Intervista mal-President fil-Festa Liturġika nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2007 mill-BBC Radio Scotland – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Intervista mal-President fil-Festa Liturġika nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2007 mill-BBC Radio Scotland

///Intervista mal-President fil-Festa Liturġika nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2007 mill-BBC Radio Scotland
Intervista mal-President fil-Festa Liturġika nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2007 mill-BBC Radio Scotland 2017-12-31T00:53:15+00:00

Nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru 2007, il-Festa Liturġika tal-Padrun tagħna Sant’ Andrija. Ġurnata li għalina l-Ħalluqin hija speċjali ferm. Huma bosta l-Ħalluqin li ħaduha franka mix-xogħol sabiex jiċċelebraw din il-Festa. Jidher li bil-mod il-mod din il-ġurnata qegħda terġa tqum f’qalb il-partitarji. Speċjalment meta tara l-konkorrenza għal ikla li kellna f’nofs inhar kif ukoll bil-parteċipazzjoni fil-quddiesa kkonċelebrata u l-‘get together’ wara l-istess quddiesa.

Din il-Festa mhux biss tiġi ċċelebrata f’Ħal Luqa iżda f’diversi parroċċi oħra fejn hemm xi ċentru b’isem Sant’ Andrija jew statwa b’devozzjoni lejn dan il-qaddis.

Il-kult għal dan il-qaddis huwa mifrux fil-Greċja , r-Russja kif ukoll fl-Iskozja. Dawn ta’ l-aħħar, l-Iskoċċizi, hija l-festa tal-Padrun tan-nazzjon ‘St Andrew’s Day’. F’din il-ġurnata l-istazzjon nazzjonali BBC jiddeika programmi dwar dan il-qaddis kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq ir-radju.

Nafu li bit-teknoloġija tista tifrex il-kuntatti tiegħek mad-dinja kollha. Mezz tajjeb ta’ komunikazzjoni huwa propju dan is-sit li bieħ bosta barranin jagħmlu kuntatt magħna biex jaraw jew jieħdu tagħrif dwar l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u l-Festa tagħna.

Hekk ġara fil-bidu ta’ din il-ġimgħa meta fl-email tagħna nirċievu stedina mill-‘BBC Radio Scotland’ sabiex rappreżentant tagħna jkun ntervistat nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Novembru filgħodu ‘live’ waqt il-programm li jixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa minn Fred McAulay u Julia Sutherland bejn id-9.30 u l-11.00.

Saru l-arranġamenti kollha neċessarji sabiex jsir kollegament telefoniku mill-Iskozja bejn ‘BBC Radio Scotland’ u l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Il-President tagħna Raymond Zammit kellu l-unur li jagħti tagħrif dwar il-festa liturġika u l-attivita li l-Għaqda tagħna torganizza matul l-istess ġimgħa. Ma naqasx li jirreferi għal Festa tagħna li ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.

L-Għaqda tagħna dejjem ppruvat tagħmel rabtiet ma’ bliet, rħula u entitajiet li għandhom rabta ma Sant’ Andrija. Fil-kas tal-Iskozja kellna x-xorti li nilqgħu fostna l-‘Highland Fusiliers’ fl-1952 u l-Banda tal-iskola ta’ Stirling fl-2006. Issa kellna dan l-privileġġ li nwasslu l-leħen tal-Għaqda l-barra minn xtutna fuq ir-radju nazzjonali Skoċċiż.

Għafas hawn taħt biex tisma l-intervista

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.