Messaġġ mill-President Festa 2008

///Messaġġ mill-President Festa 2008
Messaġġ mill-President Festa 2008 2017-12-31T19:00:25+00:00

Ħbieb,

Ġiet u għaddiet festa oħra ad unur l-Appostlu Sant’Andrija, Patrun ta’ Ħal Luqa u ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, festa li għalina kellha sinifikat akbar minn dak ta’ snin oħra, u dan għal diversi raġunijiet. Fakkarna Għeluq il-125 Sena mit-twaqqif uffiċjali ta’ l-Għaqda tagħna b’isem il-Patrun Sant’Andrija fl-1883, u fl-istess waqt fakkarna meta 130 Sena ilu twaqqfet l-ewwel għaqda mużikali Ħalluqija bl-isem ta’ La Stella fl-1878. Kif jixhed il-manuskritt ta’ Noe Ciappara u anki kif konfermat minn Pietru Vassallo wieħed mill-ewwel bandisti tal-Banda L-Unjoni, lejn l-1880 telqu xi bandisti minn ma’ La Stella u bdew idoqqu waqt it-teatrin tal-familja Cremona li kien jisejjah ‘ta’ l-Ajkla’, wara ffurmaw banda u semmewha L-Unjoni għax kienu ngħaqdu ma’ tat-teatrin ta’ l-Ajkla. Din il-banda ħarġet idoqq l-ewwel darba bħala l-Banda l-ġdida, kif sejħula l-gazzetti, f’Diċembru ta’ l-1883. La Stella baqgħet bil-każin fl-istess post fejn kienet sa mill-bidu tagħha fi triq il-Karmnu sakemm, fil-ħin opportun bidlet isimha għal Societa Filarmonica San Andrea, kif baqgħet magħrufa sal-lum. Dawn huma l-fatti bl-iswed fuq l-abjad kif dokumentati ferm tajjeb minn Jesmond Grech l-awtur tal-ktieb, ‘L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija: Twelidha u Ġrajjietha’. Sakemm ma jinstabux fatti ġodda li jikkontradixxu dak li kiteb Noe Ciappara u dak li hu rapurtat li qal Pietru Vassallo fil-ktieb tas-Soċjeta L-Unjoni, issa hu fatt magħruf, li l-Għaqda Mużikali La Stella, li wara ħadet isem il-Patrun Sant’Andrija, hi l-ewwel għaqda mużikali f’Ħal Luqa, kif wara kollox dejjem stqarru u nsistew il-membri tagħna matul is-snin, filwaqt li kienet il-Banda L-Unjoni li ħarġet minn din l-għaqda u ħarġu jdoqqu f’Diċembru 1883.

DAN KOLLU JORBOT PREĊIŻ MAS-SNIN LI FIHOM L-OKKURRENZI TAL-PULIZIJA HUMA NIEQSA, JIĠIFIERI BEJN L-1878 U L-1884 jew tqattgħu kif indika li seħħ fil-kitba tiegħu l-kumitat tas-Soċjeta L-Unjoni ! X’kien fihom jibqa’ għalina misteru, għalkemm is-sur Innocent Camilleri membru fil-kumitat ta’ L-Unjoni, kif għal darb’ oħra hu rrapurtat fil-ktieb tas-Soċjeta L-Unjoni, fl-1978 kien wasal li SAB dawn l-okkurrenzi u rraporta li f’Novembru 1883 kienet il-banda L-Unjoni li talbet il-permess biex iddoqq u dan ma nagħtalhiex. Li kieku isem is-Soċjeta L-Unjoni kien jidher fis-snin ta’ qabel l-1883, nistgħu nibqgħu ċerti li Innocent Camilleri kien jgħaddi t-tagħrif, l-aktar meta wieħed iqis il-kontraversja li kienet għaddejja dwar il-bidu ta’ l-għaqdiet mużikali Ħalluqin. Mela isem min kien jidher f’dawk is-snin bejn l-1878 u l-1883 jekk mhux ta’ L-Unjoni? Tgħid ta’ La Stella? Tgħid għalhekk l-okkurrenzi għal dawk is-snin għosfru, għax xi ħadd ma riedx li jsiru magħrufa l-fatti veri? Il-konkluzjonijiet inħallihom għalikom, pero kif inhuma magħrufa l-fatti llum, hemm indikazzjoni ċara li l-Għaqda li kienet tisemma kienet dik ta’ La Stella u l-banda L-Unjoni ma nagħtatx il-permess biex iddoqq fil-festa ta’ Novembru 1883 għaliex il-permess ingħata lil La Stella li kienet l-aktar waħda anzjana mit-tnejn!.

