teatrin. Filfatt fi ħdan is-Societa Filarmonica San Andrea kienet twaqqfet il-kumpanija tat-teatrin bl-isem La Stella. Id-direttur tagħha fl-1905 kien is-sur Ġiuseppe Sapiano li kien anke s-segretarju u eventwalment ħalla l-kariga ta’ segretarju u kompla jiehu ħsieb il-kumpanija tat-teatrin. Fi ħdan il-kumpanija kien hemm xejn anqas minn 21 raġel. Kien f’dan iż-żmien li wħud mill-bandisti bdew jitgħallmu xi strument tal-korda biex jakkumpanjaw bid-daqq tagħhom waqt ir-rappreżentazzjonijiet u anke fl-intervall.

Fis-sala tat-Teatrin kien hemm erba’ kwadri, lampa, tnax-il kwinta, tnejn minnhom b’żewġ faċċati, tlettax-il xena, erbgħa minnhom b’żewġ faċċati, tlieta pinġuti fuq il-karta, disgħa fuq ix-xoqqa u waħda xena fissa magħmula mill-injam u x-xoqqa, separju, tavolin, tliet siġġijiet, erba’ lampi għar-rebalta u tnejn għall-ħajt, qanpiena u qanpiena oħra żgħira għas-suġġeritur.

Din kienet ħarsa ġenerali lejn is-Soċieta Filarmonica San Andrea fis-sena 1905.

1906

1906

Il-Każin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kien għadu f’numru 165 fi triq il-Karmnu, post mikri mingħand is-sur Giann Gatt.

Dik is-sena l-Laqgħa Ġenerali saret fl-10 t’ April, 1906 u bħala President kien konfermat is-sur Gian Frangisk Micallef. Fil-karigi ta’ Segretarju u Kaxxier kienu konfermati s-sinjuri Giuseppe Sapiano u Giuseppe Saliba. Bħala membri kienu eletti s-sinjuri, Salvatore Micallef, Angelo Fiott, Mose Zammit u Carmelo Fenech. F’laqgħa tal-kumitat li saret fil-15 ta’ Mejju 1906 dawn il-membri ngħataw san l-inkariku, Salvatore Micallef li jieħu ħsieb il-bandisti u li javża lill-membri b’xi seduta, l-iskop tagħha u l-ħin, Mose Zammit jieħu ħsieb il-każin u Carmelo Fenech kien inkarigat mill-palk, ix-xenarju u dak kolli li għandu x’jaqsam mat-teatrin. Hekk naraw li peress li Giuseppe Sapiano kien Segretarju kellu jħalli l-inkarigu tat-teatrin lil Carmelo Fenech.

Fl-istess Laqgħa Ġenerali, li jidher li kompliet l-għada 11 t’April, 1906, is-sur Angelo Fiott ippropona li kwalunkwe membru ta’ l-Orkestra Sant’ Andrija jgħodd ruħu bħala bandist tal-Banda Sant’ Andrija. Din il-proposta kienet ġiet aċċettata u għaddiet unanimament. Din il-proposta kienet tressqet peress li xi bandisti kienu bdew jitgħallmu strumenti tal-korda biex idoqqu waqt it-tejatrin. Eventwalment ġiet organizzata Orkestra u ngħatat l-isem Orkestra San Andrea u kienet tieħu sehem fil-knisja fil-festi tal-Ġimgħa l-Kbira, Corpus u fit-tridijiet tal-festa ta’ Sant’ Andrija. Kienet tagħmel ukoll programmi barra fil-pubbliku fosthom f’lejliet u nhar il-festa ta’ Sant’ Andrija.

Is-surmast tal-banda kien għadu Mro. Antonio Pace li kellu salarju ta’ £1.7s.6d fix-xahar.

F’seduta tal-kumitat li saret fit-3 ta’ Ġunju, 1906 kien deċiż li l-bottegin, jiġifieri l-bar tal-każin jingħata lil Giuseppe Saliba bi ħlas ta’ £2.2s6d fis-sena. Foist ir-regolamenti li nsibu għall-bottegin hemm li min ikun ha l-bar irid jagħmel l-ewwel sitt xhur bilfors filwaqt li t-tieni sitt xhur jekk ikun irid. Il-ħlas irid isir bil-quddiem u jekk ma jkunx se jkompli t-tieni sitt xhur ried javża xahar qabel. Il-ħinijiet tal-ftuħ fost il-ġimgħa kienu minn nofs siegħa qabel il-ħin ta’ l-Orazjoni sa x’ħin ikun telaq kulħadd. Fil-ħdud u l-festi bħal fost il-ġimgħa u jiftaħ ukoll mill-ħdax ta’ filgħodu sas-siegħa ta’ wara nofsinhar. Il-bottegin ried ikollu xorb tajjeb kif jixtiequ l-membri kif ukoll sigarri u sigaretti. Fuq kollox kien obbligat li jnadddaf il-każin u jixgħel u jnaddaf il-lampi.

Ħajr

Ħajr lil Maria Micallef, it-tifla ta’ Salvu Micallef u lil Carmela u Ċensina Micallef it-tfal ta’ Erminia, it-tifla ta’ Giuseppe Micallef u fuq kollox lill-Avukat Joseph Sapiano.

Referenzi

Kotba tal-Minuti u tal-Kaxxier 1905 u 1906
Inventarju 1905
Kotba tal-Festa Titulari Sant’ Andrija 2005 u 2006

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.