Statwa Malta Gwerriera – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Statwa Malta Gwerriera

Statwa Malta Gwerriera 2017-12-31T02:09:07+00:00

L-istatwa ta’ Malta Gwerriera

MaltaGwerriera
L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija jew kif kienet magħrufa dak iż-żmien bħala Societa’ Filarmonica San Andrea, rat il-bidu taghha fl-1883. Kif il-banda ssaħħet sew, is-soċjeta’ bdiet taħseb sabiex ikollha statwa simbolu tagħha, li tkun tista tintrama fil-festa fil-Pjazza tar-Raħal. Uħud mis-soċi xtaqu li ssir statwa ta’ Santa Maximilla, peress illi din kelha konnessjoni mal-martirju ta’ Sant’Andrija, filwaqt illi oħrajn xtaqu statwa ta’ Malta bħalma kien qed isir f’postijiet oħra. Għaldaqstant saret laqgħa għas-soċi kollha u fiha ġew ippreżentati żewg abbozzi: wieħed ta’ Malta u l-ieħor ta’ Santa Maximilla. Il-maggoranza għazlet l-istatwa ta’ Malta u għalhekk ġiet ordnata din l-istatwa għand l-istatwarju Karlu Darmanin. ‘L quddiem l-istatwa ta’ Santa Maximilla saret xorta waħda bi flus li ħargu xi membri. L-istatwa ta’ Santa Maximilla għadha sal-lum tintrama fi triq il-Karmnu fi żmien il-festa ta’ Sant’Andrija.

Il-pedestall ta’ l-istatwa ta’ Malta inħadem minn żewg membri tas-socjeta’: l-imgħallem Gian Patist Cremona u P. Zammit, fuq disinn ta’ soċju ieħor li għamel isem għall-ħila tiegħu, il-Perit Indri Vassallo. Il-ġbir għal din l-istatwa sar mill-istudenti Giacomo Baldacchino u Francesco Schembri. Fil-festa ta’ Sant’Andrija ta’ l-1886, iżżanżnet l-istatwa ta’ Malta fuq pedestall b’żewg pilandri għal quddiem il-Pedestall.

Għal din l-okkazjoni l-Banda Sant’Andrija daqqet Innu lil Sant’Andrija Appostlu fuq versi ta’ wiehed mhux magħruf u mmuzikat mis-surmast tagħha Mro. Tumaso Galea. Il-partijiet ta’ dan l-Innu jinsabu mizmuma b’għozza kbira fl-Arkivju tal-Kazin.

Wara nuqqas ta’ 15-il sena jiġifieri mill-1979 sa’ l-1994, rajna t-tlugh mill-gdid ta’ l-Istatwa ta’ Malta Gweriera fuq il-kolonna tagħha. Wara ħafna proponimenti fejn setgħet tigi armata l-kolonna, billi l-post fejn kienet tintrama illum ittieħed mill-kolonna l-ġdida ta’ Sant’Andrija, intgħażel bi prova post eżatt wara l-planċier u għidna bi prova, għaliex kienu ħafna dawk li ħasbu li l-post ma kienx prominenti jew addattat għal statwa antika bħal dik ta’ Malta. Imma malli l-istatwa ddaħħlet fuq il-kolonna fost il-brijju tal-partitarji dehret li kienet saret għażla tajba. U għalhekk erġajna tajna gieħ lil din l-istatwa li issa għalqet il-mitt sena tagħha u kienet inħadmet mill-iskultur magħruf Karlu Darmanin.

Maltagwerriera
F’Ħal Luqa baqgħalna ħjiel zgħir ta’ l-id li kellu ghad-disinn il-Perit Indri Vassallo, u dan il-ħjiel narawh fl-armar li kien jintrama fil-pjazza ta’ Hal Luqa sas-sena 1981, flimkien mal-pedestall li għadu jintrama sal-lum mill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija. Fil-fatt Indri Vassallo kien soċju tal-Għaqda Mużikali Sant’Andrija u meta kien ġie deciż li jsir pedestall u statwa ta’ Malta Gwerriera, dan kien ġie avviċinat u nħadem il-pedestall flimkien ma’ żewġ pilandri fuq disinn tiegħu. F’dan ix-xoghol wiehed jista jara s-sena ta’ proporzjonijiet perfetti li fih, u għadu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ xogħlijiet li jintramaw fil-festa. Id-disinn tal-pedestall kien għamlu meta kellu biss 29 sena għax fil-fatt intrama għall-ewwel darba fl-1886. Dwar l-armar l-iehor, nistgħu ngħidu li hu ta’ ċertu klassi, fejn il-proporzjonijiet huma perfetti. Hawnhekk nistgħu ngħidu li wara ħafna snin mitluq, u wara li l-Kappillan Dun Alfred Vella avviċina liż-żewġ kumitati tal-Banda dwar dan, membri tagħna ddecidew li jiġbru dan l-armar kollu fil-maħzen taghna biex ma’ l-ewwel okkazjoni li jsibu jirrestawraw xi ftit minnhu biex jerga jintrama għall-festa. Fil-fatt dan seħħ fis-sena 2002.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.