Laqmijiet tal-Baned Maltin – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Laqmijiet tal-Baned Maltin

///Laqmijiet tal-Baned Maltin
Laqmijiet tal-Baned Maltin 2017-12-31T01:37:19+00:00

imageBla dubju ta’ xejn l-aktar żewġ laqmijiet magħrufa huma Ta’ l-Istilla u Ta’ L-Ajkla, il-laqmijiet rispettivi tal-baned La Vallette u King’s Own tal-Belt Valletta. Joseph F. Grima jirraġuna li s-sens komun jgħidlek li l-ajkla tfakkar parti mill-arma araldika tal-Gran Mastru La Vallette. Din kienet tinkludi ajkla kulur il-fidda filwaqt li l-istilla tissimbolizza lil San Duminku, il-parroċċa fejn oriġinat il- King’s Own.

Hu jżid jgħid li hemm spjega oħra ta’ kif bdew dawn iż-żewġ laqmijiet. Din hija bbażata fuq ir-rivalita’ bejn il-partitarji tas-surmastrijiet Bugeja u Nani, fost l-aqwa esponenti tal-mużika festiva fil-knejjes dal iż-żmien. Ta’ Bugeja tlaqqmu Ta’ L-Istilla u ta’ Nani ġew magħrufin bħala Ta’ l-Ajkla.

Grima jiżgurana li dawn iż-żewġ laqmijiet xterdu f’diversi lokalitajiet xterdu f’diversi lokalitajiet u f’xi każi ħadu post laqmijiet oħrajn. Iż-żewġ baned ta’ tagħna ta’ Ħal Luqa kienu magħrufin bħala Tal-Faħam (Soc. Fil. L-Unione) u Tas-Surtun (Soc. Fil. San Andrea). Dawn il-laqmijiet oriġinali jagħtu wkoll ħjiel tad-differenzi soċjali bejn l-ewwel partitarji ta’ dawn iż-żewġ baned li llum jgħoddu sew ‘il fuq minn mitt sena kull waħda.

F’Ħal Qormi l-Banda San Ġorġ Martri ħarġet mill-Banda Pinto u għalhekk tlaqqmet Tal-Werqa waqt li l-Banda Pinto, hi magħrufa bħala Tal-Qalba Ġuże’ Cassar Pullicino, li għamel riċerka fuq dan is-suġġett ukoll, jgħidilna li dawn il-laqmijiet bdew meta xi partitarji ffurmaw banda għalihom li kienu jsostnu li bħalma l-werqa toħroġ mill-qalba, tagħhom kienet aqwa!

Dwar dawn iż-żewġ baned hemm twemmin jew superstizzjoni li għandha x’taqsam mal-kuluri li jirrappreżentawhom. Il-kulur tal-banda ta’ San Ġorġ huwa l-aħmar, lewn id-demm. Meta xi partitarji kienu jaqtgħu xi parti min ġisimhom kienu jibqgħu d-dar u ma kienux jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa.

Il-banda ta’ San Bastjan għandha l-aħdar, lewn il-ħaxix. F’jum il-festa ta’ San Bastjan il-partitarji ma kinux isajru ħaxix għax kienu jibżgħu li tilħaqhom xi żvintura.

F’Birkirkara, waħda mill-baned, l-Għaqda Mużikali Sant’ Elena, hija magħrufa bħala Tal-Bagri. X’aktarx li dan il-laqam ġej mill-kelma Ingliza puggaree li tfisser bħal xalpa tal-musulina marbuta madwar elmu tax-xemx. Billi l-bandisti jużaw speċi ta’ żigarella mal-kappell ta’ l-uniformi tagħhom, dawn bdew isejħulhom Tal-Bagri (korruzzjoni ta’ puggaree). Waħda mill-baned l-oħra, id-Duke of Connaught, kienet imlaqqma Ta’ l-Agħma, krudilment, minħabba li l-fundatur tagħha kien nieqes mid-dawl.

Hemm bosta baned f’Malta u Għawdex li ħadu l-laqam tagħhom minn dak tas-surmastrijiet tagħhom. Fost dawn insibu l-Banda Maria Mater Gratiae ta’ Ħaż –Żabbar li kisbet laqamha, Tal-Baqra, mil-laqam (Baqrambu’) tas-surmast Giuseppe Micallef.

