Ħadd mal-Maltin

Ħadd mal-Maltin 2017-12-31T00:27:53+00:00

L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija bdiet is-sena 1994 bi sfida qawwija – sfida li l-Kumitat flimkien mal-partitarji laqgħu b’entużjażmu kbir.

Bħala Għaqda Mużikali, diġa għaddejna minn esperjenza simili bis sehem tagħna fil-programm televiżiv: ”Bongu Malta”, li kien sar fl-1985, pero dak in-nhar il-ħin tal-programm kien maqsum bejn iż-żewġ każini tal-baned lokali. Din id-darba, ix-xorti messet lilna li l-programm jittella’ mill-każin tagħna…. programm ta’ sagħtejn li ridna nimlewh b’mod attrajenti u pjaċevoli għat-telespettaturi Maltin u Għawdxin. Fl-istess waqt ridna wkoll noħorġu s-sens kulturali kif ukoll it-talenti li tħaddan l-Għaqda Mużikali tagħna. Kienet sfida biex nuru lil Malta kollha s-sens kulturali li dejjem ħaddnet u għada sal-lum tħaddan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa. Wara li ntemm il-programm stajna ngħidu b’wiċċna minn quddiem li l-isfida kienet ingħelbet u l-kumment li għamel Mario Azzopardi fil-poeżija tiegħu kien tassew f’waqtu: “.. Eh dawk ta’ l-Istilla, b’Sant’ Andrija magħhom jafu tassew jorganizzaw…” Ċertifikat mill-isbaħ fi prograrmm li mmaterjalizza bl-iktar mod qawwi dak il-kliem.

hadd mal-maltin

hadd mal maltin

Id-dilettanti tal-armar ħadu l-inizjattiva u ramaw għall-okkażjoni żewġ trofej u żewġ pilandri flimkien mal-Pedestall ta’ Malta Gwerriera. Din l-istatwa ta’ Malta li kienet ilha ma tintrama mill-1978 ħlief għas-sena 1983 (Sena Ċentenarja għall-Għaqda Mużikali tagħna) reġgħet ġiet restawrata u ttellgħet (fi tmiem il-marċ li sar għal dan il-programm televiżiv) fuq il-pedestall bissellum mekkanizzat. U xi ngħidu għall-karozza tal-armar? Tassew għandhom ideat dawn id-dilettanti tal-armar. Żgur li minn dan l-aspett il-programm tagħna kien jiżboq kull programm ieħor li kien diġa ntwera.

Iż-żgħażagħ taw is-sehem tagħhom ukoll. Ħadu l-inkarigu li jarmaw il-faċċata tal-każin b’mod tassew attrajenti li silet it-tifħir tal-presentatur tal-programm.

II-każin minn ġewwa ġie mżejjen kif jixraq għall-okkażżjoni bi fjuri, standardi, bandalori, eċċ. Ix-xogħol kollu kien fdat f’idejn il-partitarji nisa tal-Għaqda tagħna.

Id-dilettanti tal-Billiard taw esibizzjoni ta’ logħob fost rassa enormi ta’ nies li nġabret ġol-każin.

L-aspett mużikali fil-programm ma’ kienx nieqes. Il-banda ħadet sehem f’marċ brijjuż mat-toroq tar-raħal, filwaqt li l-Banda taż-Żgħażagħ daqqet silta mużikali mill- Exodus fis-sala prinċipali tal-Każin, taħt id -direzzjoni tas-Surrnast Paul Schembri. Saru intervisti lill-iktar żewġ bandisti anzjani flimkien mas-surmast u d-delegat tal-banda.

L-istorja tas-soċjeta ingħatat ukoll l-importanza li kien jimmeritaha f’dan il-programm, permezz ta’ dokumentarju ta’ madwar għoxrin minuta, liema dokumentarju kien imżewwaq b’ritratti u filmati li jsostnu l-istorja interessanti tagħha. Dokumentarju li fil-ħin limitat tiegħu, iffoka fuq l-iktar ġrajjiet importanti fil-ħajja tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija; storja rikka ta’ kultura mużikali u personalitajiet importanti.

L-ispot li sar mill-Knisja kien interessanti ħafna l-iktar x’ħin rajna l-arloġġ ta’ Mikelanġ Sapiano jaħdem, ħaga li ftit kienu dawk li kienu rawha qabel.

mejda maltija

Il-mejda Luqija ma naqsitx u b’hekk il-mazzit li missirijietna kienu tant magħrufa għalih, ingħata l-prominenza tiegħu fil-programm “il-Ħadd mal-Maltin”. L-għeluq ta’ dan il-programm sar fil-kamra laterali t’isfel, li għal din l-okkażjoni intramat b’mod tassew attrajenti: bil-bandiera tas-soċjeta bħala sfond, bl-istatwa tal-patrun tagħna Sant’ Andrjja, kif ukoll b’mejda ta’ ikel tipikament Malti, u bħalma għidna bil-mazzit jinqela’, jiddomina l-għeluq ta’ dan il-programm fost prezentazzjonijiet kemm lill-presentatur tal-programm is-sur Charles Xuereb, kif ukoll lid-Direttur tal-programm, is-sur Joe Galea u lill-President ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija s-sur Moses A. Zammit; fost ir-rieħa ta’ l-ikel bnin li żgur ħalla togħma tajba lil dawn kollha preżenti għal din l-okkażżjoni, fil-każin tal-Banda Sant’ Andrija.

Insomma, kien programm li wera kemm aħna ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija nafu nqumu għal kull okkażżjoni, tkun xi tkun, b’mod li hu xieraq! Forsi l-iktar kumment li ta’ min wieħed jirreġistra kien: “…wieħed mill-aqwa programmi li qatt tellajt!” hekk stqarr il-preżentatur Charles Xuereb fi tmiem il-programm, u aħna minn naħa tagħna ngħidu prosit u grazzi lil dawk kollha li taw sehemhom biex niksbu suċċess ieħor f’katina sħiħa ta’ suċċessi, permezz tal-għaqda ta’ bejnietna. Grazzi tal-ħidma li wettaqtu, bl-uniku skop li ngħollu dejjem isem ir-raħal tagħna Ħal Luqa, u aktar u aktar isem l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, l-ewwel għaqda mużikali f’Ħal Luqa, Għaqda li għandha l-unur li ġġib isem il-patrun tagħha Sant’ Andrija.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.