Fil-jiem li għaddew komplejna biċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ dawn l-anniversarji, komplejna għaliex dawn bdew f’Novembru 2007 u se jibqgħu sejrin sa Novembru 2008. Sintendi diversi anniversarji jkunu ċċelebrati, anki fir-raħal tagħna, pero hemm mod u mod kif tiċċelebra, żgur li l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija tibqa’ fuq quddiem nett għaċ-ċelebrazzjonijiet u l-organizazzjoni tagħhom, u dawn il-festi kienu għal darb’ oħra l-aqwa xiehda ta’ dan. Żgur li l-medjokrita ma sibx postha fi ħdan l-Għaqda tagħna u l-attivitajiet li organizzajna kienu eċċellenti u anki uniċi għar-raħal tagħna. Dan qed ngħidu għal diversi raġunijiet għax nistaqsi, fejn u meta xi soċjeta oħra stiednet fir-raħal għall-anniversarju tagħha jew għal xi ċentinarju baned immexija minn surmastrijiet Ħalluqin, jew daħlet il-belt Valletta bil-banda tagħha u ntlaqgħet mill-President ta’ Malta, jew għamlet Akkademja Mużikali biex tagħti ġieh lil Sant’Andrija bl-innijiet tagħha u tfakkar l-Anniversarju tagħha fil-Knisja, jew kellha x-xorti li l-ftuħ tal-festi tal-125 Anniversarju jsir mill-E.T. Monsinjur Arċisqof, jew għamlet kommemorazzjoni fejn twieldet l-ewwel għaqda mużikali Ħalluqija, il-Luq@nite attivita unika għal Ħal Luqa li ġimgħa wara sar tentattivi biex tkun ikkupjata, jew daqqet sett ta’ marċi kollha kompożizzjoni ta’ surmastrijiet tagħha, jew ħarġet tlett CDs b’kompożizzjonijiet kollha ta’ surmastrijiet tagħha, annu elettroniku, midalja kommemorattiva, bolla ta’ l-okkażjoni, bandalora u standard li jfakkru l-anniversarju, żewġ kanzunetti mill-kantanti bravi Eleanor Cassar u Ludwig Galea, u . . . Xi ngħidu għall-attivitajiet l-oħra li baqa’ fosthom li l-Banda Sant’Andrija ser tkun l-unika banda Ħalluqija li se ddoqq fit-Teatru Manoel, ebda banda oħra Ħalluqija qatt ma daqqet f’dan it-teatru nazzjonali u l-Banda Sant’Andrija se jkolli x-xorti li tagħmel dan għat-tieni darba. Dawn huma l-attivitajiet li jiddistingwu lill-G]aqda Mużikali Sant’Andrija minn kull għaqda oħra fir-raħal, li jagħmlu lil din l-Għaqda tagħna waħda serja u ta’ reputazzjoni kbira. L-Għaqda tagħna ma taħlix l-enerġija tagħha f’xenxilli u ċraret ‘l hawn u ‘l hemm, iżda tinvesti f’riżorsi sabiex torganizza attivitajiet soċjali, kulturali u mużikali li jagħmlu ġieħ lilha, lir-raħal tagħna u fuq kollox li jkunu denji ta’ l-isem tagħha.

