1997-2007 – 10 snin mill-estensjoni tal-Maħżen ta’ l-armar. – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

1997-2007 – 10 snin mill-estensjoni tal-Maħżen ta’ l-armar.

///1997-2007 – 10 snin mill-estensjoni tal-Maħżen ta’ l-armar.
1997-2007 – 10 snin mill-estensjoni tal-Maħżen ta’ l-armar. 2017-12-30T23:09:38+00:00

Kien propju fl-1995 meta d-dilettanti tal-armar avviċinaw lil kaxxier ta’ dak iż-żmien, is-Sur Raymond Zammit bil-ħsieb li kellhom biex jitkabbar il-maħżen ta’ l-armar. Kif jagħmel kull kaxxier nistgħu ngħidu li għall-ewwel qad lura, speċjalment meta wieħed jqis li kien għadu kif sar ‘refurbishment’ tal-każin. Xogħol li kien ilaħħaq l-eluf ta’ liri.

Tiskanta kif idea tħeġġeġ lil oħrajn biex jmiddu idhom għax xogħol, xogħol li kollu sar mill-bidu nett sa l-aħħar mill-membri fil-ħin liberu tagħhom. Timmeravilja ruħek ukoll bill-ġbir għall-finanzjament tal-proġett mill-membri u l-benefatturi, meta tiftakar li fl-1997 ntefqu madwar Lm10,000 biex dan il-proġett jitlesta.

Billi x-xogħol sar fil-kobor, u meta ngħidu kobor qed ngħidu li sar workshop kbir isfel, maħżen fis-sular meżżan u sala fuq li tista’ tintuża għal okkażjonijiet varji. Peress li x-xogħol dejjem sar b’mod volontarju kultant jiġi żmien fejn tiltaqa’ ma problemi li ma jkunux żgħar. Pero’, grazzi għad-determinazzjoni u ħeġġa ta’ Karmenu Attard, Joe Bondin u Luqa Cassar bl-għajnuna ta’ Feliċ Farruġia, li kienu mill-bidu nett jaħdmu fuq dan il-proġett, tista’ tgħid li sar kwalunkwe xogħol; minn tqegħid ta’ bricks u madum, sa kisi u tibjid. Ma dawn kien hemm diversi oħra li ġew minn mument għal ieħor biex joffru l-għajnuna tagħhom.

Inawgurazzjoni

Nhar il-Ħadd 29 ta’ Ġunju 1997 ġie propju inawgurat t-tieni fażi tal-maħżen ta’ l-armar mill-President is-Sur Ivo Seychell u mbierek mill-Kan. Karm Zammit. Għall-okkażjoni sar ukoll marċ mill-Banda Sant’ Andrija mill-każin sal-maħżen fejn attendew diversi membri kif ukoll il-pubbliku li kien preżenti għal din l-okkażjoni.

Sar kxif ta’ rħama kommemorattiva u saret bibita għall-okkażjoni, fejn kull min kien preżenti seta’ jdur il-post u jammira dak kollu li kien sar matul is-sentejn li kienu għaddew. Il-mistiedna preżenti kienu mdawwra madwar il-post u murija l-‘workshop’ fejn isir ix-xogħol kollu ta’ l-armar, il-post fejn jinżamm l-armar kif ukoll is-sala fis-sular ta’ fuq fejn kien hemm esebizzjoni ta’ ritratti ta’ l-armar grandjuż li narmaw fil-Pjazza tagħna. Fl-esebizzjoni kien hemm ukoll siltiet waqt il-bini tal-proġett li kien għadu kif kien inawgurat. Kull min kien preżenti żgur li ma naqasx ifaħħar il-ħila li ntweriet mill-membri li ħadmu volontarjament sabiex twettaq dan il-proġett.

wirja

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.