Laqgħat bejn il-Kappillan, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u s-Soċjeta’ Filarmonika Unjoni. – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Laqgħat bejn il-Kappillan, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u s-Soċjeta’ Filarmonika Unjoni.

///Laqgħat bejn il-Kappillan, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u s-Soċjeta’ Filarmonika Unjoni.
Laqgħat bejn il-Kappillan, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u s-Soċjeta’ Filarmonika Unjoni. 2017-12-31T01:35:43+00:00

Fuq inizjattiva tal-kappillan, Dun Joe M. Camilleri, saru tnax-il laqgħa bl-iskop li jiġi identifikat x’hemm bżonn isir bejn il-partijiet konċernati sabiex il-festa ssir waħda reliġjuża skond ix-xewqa ta’ dawk li wieġbu għall-kwestjonarju tas-Sinodu Djoċesan. Il-laqgħat imsemmijja saru bejn il-25 ta’ Jannar 2001 u t-22 ta’ Mejju 2002. Dawn il-laqgħat intemmu billi ma ntlaħaqx qbil bejn il-partijiet u l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ma riditx li jiġi ffirmat parti biss minn dak li fuqu saret diskussjoni.

Ir-raġuni għaliex dan il-ftehim ma ġiex iffirmat hija għaliex fil-fatt kien jonqos aktar punti x’jiġu diskussi u miftehma bejn il-partijiet qabel dan jitressaq għal firma. Għal diversi drabi l-Banda Unjoni nsistiet li jekk ma jsirx qbil globali fuq il-proposti kollha dan m’għandux jiġi ffirmat (Referenzi Minuti No2). Fil-verita’ l-punti li sar ftehim fuqhom kienu biss punti ta’ mportanza sekondarja għall-vera problemi li jridu jiġu rranġati fil-festa. Dan għaliex kull fejn sar ftehim kien jinvolvi kważi dejjem iffrankar ta’ flus fin-nar. L-iskop primarju ta’ l-Għaqda tagħna f’dawn il-laqgħat kien li l-festa tkun waħda aktar organizzata min dik li hi llum.

Hawnhekk ta’ min wieħed isemmi dawk il-punti fejn ma sarx qbil fuqhom, sabiex kulħadd ikollu perspettiva aħjar ta’ dak li kien qed jiġri f’dawn il-laqgħat.

Wieħed mill-punti bażiċi kien l-iskop ta’ dan il-ftehim ġdid. Oriġinarjament kien sar qbil li dan il-ftehim ġdid ikun jinkorpora fih kull ftehim preċedenti sabiex minn dan il-ftehim diskuss ‘il quddiem ma jkunx hemm għalfejn tirreferi għal ‘agreements’ preċedenti (Referenzi Minuti No3). Wara diversi laqgħat inbidlet il-fehma tal-Banda Unjoni u riedu li dan li kien qed jiġi diskuss jiżdied ma’ dawk preċedenti (Refernzi Minuti No 4).

L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kienet ressqet proposta sabiex fil-jiem tat-Tridijiet jiġifieri l-Erbgħa, l-Ħamis u l-Ġimgħa fil-ġimgħa tal-festa n-nar kollu li jinħaraq isir minn dak il-każin li jkun ser idoqq f’dik il-ġurnata. Wara diversi diskussjonijiet dwar dan (Referenzi Minuti No5), kien sar qbil li l-Ġimgħa fl-Aħħar Tridu wara l-programm mużikali, kemm-il darba dan isir f’din il-ġurnata, jkun jista’ jaħraq in-nar kulħadd. Hawnhekk inqala’ intopp għaliex il-banda Unjoni riedu li jillimitaw il-ħin tal-programm mużikali sabiex iż-żewġ każini jkunu jistgħu jaħarqu n-nar tagħhom. Hawnhekk l-Għaqda tagħna m’hix taqbel għaliex fl-opinjoni tal-kumitat għandu jkun hemm spazju ta’ ħin mhux ristrett għall-programm mużikali. Hawnhekk ta’ min wieħed ifakkar li l-programm mużikali diġa tneħħa minn Lejliet il-Festa fil-ftehim li sar fl-1985 u għaldaqstant jekk ser nillimitaw kemm dan jista’ jkun twil ser jasal żmien li l-programm mużikali ma jkunx hemm lok għalih fil-festa.

