Id-Devozzjoni lejn Sant’Andrija fir-raħal tal-Fontana, Għawdex

///Id-Devozzjoni lejn Sant’Andrija fir-raħal tal-Fontana, Għawdex
Id-Devozzjoni lejn Sant’Andrija fir-raħal tal-Fontana, Għawdex 2017-12-31T00:27:26+00:00

Ir-raħal ċkejken tal-Fontana f’Għawdex jinsab fit-triq li mill-Belt Victoria twasslek għall-bajja tax-Xlendi. Isem dan ir-raħal oriġina mill-isem li kien ingħata lill-għajn ta’ ilma naturali li hemm mal-ġenb tat-triq li kienet u għadha tissejjaħ it-Triq ta’ l-Għajn. L-ewwel dokument li fih insibu l-isem ta’ dan il-lokal huwa bid-data tat-2 ta’ Jannar 1373. Maż-żmien dan l-isem inbidel għal dak bit-Taljan: Fontana u l-ewwel darba li niltaqgħu miegħu, huwa f’kuntratt li sar għand in-Nutar Tumas Gauci nhar id-9 ta’ Gunju 1567. Sas-sena 1637 in-nies ta’ dawn l-inħawi kellhom jidħlu għall-kenn tas-swar tal-Belt matul il-lejl minħabba l-biża’ ta’ xi attakk mill-furbani. Meta mbagħad din l-ordni ġiet imneħħija, l-abitanti tat-triq ta’ l-Għajn bdew jiżdiedu bil-mod ‘il mod, tant li f’ċensiment li sar fl-1861, kien hemm 429 persuna jabitaw f’numru ta’ rziezet u djar żgħar li ġew mibnija madwar l-għajn.

Il-parti l-kbira minn dawn in-nies kienu bdiewa u sajjieda u dawn kellhom l-opri tal-baħar tagħhom fil-bajja tax-Xlendi. Kien għalhekk li dawn ħasbu biex iwaqqfu statwa tal-qaddis Protettur tagħhom Sant’Andrija. Ħasbu wkoll biex iwaqqfu niċċa tas-Salvatur fi Triq ta’ l-Għajn u din kienet li nisslet l-interess tan-nies biex fl-inħawi timbena knisja. Għal dan il-għan ġiet akkwistata biċċa art mingħand in-Nobbli dei Marchesi Apap Delicata u nhar id-29 ta’ Jannar 1893 saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-bini tal-knisja minn Mons. Giovanni Marija Camilleri, Isqof t’Għawdex. Is-sajjieda kienu joffru terz mill-qliegħ tagħhom b’risq dan il-progett. Għalhekk wieħed mill-altari tal-knisja ġie ddedikat lil Sant’Andrija u fuqu tpoġġa kwadru li jirrappreżenta s-‘Sejħa ta’ Sant’Andrija Appostlu’, xogħol ta’ Mikiel Busuttil. Dan il-kwadru qabel kien fil-knisja parrokkjali ta’ Għajnsielem u ngħata lir-raħal tal-Fontana bħala rigal. Nhar it-8 t’Ottubru 1906, ġew imwaqqfa żewġ fratellanzi tal-Qalb ta’ Ġesu, it-titular tal-Knisja u ta’ Sant’Andrija Appostlu, indirizzata l-iktar għas-sajjieda tar-raħal. Il-fratelli ta’ Sant’ Andrija kienu jilbsu l-muzzetta ħamra, bil-buttuni u bit-tberfil isfar. L-istess sajjieda tal-lokal ħasbu biex jagħmlu l-istatwa ta’ Sant’ Andrija għand l-istatwarju Karlu Mallia ta’ Ħal Qormi. Ħallset għaliha Vinċenza Pace u ħarget għall-ewwel darba f’purċissjoni nhar it-Tlieta 30 ta’ Novembru 1909.

Il-knisja saret parroċċa b’digriet ta’ l-Isqof Gwanni Marija Camilleri nhar it-Tnejn, 27 ta’ Marzu, 1911. Il-komunita tar-raħal baqgħet tikber tant li maż-żmien, il-knisja saret zgħira wisq biex tlaħħaq mal-bżonnijiet spiritwali tan-nies. Kien għalhekk li Dun Lawrenz Xerri, il-ħames Kappillan tal-Parroċċa nieda l-proġett tat-tkabbir tal-Knisja f’Marzu tas-sena 1965. Ġew mibnija erba’ navi ġodda b’waħda minnhom iddedikata lil Sant’Andrija. Fit-22 ta’ Ġunju, 1969 ġiet inawgurata n-niċċa l-ġdida ta’ Sant’ Andrija u fl-1973 sar l-artal mejda ta’ l-irħam imżejjen b’erba’ statwi tal-bronz li nħadmu f’Milan fuq abbozz ta’ Ġuzeppi Sagona tar-Rabat. Naturalment waħda minn dawn l-erba’ statwi hija dik ta’ Sant’ Andrija.

Għalkemm il-parroċċa tal-Fontana hija taħt il-Patroċinju tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’, iddevozzjoni lejn Sant’ Andrija għandha għeruq sodi ħafna tant li nistgħu ngħidu li dan il-qaddis huwa l-Ko-Titular tal-knisja parrokkjali tar-raħal tal-Fontana.

Mario Fenech
Sliema

Sant’Andrija tax-Xlendi

Kulmeta x-Xlendi ninzel
Ħarsti tmur fuqek,
Sant’ Andrija.

Int hemm, minxur fuq għuda,
Bħall-kbir Imgħallem l-għalik miet, għalija,
Turi s-sajjieda t-triq tal-ħajja mwiegħra,
Id-dwejjaq ta’ kuljum, il-qilla ta’ l-imwieg,
Il-ġlieda għall-għajxien.

U jiena,
Waħdi nitkennen, għad-dell ta’ l-għar tax-Xlendi,
Qisni f’ġuf ommi, fix-xejn naħseb tal-jien u ta’ madwaru,
Nifli l-bnedmin sajjieda fqar.

Hu ħsiebhom lis-sajjieda, Sant’ Andrija tax-Xlendi,
Tinsiex l-Int ukoll kont sajjied,
Ħu ħsieb il-maħżen tagħhom u l-qoxra ċkejkna mlewna,
Titliegħeb mal-mewġiet, iteptpu taħt ix-xemx, jiżfnu fil-qamar,
Nissel ġo fija t-tama, biex ma tgħibx filghaxija,
Kif ix-xemx tnin u tmur…
X’ħin Int tilbes id-deheb bid-dija,
Sant’Andrija

Rev. George Mercieca

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.