Kalendarju 2007

Kalendarju 2007 2017-12-31T01:49:22+00:00

Fil-ħarġa tal-Kalendarju għas-sena 2007, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ħasbet sabiex tfakkar xi avvenimenti importanti li seħħew kemm fir-raħal tagħna ta’ Ħal Luqa u anke f’Malta u li fihom kemm hi bħala Soċjeta, kif ukoll il-membri tagħha kienu involuti sew. Dawn l-avvenimenti miġbura hawn seħħew matul l-ewwel 75 sena tagħha u huma xiehda tas-sehem li l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija dejjem kellha mhux biss fl-okkażjonijiet speċjali f’ Ħal Luqa, iżda anke f’dawk nazzjonali.

kalendarju

Ritratt fil-Faċċata

Dehra ġenerali ta’ l-attivita’ fil-jiem tal-Festa ta’ Sant’ Andrija fl-imgħoddi. Jidhru wkoll żewġ bandisti ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, ‘l qatt minsi Carmelo Baldacchino, katubier u Carmelo Manġion, corno.

kalendarju

Dehra ta’ Misraħ il-knisja fil-bidu tas-seklu 20.

kalendarju

kalendarju

Il-Bini tan-Navi tal-Knisja Parrokkjali 1901

F’din is-sena nbeda x-xogħol fuq il-pjanta tal-perit Franġisku Sammut. Dan ix-xogħol kellu jieħu madwar 3 snin, iżda sfortunatament inqala’ diżgwid bejn il-perit u l-imgħallem u wara lid an ix-xogħol waqaf għal xi żmien tkompla mill-imgħallem Franġisku Żammit u ibnu Salvu Żammit, membri ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Fir-ritratt tidher il-knisja parrokkjali qabel u wara li nbnew in-navi u l-Ħalluqin waqt il-bini tagħhom.

kalendarju

Il-Festa u r-Restawr ta’ l-Istatwa Titulari 1913

Illum nafu li din l-istatwa nħadmet mis-Senglejan Ġiuseppe Scolaro fis-sena 1781. Fl-1913 sar restawr fuqha minn Abraham Gatt li għamel ukoll od-disinn tal-pedestal u l-bankun tagħha. Ix-xogħol fuq il-bankun sar minn membru fil-kumitat ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Luca Grixti mgħejjun minn Indri Fenech (Ferrisku) memvru ieħor ta’ l-Għaqda. Għal din l-okkażjoni ndaqqet għall-ewwel darba Kantata lill-Appostlu Sant’ Andrija ta’ Mro Paolo Vella mill-Orkestra Sant’ Andrija.

kalendarju

Inawgurazzjoni ta’ l-Uniformi tal-Banda 1924

F’April sar program mill-Banda Sant’ Andrija fejn kienet imżanżna l-uniformi l-ġdida tal-banda, kif ukoll planċier, sett qniepen u strumenti oħra għall-banda. Fir-ritratt jidhru l-bandisti Rosario Grima u Ġiuseppe Sapiano bl-uniformi, kif ukoll il-banda waqt dan l-istess program f’Misraħ il-Knisja.

kalendarju

Inawgurazzjoni tal-Qniepen tal-Knisja Parrokkjali 1928

F’Ottubru 1928, tbierku l-qniepen il-ġodda mill-Arċisqof Mons. Dun Mauro Caruana fil-preżenza tal-kappillan Dun Ġużepp Magri u l-poplu ta’ Ħal Luqa. Il-Banda Sant’ Andrija ferħet lin-nies preżenti bid-daqq tal-marċi ferrieħa. Fir-ritratt fejn tidher l-qanpiena l-kbira tiela fil-kampnar, naraw lil Ġorġ Pulo li kien membru ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, fuqha jwaddab xi sunetti ta’ l-okkażjoni.

kalendarju

Inawgurazzjoni tal-Każin u l-Festi tas-70 sena 1952

F’Ġunju saru festi kbar fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni tal-Każin il-ġdid ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija f’Misraħ il-Knisja u tfakkru wkoll is-sebgħin sena mit-twaqqif tagħha. F’dawn il-festi, fost l-oħrajn kienu ħadu sehem il-‘Highland Fussiliers’ li għamlu parata fil-pjazza u fost ‘il ħafna baned li ħadu sehem insibu l-Kings Own tal-belt Valletta. Fil-pjazza ntramaw żewġ planċieri kbar u fuqhom daqqew il-baned Kings Own u Sant’ Andrija.

kalendarju

Inawgurazzjoni tal-Planċier Artistiku tal-Banda 1959

Ix-xogħol inbeda fl-1953 fuq disinn ta’ Carmelo Caruana u tlesta fl-1959. Kien inawgurat f’Settembru mill-Ex President tal-Qorti Sir Luigi Camilleri u tbierek mill-Eċċ. Tiegħu Isqof Galea. Dak inhar filgħodu sar marċ mill-Banda Victory tax-Xagħra Għawdex billi kien jaħbat ukoll għeluq il-75 sena minn meta l-Banda Sant’ Andrija kienet l-ewwel banda Ħalluqija li daqqet fil-festi tal-parroċċa, dik tal-Madonna taċ-Ċintura u Titulari ta’ Sant’ Andrija fl-1884.

kalendarju

Ritratt fl-aħħar tal-Kalendarju

Festi ta’ l-Inkurunazzjoni tar-Reġina Eliżabetta II, 11 ta’ Ġunju 1953. L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ipparteċipat b’karru trionfali intitolat ‘Bulwark of the Crown’ li nħadem minn membri ta’ l-istess Għaqda. Il-Banda Sant’ Andrija ħadet sehem fl-isfilata li saret ġewwa l-belt Valletta għal din l-okkażjoni u dak inhar stess filgħaxija esegwiet programm mużikali fil-pjazza tar-raħal. F’dan ir-ritratt jidhru t-tfajliet li kienu ħadu sehem fuq il-karru li huma, Rose Demicoli, Antida Ellul, Iris Seychell, Carmela Sultana, Mary Żarb, Sally Żammit, Mary Ellul u Mary Caruana.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.