Ta’ kull sena fi tmiem il-festa nassistu għaċ-ċerimonja fil-knisja fejn il-kappillan, f’daru, jirringrazzja liż-żewġ għaqdiet mużikali u jippreżentalhom tifkira, xi ħaġa li tant kienet għal qalb Dun Joe u daqstant ieħor hi għal qalb Dun Karm. Aħna meta l-kappillan jkun mistieden f’darna nagħmlu l-istess u ta’ kull sena nippreżentawlu r-rigali u l-għotjiet tagħna, hekk kif għamilna din is-sena wkoll. Ħaddieħor jagħżel li jagħmel dan dakinhar fil-knisja, għad-deher tan-nies u issa din ilha sejra għal dawn l-aħħar snin. Din is-sena reġa’ ġara l-istess u saħansitra ttieħed il-mikrofonu minn id il-kappillan biex xi ħadd iwassal il-messaġġ tiegħu. Sfortunatament dan ma kienx biżejjed u wara ċ-ċerimonja fuq il-presbiterju flimkien mal-kappillan imxejna lejn l-istatwa titulari sabiex id-dilettanti tan-nar ipoġġu l-buketti tagħhom f’riġlejn Sant’Andrija b’ ringrazzjament li kollox kien spiċċa b’wiċċ il-ġid, minkejja l-periklu li jkunu għaddew minnu. Dawk kollha preżenti ċapċpu x’ħin ir-rappreżentant ta’ L-Unjoni poġġa l-bukett tiegħu u l-istess għamlu x’ħin Ivan Sacco f’isem tan-nar ta’ l-għaqda tagħna mar biex ipoġġi l-bukkett tiegħu, iżda dak il-ħin, min jippriedka u jikteb fuq kemm irid u jirsisti sabiex f’Ħal Luqa jkun hawn il-paċi u l-kwiet u fuq kemm l-għaqda tiegħu tagħmel minn kollox biex il-festa tikber u ma tkunx ta’ provokazzjoni, u jittimbra dak li nagħmlu aħna bħala provokazzjoni, ħeġġeġ lil dawk li kienu madwaru, fosthom bla ma nduna kont hemm jien, u qal “Le, le ċċapċpux dawk mhux tag]na!” Meta ġbidtlu l-attenzjoni għal dak li kienu għadu kif qal, weġibni, “mhux veru Ray, dawk mhux tagħna!” u żgur, dawk ma ħadmux, ma rsistewx u ma sograwx ħajjithom għall-festa, dawk mhux Ħalluqin! Għajb u żgur li nirrabja, għax għal darb’ oħra, bl-aktar mod sfaċċat ikkonfermajt li rieda tajba u sinċiera minn dawk konċernati ma hemmx sabiex f’Ħal Luqa l-affarijiet jimxu ‘l quddiem. Biex tasal li anki fil-knisja twassal dawn il-messaġġi negattivi, meta qed nifirħu li kollox għadda b’wiċċ il-ġid, allura nistaqsi barra l-knisja, fit-toroq u fil-każin, x’messaġġi qed jitwasslu? Iżda biex xi ħadd jasal biex jagħmel dawn il-ħwejjeġ jikkonferma kemm ikun iddispjaċut li forsi hu ma rnexxilux jagħmel dak li aħna lkoll flimkien bħala familja waħda li ġġib isem il-Patrun Sant’Andrija wasalna li għamilna, festi kbar li żammewna magħquda u li se jibqgħu jisemmew! Minkejja dan l-inċident xejn pjaċevoli, wara sibt il-ħin u mort fis-sagristija nifraħ lill-Kappillan tal-festi u f’isem l-Għaqda tagħna preżentajtlu DVD b’ ritratti u filmati tal-funzzjonijiet tal-festa fil-Knisja li għal sena oħra xandarna live minn fuq il-website ta’ l-Għaqda tagħ]na, grazzi għall-ħidma kurraġuża ta’ ftit membri.

Ċertament li dawn il-festi se jibqgħu jisemmew u se ndumu nitkellmu dwarhom, partikularment dwar l-istorja ġlorjuża li nkitbet fi ktieb ta’ aktar minn 400 paġna. Mhux hekk biss, iżda minkejja t-tentattivi li saru sabiex l-istorja tkun mistura u mħassra minn min kellu dan l-interess, wasalna biex sirna nafu kif u meta fil-fatt bdew l-għaqdiet mużikali f’Ħal Luqa, xi ħaġa li żgur hi ta’ sodisfazzjon kbir għalina u għal Ħal Luqa kollha.

Sabiex saru dawn il-festi hekk kbar u varjati, kienu nvoluti diversi nies li lkoll flimkien bħala familja waħda ħdimna sabiex kellna s-suċċess mistħoqq għas-sodisfazzjon u l-pjaċir ta’ kulħadd. Is-sezzjonijiet kollha, taż-żgħażagħ, tan-nisa, tan-nar u ta’ l-armar flimkien mal-bandisti tal-post u s-surmast direttur kollha ħejjew l-attivitajiet tagħhom li kollha kienu suċċess u għamlu unur lill-Għaqda tagħna.

Zgur li wara s-suċċess li kisbet il-banda tagħna fl-Akkademja mużikali fil-knisja parrokkjali, daqstant ieħor għamlet suċċess fil-programm vokali u strumentali li tellgħet taħt il-Patroċinju ta’ l-E.T. Il-President ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju. Prosit kbira tmur lis-surmast Mro Paul Schembri u l-bandisti ferm bravi tagħna li taw is-sehem sħiħ tagħhom. Il-marċi li għamlet il-banda tagħna, kienu milqugħha b’entużjażmu kbir, kien pjaċir tara folla entużjażmata mimlija enerġija żagħżugħa, tipparteċipa u tkanta waqt il-marċi brijużi tagħna speċjalment x’ħin ikunu għaddejin miż-żewġ pjazzez tar-raħal. Is-Sibt l-entużjażmu kien wieħed fenominali, u bir-raġun, għaliex it-tlugħ ta’ l-istatwa ta’ Sant’ Andrija f’lejlet il-festa tiegħu hi okkażjoni unika għall-Ħalluqin u li tkun mistennija minn sena għall-oħra. Għal dawk il-ftit li jkunu preżenti fil-pjazzez u ma jħossux bħalna dik il-ġibda lejn Sant’Andrija, din l-okkażjoni taf tkun bla interess u li ma tfisser xejn, u jieħdu pjaċir biċ-ċelebrazzjonijiet tal-weraq tal-palm, ċraret, karti u dwal kuluriti jteptpu. Iżda l-Ħalluqin veri jipparteżipaw u jingħaqdu flimkien sabiex jonoraw lill-Patrun tagħhom Sant’Andrija flimkien mal-banda li ġġib ismu.