F’Ħaż-Żabbar, il-partitarji tal-banda l-oħra, San Mikiel, kienu tellgħu l-bandiera bajda bħala turija ta’ l-indipendenza tagħhom mill-banda l-oħra u baqgħu magħrufin bħala Tal-Bajda .

F’ Għawdex il-laqam tal-Banda Leone, Ta’ Binu , ifakkar lil Giorgio Tabone li għaqqad l-ewwel mużiċisti li ffurmaw il-banda. Ta’ min isemmi li din il-banda mhix imsemmija wara l-Papa Ljun XIII, bħal ma jaħsbu xi wħud, iżda biex juru li ma jibżgħux mill-istilla u li ħadd ma jista’ għall-qawwa ta’ l-iljun.

Jingħad li l-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun tlaqqmet Tat-Tamal minħabba li fil-bini ta’ l-ewwel każin tagħhom kien joqgħod negozjant tat-tamal. Waqt servizz li l-Banda San Ġużepp kellha fil-Furjana kien hemm xi bandist li assenta ruħu u s-surmast ta’ dak iż-żmien, Antonio Miruzzi, keċċa lil dan il-bandist wara li l-kumitat qabel mal-pass li ried jieħu s-surmast. Xi bandisti ħbieb tal-bandist ma qablux ma’ din id-deċiżjoni u telqu mill-każin. Fl-24 ta’ Ġunju,1906 (Jum San Ġwann) dawn il-bandisti waqqfu banda ġdida, il-Banda San Gejtanu. Qrib wieħed mill-każini li kellha din il-banda (xi tliet bibien ‘l isfel mill-każin li għandha llum), kien hemm ċertu Grabiel Azzopardi li kien ibigħ it-tamal (jew l-imqaret tat-tamal) u ta’ San Ġużepp bdew jgħajruhom: ‘Ara fejn sejrin – għand tat-tamal!’ B’hekk nibet dal-laqam.

Ta’ San Gejtanu, biex ipattu għal dan, bdew jgħajru lil ta’ San Ġużepp ‘imsieken’ għaliex il-banda l-ġdida kienet ħaditilhom numru ta’ bandisti u membri u b’hekk tfaċċa l-laqam ta’ l-oħrajn, Tal-Meskina.

Il-Banda l-Isle Adam tar-Rabat (Malta), ħadet il-laqam Ta’ Indri wara l-ewwel surmast tagħha, Andrea (Indri) Borġ. Il-każin tal-Banda Prince of Wales tal-Birgu kienet magħrufa Ta’ Lanżitu. li kien il-laqam ta’ Lorenzo Grima, l-ewwel surmast.

Il-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat (Malta), kisbet il-laqam tagħha, Tal-Lifgħa, minħabba l-patrun tagħha San Pawl li, skond it-tradizzjoni, kien neħħa l-velenu mil-lifgħa li telgħet għal idu, mal-wasla tiegħu f’Malta.

Hemm baned oħra li akkwistaw laqamhom mill-qaddisin patruni tagħhom bħal, per eżempju, il-Banda San Gabriel ta’ Ħal Balzan li hi magħrufa Ta’ l-Arkanġlu,, il-Peace Band tan-Naxxar, Tal-Vitorja, u l-Banda santa Katarina taż-Żurrieq, Tal-Palma, minħabba li Santa Katarina kienet verġni, u l-istatwi tal-qaddisin verġni jidhru jżommu palma f’idhom.

Wieħed mill-każini taż-Żurrieq kien jissejjaħ Tal-Kavallier minħabba li l-ewwwel president kien in-Nobbli Carlo Zimmermann Barbaro li kien ‘Cavaliere del Papa’.

Fil-Kalkara, iż-żewġ għaqdiet huma magħrufin bħala Ta’ Malta u Tas-Sagra Familja. Dan għaliex in-nies tan-naħa t’isfel tal-Kalkara jiċċelebraw il-festa bi statwa ta’ Malta Rebbieħa, nhar ta’ Sibt, waqt li dawk tan-naħa ta’ fuq jiċċelebraw il-festa bi statwa tas-Sagra Familja, nhar ta’ Ġimgħa.

image

 

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.