Statwa Sant’ Andrija 1979-2009 – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Statwa Sant’ Andrija 1979-2009

///Statwa Sant’ Andrija 1979-2009
Statwa Sant’ Andrija 1979-2009 2017-12-31T02:09:21+00:00

Article

Fi żminijiet mgħoddija, f’Misraħ Sant’Andrija fejn hemm il-Kazin tal-Banda Sant’Andrija, kienet tintrama statwa fuq kolonna li kienet tirraprezenta l-martirju ta’ l-Appostlu Sant’Andrija; imma sfortunatament din spiċċat u llum ma fadal xejn minnha ħlief ir-ritratt.

Kienet ilha x-xewqa li ssir statwa ta’ Sant’ Andrija sabiex tibda tintrama fil-festa, wara li kienet saret statwa żgħira għal fuq il-faċċata tal-Każin. Fil-pajjiż ukoll kien wasal iż-żmien li tintemm il-bażi militari tas-servizzi Ngliżi, u peress li ma kienx għad fadal aktar skop li nesebixxu fuq pedestall statwa ta’ Malta gwerriera, ġie deciż li ssir l-iStatwa tant mixtieqa mill-membri tas-soċjeta’. Għal dan il-għan, żewġ membri tal-kumitat wara li kkonsultaw ruħhom mal-istess Kumitat ħadu l-inizjattiva u ordnaw mingħand l-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi statwa ta’ Sant’Andrija.

Għaliex Michael Camilleri Cauchi?

L-Għaqda Mużikali tagħna tista tiftaħar li għandha xogħlijiet tal-familja Camilleri Cauchi, ulied il-maghruf statwarju Għawdxi Wistin Camilleri Cauchi li kien magħruf għal ħila artistika tiegħu. Filwaqt illi Michael ħadem l-istatwa ta’ Sant’Andrija li tintrama fil-Pjazza tal-knisja fil-ġranet tal-festa, ħuh Alfred, kien ħadem l-istatwa ta’ Sant’Andrija li tinsab fil-faccata tal-Każin. Ħuhom Paul, pitter il-kwadru li jinsab fis-sala prinċipali tal-Każin li juri l-adorazzjoni tas-salib ta’ Sant’Andrija xogħol li tlesta u ġie inawgurat fl-1983. Barra minhekk, Paul pitter ukoll il-kwadri ta’ fuq il-bandalori li jintramaw fil-pjazza fil-ġranet tal-festa u li juru siltiet mill-ħajja tal-Appostlu Sant’Andrija.

Hekk kif waslet il-Laqgħa Ġenerali tas-soċjeta’, tressqet mozzjoni sabiex din l-istatwa ta’ Sant’Andrija tibda tintrama fuq il-kolonna ta’ Malta fil-Pjazza tal-Knisja. Din il-mozzjoni għaddiet unanimament u minnufih ġie awtorizzat il-kaxxier u l-president sabiex jagħmlu ġabra minn fost il-membri għall-ispejjes sew ta’ l-istatwa kif ukoll għar-rinovazzjoni tal-kolonna.

Il-missjoni kellha tkun waħda ta’ segretezza kbira peress li tal-Banda l-oħra, li kienu jtellghu l-Anglu fuq pedestall, ukoll kienu għajnejhom fuqna biex jaraw biex ħerġin. Ma kienux jafu li ordnajna statwa ta’ Sant’Andrija. Kienu jafu biss li se ssir statwa ġdida.

Meta ħadem din l-istatwa, Michael kien għadu fil-bidu tal-karriera tiegħu u kellu 28 sena u kien għadu taħt il-gwida ta’ missieru Wistin li mingħandhu tgħallem id-disinn, modellar u kompozizzjoni. L-istatwa li ħarget minn taht idejh zgur li kienet il-bidu ta’ kullana ta’ xogħlijiet mill-aqwa mferrxin ma’ Malta u Għawdex u saħansitra anke barra minn xtutna. Tant kien sodisfatt missieru bl-istatwa li ħadem Michael, li meta marru għaliha l-partitarji ma xtaqx li joħduha u talabhom biex jibżgħu għaliha. Meta wieħed iħares lejn din l-istatwa tara moviment ħelu u ġentili fil-posizzjoni tal-figura filwaqt illi l-panneġġi ta’ l-ilbies ikompli jgħin f’dan. L-anatomija, s-sider, ir-riglejn u l-idejn huma dettaljati tajjeb. Ħarstek ta’ bilfors ma tintilifx fix-xenxilli izda l-istess figura tmexxik ‘l fuq lejn ras il-qaddis. Wiċċu jesprimi l-qdusija tiegħu, filwaqt illi b’ħarstu lejn is-sema jurina li postu hu fis-sema ħdejn il-Mulej. B’idu wahda ‘l barra, donnu qieghed ikellem lill-miġemgħa ta’ quddiemu, filwaqt illi b’idu l-oħra qiegħed iħaddan is-salib li tant ħabb. F’din l-istatwa ma narawx is-solennita’ u t-trankwillita’ li nsibu ngħidu ahna fi statwi titulari, u dan għaliex l-artist kien jaf li din ma kienetx statwa għal ġo xi knisja għall-qima tal-fidili, iżda biex tintrama’ fi pjazza, f’ambjent ta’ kuluri u brijju. Għalhekk joħroġ iktar l-aspett uman. Din l-istatwa hija xogħol mill-aqwa tal-kartapesta f’pajjizna.