Waqt dawn il-laqgħat kien suġġerit ukoll li l-marċi tas-Sibt filgħaxija banda tibda fit-8.15pm u tispiċċa fil-11.15pm u l-banda l-oħra tibda fid-9.00pm u tispiċċa f’12.00am. B’din il-proposta jkun hemm 45 minuta bejn marċ u ieħor minflok 30 minuta kif jeżisti bħalissa. F’din il-proposta wkoll jissemma’ li l-ħruq tan-nar ta’ l-ajru għandu jispiċċa fil-11.00pm sabiex l-istess nar ma jfixkilx l-andament tal-marċijiet li jkunu għaddejjin. Hawnhekk il-Banda Sant’ Andrija għamlet dan is-suġġeriment sabiex issolvi l-problema li teżisti s-Sibt filgħaxija sabiex taqsam il-pjazza minn naħa għal oħra meta l-ħin huwa daqstant ristrett. B’dispjaċir il-Banda Unjoni nterpretat din il-proposta bħala waħda abbużiva (Referenzi Minuti No6).

Proposta mressqa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kienet sabiex min jispiċċa l-aħħar il-marċ ta’ Lejliet il-Festa jkollu n-nar ta’ l-Art hu. Din il-proposta saret sabiex dak li jispiċċa l-marċ l-ewwel ma jkollux għalfejn jistenna l-banda l-oħra tispiċċa biex jibda n-nar tiegħu iżda tkun il-banda li tispiċċa l-aħħar li tagħmel dan. L-iskop wara din il-proposta hu sabiex tkun eliminata kull tensjoni li tista’ tinħoloq. Hawnhekk saru diversi disjussjonijiet dwar din il-proposta iżda l-banda Unjoni qatt ma bidlet il-pożizzjoni tagħha dwar dan għaliex skond ir-rappreżentanti tagħha ma tara xejn ħażin li wieħed joqgħod fil-pjazza jistenna lill-banda l-oħra. Hawnhekk teżisti inkonsistenza għaliex fuq il-proposta preċedenti l-Banda Unjoni ma qablitx għaliex jekk iddum aktar fil-pjazza ikun hemm lok ta’ abbużi mill-partitarji (Referenzi Minuti No7). Bl-istess raġunar, li żżomm lill-partitarji tiegħek fil-pjazza għal nofs siegħa, sakemm jispiċċa l-marċ tal-banda l-oħra, mhux ukoll ħin li fih tista’ teskala tensjoni żejda?

Proposta oħra mill-Għaqda tagħna kienet li sabiex il-festa tkun ugwali għaż-żewġ każini jew titneħħa l-klawsola mill-ftheim li sar fl-1969 dwar ir-rotta tal-marċ li tagħmel il-banda tagħna s-Sibt u l-banda mistiedna il-Ħadd inkella ikunu ffissati r-rotot għaż-żewġ każini (Referenzi Minuti No8). Fuq din il-proposta l-banda Unjoni ma taqbilx għaliex skond il-kliem li ntqal fid-diskussjoni lilhom ma tolqothomx. Każ ta’ kulħadd iqis qiesu jew skond l-espressjoni bl-Ingliż “I’m all right, **** you Jack!”

Il-Kappillan ressaq proposta sabiex tinbidel ir-rotta tal-purċissjoni sabiex din titgawda aktar minn kulħadd (Referenzi Minuti No9). Wara li aħna evalwajna din il-proposta kienet suġġerita rotta mill-Għaqda tagħna. Ir-Rotta suġġerita’ (Referenzi Minuti No10) kienet : Pjazza Sant’ Andrija, Triq San Ġużepp, Triq San Ġorġ, Triq Sant’ Andrija, Triq il-Karmnu, Triq ir-Rixtellu, Triq San Pawl, Pjazza tal-Knisja u Pjazza Sant’ Andrija. Il-Kappillan ukoll ressaq żewġ rotot alternattivi iżda l-Banda Unjoni ma qablet ma’ l-ebda waħda minnhom għaliex skond ir-rappreżentanti fil-laqgħa kif inhi r-rotta hi tajba (Referenzi Minuti No11).

