Pedestall Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Pedestall Sant’ Andrija

///Pedestall Sant’ Andrija
Pedestall Sant’ Andrija 2017-12-31T20:33:23+00:00

Il-Ħamis, 1 ta’ Lulju 1993

Din il-ġurnata żgur li ser tibqa’ f’moħħ dawk kollha li kienu preżenti fil-Pjazza ta’ Ħal Luqa dak in-nhar. Kienet lejla li fiha ġraw diversi avvenimenti, li kollha kemm huma għollew ġieħ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u ġieħ ir-raħal tagħna.

Din kienet il-ġurnata tant mistennija, il-ġurnata li fiha intlaħaq il-qofol ta’ madwar disa’ xhur xogħol iebes, il-jum li fih kellu jiġi inawgurat il-Pedestall il-ġdid li fuqu kellha titqiegħed l-Istatwa artistika ta’ Sant’ Andrija.

Il-preparamenti għal din il-ġurnata bdew xi ġimgħat qabel. Xi ħadd kien ħareġ b’idea li l-pedestall għandu jinkixef, u għalhekk kellu jiġi mgħotti. Din l-idea intgħoġbot, għax kienet xi ħaġa ġdida. Inxtara d-drapp, issellifna 4 pajpijiet li nżebgħu, sar il-pjan u nhar l-Erbgħa, 30 ta’ Ġunju 1993 twaħħlu l-pajpijiet u tela’ d-drapp.

Dak in-nhar filgħodu (l-erbgħa), għal ħabta tas-7.00am ċempilt lis-Sur M. Camilleri Cauchi biex nara x’ħin kellna mmorru għall-istatwi, li kellhom jintramaw mal-pedestall il-ġdid. Qalbi waqfet x’ħin dan qalli li x’aktarx li waħda biss kienet ser tkun lesta għal għada l-Ħamis, l-1 ta’ Lulju. Tlajt lejn il-Każin u hemmhekk sibt lil sħabi George Bondin, Carmelo Baldacchino, Ġużeppi Attard (il-Buġu) u oħrajn, u għidtilhom bl-aħbar li tani s-sur Camilleri Cauchi. F’kemm ilni ngħid, sibna lil Karmnu Camilleri (ta’ Ritu), irkibna fil-van tiegħu u tlaqna lejn Għawdex. George Bondin baqa’ l-Każin biex jieħu ħsieb jarma’ l-pedestall.

Madwar siegħa u nofs wara, konna Għawdex għand l-istatwarju. Ma kontx naf għandix nifraħ jew nibki: nifraħ għax rajt kapulavur ta’ statwa żul minn hemm, nibki għax dak li konna tant ħdimna għalih kien qed isir suf quddiem għajnejna. Dħalna ġewwa u sibnieh jaħdem fuq l-istatwa l-oħra…. It-tieni waħda. Hemmhekk ikkonfermajna dak li konna ilna naħsbu: li l-istatwi ma konniex ser narawhom l-erbgħa!! Kelma ġġib l-oħra u biex ma ntawwalx, jiena u Ġużeppi il-Buġu iddeċidejna li nibqgħu Għawdex, filwaqt li Carmelo Baldacchino u Karmnu Camilleri reġgħu lura lejn Malta. Bqajna hemm biex nagħtu daqqa t’id lil Camilleri Cauchi. Ġużeppi Attard kien diġa’ tela’ darb’ oħra flimkien ma’ inbu Andrew, u għamlu xi xogħol miegħu.

L-ewwel statwaL-ewwel statwaL-ewwel statwa

Waħħalna l-istatwa fuq il-bażi tagħha, imbgħad bdejna nduruha biex inlestuha għaż-żebgħa. It-tielet statwa kienet mibdija iżda kienet għada lura ħafna. Għalhekk ikkonċentrajna fuq l-ewwel tnejn. Għal xi s-7.00pm ġie missieri Ġużeppi kif ukoll Pawlu Camilleri (il-Kuskusin). Jiena tlaqt lura Malta mal-vapur tal-10.00pm u ħallejt lill-oħrajn hemm. Wasalt id-dar għal ħabta tal-11.00pm, wara li kienu ġew għalija Ġorġ Bondin u Charlie Sultana. Mill-mitluf tieħu li tista’, jgħid il-Malti. U allura aħjar tnejn milli waħda, jew agħar minn hekk, xejn!!

L-għada filgħodu (il-Ħamis), sibt li missieri u l-oħrajn kienu ġew lura. Qaluli li meta telqu (għal xi s-6.00am) iż-żewġ statwi kienu kważi lesti. Tlajt il-pjazza u sibt li l-pedestall kien armat lest, imdawwar bid-drapp. Kollox kien inħejji għal filgħaxija…għajr l-istatwi!! L-aħbar kienet ġriet li żewġ statwi biss kienu lesti. Għal xi d-9.00am irkibna ma’ Indri (in-Noqnoq) u erġajna rħejnilha lejn il-gżira ta’ Għawdex. Kienu kważi lesti. Kulħadd feraħ x’ħin rajnihom. Xtaqna li kienu lesti l-erbgħa, imma….!

Kienu tassew sbieħ. Għal darb’oħra, Michael Camilleri Cauchi kien reġa’ għamilha!! Wasalna Ħal Luqa bl-istatwi għal xi s-2.00pm u sibna ħafna partitarji fil-pjazza jistennewna u fost iċ-ċapċip u l-entużjażmu tagħhom poġġejna dawn iż-żewġ statwi f’posthom. Issa verament kellna kapulavur…ġawhra oħra fil-kullana li għandna għall-festa tar-raħal. Morna għas-sur Ninu Schembri biex jirtokkja l-pedestallata tal-istatwi. Kollox kien inħejji għal filgħaxija. Pjazza armata. Kien jonqos biss li jaqa’ dak id-drapp biex ġawhra oħra tibda’ titgawda mill-pubbliku f’dak il-Misraħ.

