Sant’ Andrija fi Triq il-Karmnu, 130 sena fostna.

///Sant’ Andrija fi Triq il-Karmnu, 130 sena fostna.
Sant’ Andrija fi Triq il-Karmnu, 130 sena fostna. 2018-01-01T01:21:42+00:00

Bix-xieraq li llum nġibu tagħrif dwar l-istatawa ta’ Sant’ Andrija fi Triq il-Karmnu, peress li jaħbat il-130 sena minn meta l-Isqof Mons. Carmelo Scicluna ta’ l-indulgenzi għal min jitolb quddiem l-istatwa propju fis-16 t’Ottubru 1878.

Fejn illum hemm l-istatwa ta’ Sant’ Andrija, dik il-kantuniera dejjem kienet ixxanfrinata; dak iż-żmien kienet sular wieħed; fuq il-bejt kien hemm kannizzata ta’ l-għeneb il-ġmiel tagħha; kienu joqogħdu fiha familja ta’ ħamsa min-nies. Hawnhekk ħafna nies kienu ta’ spiss jiltaqaw sabiex taħt it-tmexxija ta’ Neriku jew Gavino Camilleri kienu jdoqqu u jikkunċertaw. Malajr intgħażlu irġiel biex jiffurmaw kumitat, li ħafna minnhom kienu mill-Kunsill tar-raħal. Bdew jiġbru il-flus biex jarmaw il-każin li kienu krew post apposta viċin, quddiem it-Triq ta’ Wied il-Knejjes u anki għall-ispejjeż ta’ l-armar li titlob l-orkestra kif ukoll il-banda.

Bdew jsiru il-laqgħat u xi ħadd minn dan il-Kumitat aktarx mastru Pietru Azzopardi, li dak iż-żmien kien prokuratur tal-Ġimgħa l-Kbira, ġietu l-idea li quddiem din il-kantuniera li tiġi bejn it-Triq tal-Karmnu u t-Triq ta’ Wied il-Knejjes, titwaqqaf statwa ta’ Sant’ Andrija, il-patrun ta’ Ħal Luqa, bħala tifkira ta’ din l-għaqda. L-idea ntogħġbot ħafna, u wara li ġiet approvata mill-kumitat saret ġabra sabiex jsir ix-xogħol.

F’inqas minn sena, il-pedestall u l-istatwa ta’ Sant Andrija kienet lesta; id-disinn tal-pedestall u ta’ l-istatwa tħallew f’idejn il-Pert Andre Vassallo li ukoll ħadem l-iskultura fil-pedestall. Intgħażlet ġurnata sajfija fl-1878 sabiex tittelgħa l-istatwa tal-patrun. Dak in-nhar saret festa kbira bil-poplu kollu Ħalluqi miġbur bid-daqq tal-istrumenti sabiex tkun il-bidu memorabbli ta’ din l-għaqda mużikali f’Ħal Luqa. L-istatwa ġiet mbierka mill-kappillan Dun Giuseppe Ruggier Trapani fost id-daqq ta’ l-istrumenti u l-isparar tal-musketterija bil-poplu jgħajjat ‘Viva Sant’ Andrija’

Fuq il-bażi ta’ l-istatwa hemm skrizzjoni bil-Latin ‘ Hujus Vive Habitantium Pietas Fecit Cura Petri Azzopardi ‘ li tfisser ‘Dan il-mafkar ġie magħmul mill-Qalb Ġeneruża ta’ Pietru Azzopardi’

Jidher ċar li fl-1878 kien hemm formazzjoni mużikali li daqqet fl-okkażjoni tat-tqegħid ta’ l-istatwa bħala kommemorazzjoni tat-twaqqif tagħha. Kif kien jixraq l-isqof ta’ dak iż-żmien Monsinjur Carmelo Scicluna ta’ xi ġranet indulgenzi għal min jitlob quddiema kif kienet l-użanza ta’ dawk iż-żminijiet.

L-orkestra jew banda li kienet teżisti fl-1878 kellha l-isem ta’ La Stella. Fuq dan hem qbil kif ġie rrapurtat li kien jgħid Pietru Vassallo u skond Noe’ Ciappara fil-manuskritt tiegħu. Fl-1878 kien hemm banda jew orkestra waħda, ‘La Stella’ taħt id-direzzjoni ta’ Gavino Camilleri. Sa dak iż-żmien, almenu, jidher li kien hemm l-għaqda fost in-nies dilettanti, sew tal-mużika kif ukoll tat-teatrin f’Ħal Luqa.
Matul l-1879 u l-1880 il-membri fi ħdan din is-soċjeta’ kellhom xi jgħidu u grupp ta’ membri ħarġu minnha biex iffurmaw banda ġdida. La Stella kompliet tiffunzjona taħt il-presidenza tas-Sur Giuseppe Miacllef fl-istess sede 165 Strada Carmine fejn aktar tard saret Societa Filarmonica San Andrea fl-1883. Il-grupp li telaq minn La Stella (fergħa ġdida) ssejħet l’Unione taħt il-presidenza ta’ mastru Nikol Sammut bħala turija ta’ għaqda mat-Teatrin ta’ Vincenzo Cremona mlaqqam il-Maxku.

Meħud minn partijiet tal-ewwel kapitlu mill-ktieb – L-Għaqfa Mużikali Sant’ Andrija – Twelidha u Ġrajjietha’ ta’ Jesmond Grech (2008)

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
zollbestimmungen kamagra 100mg Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.