L-aħħar proposta li saret mill-Għaqda tagħna kienet dik li min ikollu d-dritta jdoqq hu fid-dħul tal-vara fil-knisja dakinhar tal-festa (Refernzi Minuti No12). L-istess proposta tgħid ukoll li min ma jkollux id-dritta jieqaf għaxar minuti qabel u din tiġi alternata ugwalment kull sena. Hawnhekk ma sarx qbil lanqas fuq din il-proposta għaliex skond id-diriġenti tal-Banda Unjoni l-affarijiet kif inhuma qegħdin tajbin (Refernzi Minuti No13). Hawnhekk ta’ min jinnota li dak li qed jiġri fil-preżent huwa li ż-żewġ baned idoqqu flimkien u dan jirrefletti nuqqas ta’ organizazzjoni mill-partijiet konċernati (Referenzi No 14).

Kif tistgħu taraw minn dawn is-seba’ proposti diskussi kien jonqsu mhux ftit biex ikun finalizzat u mressaq għall-approvazzjoni ta’ dawk kollha nvoluti. Ir-rappreżentanti tas-soċjeta’ tagħna, li fosthom kien hemm jien personalment f’dawn il-laqgħat, offrejna kemm-il darba li jekk hemm xi proposta li tista’ tkun partiġġjana aħna lesti li nneħħuha sabiex ma tkunx ta’ ostaklu għal ftehim globali. Min-naħa tal-banda Unjoni dejjem kien hemm l-istess risposta jiġifieri li huma ma jaqblux. Huwa ferm faċli li tgħid li ma taqbilx, iżda meta wieħed iqis l-ispirtu amikevoli li bih kienu qed isiru l-laqgħat, ir-rappreżentanti ta’ l-Għaqda tagħna ppretendejna li għallinqas ikun hemm raġuni waħda li tkun valida għaliex m’hemmx qbil.

Ta’ min jgħid ukoll li l-proposti mressqa f’dawn il-laqgħat kienu kollha min naħa tal-Għaqda tagħna. Il-banda Unjoni jew talbet modifika ta’ xi proposta jew inkella m’aċċettathiex. Fejn kien hemm raġuni valida għalfejn isir dan aħna dejjem konna disposti jew li biddilna l-proposta oriġinali inkellha irtirajniha. Dawk il-proposti li m’hemmx qbil fuqhom ma ntalbet l-ebda modifika u ma ngħatat l-ebda raġuni li tista ssir ħsara lill-festa b’xi waħda minnhom, għaldaqstant ma kienx jemm lok fejn dawn jiġu rtirati sabiex ma jostakolawx l-iffirmar ta’ ftehim ġdid.

Hawnhekk bilfors tagħmel osservazzjoni dwar l-iskop li kull rappreżentant attenda għalih f’dawn il-laqgħat. Li nista’ ngħid min-naħa ta’ l-Għaqda tagħna hu li aħna ressaqna dak li hu ġenwinament ta’ preokkupazzjoni għalina, fejn identifikajna d-diffikultajiet li aħna għandna fl-organizzazzjoni tal-Festa Titulari. Jekk ma kienx hemm rieda tajba li kulħadd jidentifika dan u fejn hu possibli jiġi rranġat aħjar li dawn il-laqgħat ma saru xejn, għaliex ir-riżultat s’issa kien wieħed biss li fetaħ feriti qodma aktar milli fejjaqhom.

