Niftakru – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta
Niftakru 2017-12-31T20:29:03+00:00

Waħda mill-attivitajiet li kellha l-Banda fl-1998 kienet l-istedina biex il-Banda Żgħażagħ tagħmel progaramm mużikali fil-‘Malta Union Club’ f’tas-Sliema. Dan il-‘Club’ ilu mwaqqaf sa mill-1826 u hu miftuħ għall-membri tiegħu biss. Dan il-‘Club’ minn dejjem kien frekwentat minn nies b’kultura għolja u ħafna minnhom jokkupaw karigi għolja fil-pajjiż. Għalhekk, għall-Banda tagħna, din ma kinitx sempliċement stedina, iżda konferma tal-popolarita li tgawdi l-Banda tagħna u s-surmast tagħha Mro. Paul Schembri.

Il-programm sar nhar il-Ħamis, 15 ta’ Ottubru 1998 fis-sala ewlenija tal-‘Club’. Is-surmast flimkien mal-bandisti u membri tal-kumitat kienu milqugħa miċ-Chairman yal-‘Malta Union Club’, s-Sur D.J. de Maria u s-sinjura tiegħu flimkien ma’ membri oħra tal-Kumitat. Wara li ntroduċihom lill-membri preżenti stieden lis-surmast biex jagħti bidu għall-programm mużikali li kien ħejja flimkien mal-Banda għal dik is-serata. Għal din l-okkażjoni, d-diriġenti tal-‘Club’ ħadu ħsieb jistampaw ‘Souvenir Programme’ li tqassam lil dawk li attendew.

Ma’ l-ewwel noti mużikali li daqqet il-Banda, deher ċar li l-Banda kienet preparata tassew tajjeb u li l-programm kien se jkun ta’ livel għoli. L-applawżi ma qatgħu xejn u dan kompla mela lill-bandisti żgħażagħ b’kunfidenza u kuraġġ, biex finalment is-suċċess kien wieħed kbir.

Il-programm li daqqet il-Banda kien wieħed varjat u li wera l-kapaċita tal-bandisti individwalment u kolletivament. Is-siltiet mużikali li ndaqqu kienu:

programm
Overture – Morning, Noon & Night – F Von Suppe’
Selection – Aida – Giuseppe Verdi
Hungarian Dance – Czardas – V Monti
Sound Track 1492 – Conquest of Paradise – Vangelis
Symphonic March – Deborah – Paul Schembri
Adagio – Spartacus – A Khatcaturian
Musical Theme – Phantom of the Opera – A Lloyd Webber
2nd Mov. Adagio – Clarinet Concerto – A W Mozart
Film Ben Hur – Parade of Charioteers – Milkos Rozsa
Medley – Cole Porter – Sean Trevis
Sonatina – La Tromba Magica – Paul Schembri
Valzer – 20th Anniversary – Paul Schembri
Innu Malti – R Samut

X’ħin il-Banda taż-Żgħażagħ daqqet l-aħħar silta mużikali tagħha, il-Valzer 20th Anniversary dawk preżenti talbu li din terġa’ tindaqq darb’ oħra u oħra!

Fl-aħħar iċ-chairman tal-‘Malta Union Club’, is-sur D J de Maria esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din l-inizjattiva kienet suċċess kbit, filwaqt li rringrazzja lis-surmast Mro Paul Schembri u l-Banda tas-serata divertenti, ferħilhom għall-mod ferm tajjeb li biħ esegwew is-siltiet mużikali, w awgura wkoll li r-rapport bejn iż-żewġ għaqdiet ikompli jikber.

Fl-edizzjoni ta’ Diċembru 1998 tal-ġurnal uffiċċjali tal-‘Malta Union Club’, din l-attivita ġiet rapportata bi prominenza. F’dan ir-rapport, is-sinjura Margaret de Maria espremiet is-sodisfazzjon tagħha u ta’ dawk preżenti għall-mod li biħ ġiet interpretata l-mużika li ndaqqet u rrimarkat dwar l-eta żgħira ta’ uħud mill-bandisti, kellha wkoll kliem ta’ tifħir għas-solisti Christopher Camilleri (Czardas, Clarinet Concerto) u Michael Pulis (La Tromba Magica), u s-surmast Mro Paul Schembri.Ċertament dak li kitbet is-sinjura de Maria, jesprimi s-suċċess miksub mill-Banda taż-Żgħażagħ Sant’ Andrija.

artiklu

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.