Fit-23 ta’ Gunju, 1979 sa minn filghodu kmieni, grupp ta’ żgħażagħ membri tas-soċjeta’ marru Għawdex fuq missjoni, bl-iskop li jġibu din l-istatwa. Hekk kif waslu għand l-istatwarju Michael Camilleri Cauchi, u raw din l-istatwa infexxew f’ċapċipa kbira u minnufih għabbew din l-istatwa fuq it-trakk u ħaduha lejn ix-xatt tal-Imgarr t’Ghawdex. Għadd kbir ta’ nies li kienu fuq il-vapur t’Għawdex, raw din l-istatwa u ammiraw ix-xogħol u l-ħila tal-kapulavur ta’ l-iskultur Michael Camilleri Cauchi. Dawn baqgħu ġejjin dritt f’għalqa fil-limiti ta’ Ħal Luqa (Ħal Farruġ) fejn hemmhekk kellhom laqgħa kbira mill-membri tas-soċjeta’ u bdew jarmawha bi friegħi tal-palm, fjuri u bnadar ħomor. Dak in-nhar ħabtet il-gurnata meta l-Istatwa ta’ Sant’Andrija tal-Knisja kellha tinhareg min-nicca taghha biex tiehu postha fil-Knisja bi thejjija ghall-Festa ta’ Sant’Andrija.

Għalhekk, appena l-istatwa tal-Knisja inħarġet fuq iz-zuntier, fejn intlaqgħet b’ċapċip mill-Ħal Luqin miġbura għall-okkażjoni tal-ħruġ tal-vara min-niċċa, u inħaraq in-nar ta’ l-ajru flimkien ma’ sfafar u gassijiet; u ddaħħlet lura fil-Knisja, instema’ ħruq ta’ sfafar, capcip, ħornijiet u l-istorbju kollu li setgħu jagħmlu l-partitarji stillieri, ġejjin minn naha ta’ Carmel Street. Fuq trakk armat u ddekorat bi bnadar u friegħi tal-palm, iddaħħlet trijonfalment fuq it-trakk, l-istatwa ġdida ta’ Sant’Andrija fost il-ħruq ta’ sufarelli u waslet quddiem iz-Zuntier tal-Knisja, fost iċ-ċapċip tan-nies prezenti. L-istatwa ddawret ma’ diversi toroq tar-raħal f’dimostrazzjoni spontanja bil-partitarji stillieri jiġru warajha minn kull fejn ghaddiet.

Wara l-istatwa twasslet quddiem il-Każin tal-Banda Sant’Andrija u ddaħħlet fl-istess każin fost ħruq ta’ musketterija u sufarelli, u ċapċip ma’ jaqta’ xejn. Matul il-ġimgħa tal-festa, numru kbir ta’ nies u dilettanti, sew minn Ħal Luqa kif ukoll barranin, ġew fil-każin jaraw u japprezzaw din l-istatwa hekk sabieħa.

Is-Sibt, 20 ta’ Gunju, 1979, din l-istatwa tqegħdet quddiem il-plancier tal-banda fuq bradella maħduma apposta mis-sur Joseph Galdes (membru bandist tas-soċjeta’) u f’ċerimonja qasira tbierket mill-Kappillan tal-parroċċa il-W.R. Dun Innocenz Borg. Wara beda l-marċ brijjuż u din l-istatwa intrefgħet fuq l-ispalla u giet imdawra mat-toroq ta’ Ħal Luqa waqt il-marċ ta’ Lejliet il-Festa. Hekk kif il-marċ wasal lura l-Pjazza ħdejn il-Kazin, din l-istatwa giet imtella’ bl-idejn minn staffa ghall-oħra, fuq il-kolonna jew pedestall tagħha, li kien armat quddiem il-każin biswit il-Knisja, fost iċ-ċapċip u ħruq tan-nar u brijju kbir. Waqt li kienet tiela’ fuq il-pedestall, il-Banda Sant’Andrija daqqet l-Innu tas-surmast Ħal Luqi Vincenzo Caruana u l-Innu tal-Patrun tal-Banda Sant Andrija tal-Ħal Luqi, komposizzjoni ta’ John Calleja, membru attiv tal-istess soċjeta’. Din l-istatwa għada tintrama’ sal-ġurnata tal-lum fil-pjazza tal-Knisja u ssirilha dimostrazzjoni bl-istess entużjażmu u pompa li biha intramat l-ewwel darba.

 

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.