F’dawn il-laqgħat issemmew ukoll kemm-il darba arranġamenti preċedenti bejn il-każini. Ta’ min wieħed jgħid li dawn id-diskussjonijiet dejjem saru għax kien hemm xi ħaġa li ma kinitx sejra tajjeb. Possibli allura li fis-sena 2002 fir-raħal tagħna m’aħniex kapaċi nirranġaw dak li qed nidentifikaw bħala mhux tajjeb jew li jista jkun organizzat aħjar. Min-naħa tas-soċejta’ tagħna nista’ nassigura li l-kumitat ħadem kemm felaħ b’moħħ miftuħ sabiex jidentifika fejn hemm x’jiġi rranġat. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa każ tipiku ta’ raġunar li jintuża fil-festa tagħna fejn xi wħud jaħsbu li qed jiċċelebraw il-festa waħedhom u din il-mentalita’ hija ferm diffiċli li tinbidel. Nittama li fil-futur fir-raħal tagħna jkollna nies responsabbli biżżejjed li jifhmu li meta qed taqsam organizazzjoni ta’ festa bejn żewġ partijiet din trid tinqasam ugwali bejn il-partijiet. B’hekk biss tista’ xi darba tiġi eliminata t-tensjoni żejda li jkollna fil-festa tagħna. Is-sena li għaddiet il-partitarji urew kemm huma nies responsabbli fl-imġieba tagħhom waqt il-marċijiet tal-festa, allura bilfors ikollok taħseb li l-ħażin qiegħed fid-diriġenti u mhux fil-membri.

Fil-kontenut ta’ dan l-artikolu qed issir referenza kontinwa għall-minuti ta’ dawn il-laqgħat li iżda minħabba nuqqas ta’ spazju dawn ma jistgħux jiġu pubblikati. Madanakollu jekk xi ħadd huwa nteressat li jkollu kopja tagħhom aħna disposti li nipprovdu dan għas-sodisfazzjoni ta’ min jikkonċernah.

Frank Psaila
Segretarju

Referenzi

Ref 1 minuti 25.01.2001 pg.1 para. 4

Ref 2 minuti 11.02.2001 pg.1 para 4,
minuti 09.04.2001 pg 1 para. 6,
minuti 12.01.2002 pg 3 para. 14

Ref 3 minuti 17.10.2001 pg 2 para. 8,
minuti 21.11.2001 pg 3 para. 9,
minuti 12.12.2001 pg 2 para 5 / 6

Ref 4 minuti 12.12.2001 pg 2 para 4,
minuti 12.01.2001 pg 2 para 14

Ref 5 minuti 11.03.2001 pg 2 para 3 / 4 / 7,
minuti 09.04.2001 pg 1 para. 13,
minuti 09.04.2001 pg 2 para 1 / 2 / 3 / 4 / 5 / 6 / 7 / 8 / 11,
minuti 31.10.2001 pg 1 para 2,
minuti 12.01.2002 pg 1 para 5 / 6 / 7 / 8

Ref 6 minuti 12.01.2002 pg 2 para 8

Ref 7 minuti 11.03.2001 pg 2 para 11,
minuti 17.10.2001 pg 2 para 6,
minuti 21.11.2001 pg1 para 1

Ref 8 minuti 12.12.2001 pg 1 para 7,
minuti 12.12.2001 pg 2 para 3,
minuti 12.01.2002 pg2 para 11,
minuti 12.01.2002 pg 3 para 4 / 11,
minuti 06.02.2002 pg 1 para 3

Ref 9 minuti 11.03.2001 pg 3 para 2

Ref 10 minuti 31.10.2001 pg 2 para 5

Ref 11 minuti 11.03.2001 pg 3 para 3

Ref 12 minuti 31.10.2001 pg2 para 2

Ref 13 minuti 12.01.2002 pg 4 para 6

Ref 14 minuti 12.01.2002 pg 4 para 14

Nota

Dan l-artiklu deher fil-ktieb tal-festa tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija tas-sena 2002. Miktub mis-segretarju dik is-sena stess li saru l-laqgħat, meta l-partijiet preżenti fil-laqgħat kienu għadhom kollha magħna. Meta s-segretarju qed jirreferi għal nuqqas ta’ spazju qed jirreferi għal ktieb tal-festa tal-2002. Iżda dawn il-minuti mhux ser jiġu riprodotti fuq dan is-sit, min jrid kopja jista jitlob waħda min għand il-kumitat rispettiv tiegħu.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
strattera online cheap Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.