Wasal il-ħin tant mistenni. Kulħadd moħħu fil-pedestall. Il-Banda Sant’ Andrija esegwiet programm mużikali fuq il-planċier taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha Paul Schembri. Il-mument tant mistenni wasal ukoll. L-attenzjoni tan-nies li ħonqu l-pjazza tar-raħal dak in-nhar, issa kienet fuq il-pedestall. Kulħadd anzjuż biex dak id-drapp jitwarrab minn nofs, ħalli jinkixef dak li n-nies kienu tant ħerqana biex jaraw.

Ta’ min igħid li għal din l-okkażjoni kienu ġew mistiedna fost l-oħrajn il-Kappillan u l-Kleru tal-parroċċa, Presidenti u Membri Onorarji tal-Għaqda tagħna, kif ukoll dawk kollha li ħadmu fuq dan il-proġett.

Wara li saret introduzzjoni minni, tkellem il-President tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, is-sur Moses A. Zammit, li għamel diskors ta’ l-okkażjoni.

Inawgurazzjoniinawgurazzjoni

Hekk kif il-President temm id-diskors tiegħu, ingħata s-sinjal u filwaqt li ntelqu l-ħbula, id-drapp waqa’ ma’ l-art f’daqqa. Waqt li l-Banda Sant’ Andrija bidet iddoqq fanfarra għall-okkażżjoni, għajnejn kulħadd kienu fuq il-pedestall, sekonda ta’ skiet u l-pjazza nfexxet f’ċapċipa waħda. Wieħed jista’ jimmaġina dak il-mument: banda ddoqq fanfarra, ħruq ta’ musketterija, ċapċip tan-nies. Il-ferħ li ħassejna dak il-ħin ma tantx tista’ tispjegah jew tiddeskrivieh. Dak lit ant konna ħdimna għalih konna ilħaqnieh. Irnexxa. Kienet tassew biċċa xogħol sabiħa, biċċa xogħol li ġiet ammirata minn ħafna nies, xogħol li qala’ t-tifħir ta’ min jifhem, xogħol li twettaq f’disa xhur biss, b’tant sagrifiċċji minn kull minn ħadem fih. Sodisfatti!! Kien suċċess ta’ l-arti u kull sagrifiċċju jew disappunt intesa’. Issa tassew nistgħu inkantaw u ngħidu “XI ĠMIEL TA’ PJAZZA”!

Il-kummenti li smajna dak in-nhar kollha kienu pożittivi, disinn oriġinali ħafna, proporzjonijiet tajbin in relazzjoni mal-pjazza, mal-bqija tal-armar, kif ukoll mal-istatwa ta’ Sant’ Andrija. Ix-xogħol ta’ l-injam, iż-żebgħa, l-iskultura, kollox deher li kien f’postu.

Wara dawk il-mumenti ta’ eċitament il-banda għamlet marċ brijjuż mat-toroq tar-raħal fost il-brijju tal-partitarji li dak in-nhar kellhom verament biex jifirhu u għaliex jiċċelebraw. Iżda kif igħid il-Malti dejjem, ix-xitan m’għandhux ħalib, u dejjem jipprova jdeffes denbu biex iħassar il-festi. Għax appena l-Banda Sant’ Andrija waslet fil-bidu ta’ Triq Dun Pawl bil-marċ, mar id-dawl tar-raħal kollu. Dlam ċappa f’salt wieħed. X’ser nagħmlu? Il-Banda ma waqfitx! Personalment, ħsibt li l-banda ser tagħmel bħal dik id-diska li appena jmur id-dawl, il-mużika tmajna u tieqaf f’salt. Il-banda iżda ma waqfitx! Ma waqfitx? Iva, sewwa qalu. Il-banda baqgħet sejra, il-banda baqgħet sejra bil-marċ li kienet qed iddoqq. Prosit tassew lill-bandisti. F’kemm ilni ngħid, bdew ġejjin il-lampi tal-gas biex il-marċ ikun jista’ jibqa sejjer qisu ma ġara xejn. In-nies ta’ dik it-triq bdew joffrulna l-lampi tagħhom biex il-bandisti tagħna jkunu jistgħu jaraw il-mużika, ħalli huma wkoll igawdu l-marc li kien qed isir. U komplew magħna fost iktar brijju u entużjażmu. Il-Pulizija wkoll xegħlu d-dawl tal-karozzi tagħhom biex idawlu l-pjazza,filwaqt li xi individwi ġabu xi generators tad-dawl. Sa x’ħin il-banda waslet fil-pjazza, permezz tal-generators, iddawwlet il-pjazza u inxtegħlu l-pilandri kif ukoll parti mill-faċċata tal-kazin. Ftit tal-ħin wara, għal ħabta tal-l1.30pm il-provista tal-elettriku giet lura għan-normal, u l-marċ seta’ jintemm b’final liema bħalu, f’Misraħ armat u mżejjen b’mod tassew eleganti u majjestuż.

X’ma jifirħux il-partitarji tagħna, il-membri tagħna u l-Ħal Luqin! Prosit tassew lil kulħadd. Mhux ta’ b’xejn li ġimgħa wara ħarġet l-għajta: “TA’ L-ISTILLA JAFU JORGANIZZAW”

L-ewwel statwa

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.