Għaddew 15-il sena minn meta l-kolonna majestuża ta’ Sant’Andrija kienet inawgurata u bla ma qatt sar ebda intervent fuqha tul dawn is-snin, u bla ma qatt kellha għal fejn tiġi nawgurata għal darb’ oħra, għadha meqjusa mid-dilettanti Maltin u Għawdxin bħala l-isbaħ kolonna fir-raħal tagħna u fost l-isbaħ fil-gżejjer tagħna! Id-dilettanti ta’ l-armar din is-sena reġgħu tawna xogħol ġdid ieħor, sett ta’ pavaljuni ġodda għat-triq id-9 ta’ April, li sfortunatamnet minħabba r-riħ li għamel ma setgħux jintramaw kollha, u ntrama biss l-ewwel wieħed li kien lest bil-pittura wkoll. Mill-kummenti li tawna d-dilettanti dan intlaqa’ tajjeb ħafna u żgur li se jkun sett majestuż u uniku fir-raħal tagħna, għax hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu bil-pittura li se tkun tirrapreżenta episodji mill-ħajja ta’ Sant’Andrija, xogħol l-artist bravu Adonai Camilleri Cauchi.

Id-dilettanti tan-nar, minkejja l-intoppi li ltaqgħu magħhom matul din is-sena, ħejjew programm kbir u varjat li nfirex tul il-ġimgha tal-festa u anki fil-jiem li fihom fakkarna l-125 Anniversarju. Din is-sena l-ħidma tagħhom tat il-frott mixtieq u nistgħu ngħidu li r-riżultati kienu tajbin ħafna kif stqarrew diversi nies li assistew għall-ħarqa tad-dilettanti tagħna. L-istess jista’ jingħad għall-ħarqa tan-nar ta’ l-art li saret lejlet il-festa, ħarqa varjata li rnexxiet sforz il-ħidma kolettiva ta’ ħafna nies, kemm dawk li ħadmu matul din is-sena, kif ukoll dawk li ħadmu fis-snin li għaddew. Minn qalbi għal darb’ oħra nirringrazzjhom ilkoll.

Barra dawn is-sezzjonijiet nirringrazzja wkoll liż-żgħażagħ tagħna li ħadu diversi inizjattivi u nawguralhom sabiex il-pjanijiet li għandhom għax-xhur li ġejjin meta se jfakkru għeluq il-15-il Sena mit-twaqqif ta’ l-ewwel sezzjoni taż-żgħażagħ f’Ħal Luqa jkunu suċċess. Nirringrazzja lis-sezzjoni tan-nisa li l-parteċipazzjoni tagħhom hi waħda indispensabbli għas-Soċjeta u li wara aktar minn 25 sena għadhom attivi daqs qabel.

Il-kapitlu tal-festa ta’ din is-sena għall-Għaqda tagħna u Ħal Luqa ngħalaq nhar it-Tnejn 7 ta’ Lulju, bl-aktar mod edifikanti, meta bħalma sar dejjem għal dawn l-aħħar 29 sena, l-Ħalluqin ħonqu l-pjazza sabiex jagħtu l-aħħar tislima lill-Patrun ħhom Sant’Andrija bl-inżul u d-daħla trijonfali ta’ l-istatwa tiegħu fil-każin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija, dan minkejja l-ħafna tfixkil li sar u għadu jsiru sabiex din it-tradizzjoni hekk unika u ewlennija f’Ħal Luqa tiċċajpar ma’ l-awtoritajiet.

Obbligat li nirringrazzja wkoll f’isem sħabi u s-Soċjeta lil dawk kollha li ngħaqdu magħna f’dawn l-attivitajiet u lil dawk kollha li wasslulna l-awguri tagħhom u għoġobhom jagħtuna tifkiriet ta’ l-okkażjoni u lill-benefatturi kollha ta’ l-Għaqda tagħna li jżommuha għadejja u mixja ‘l quddiem. Nirringrazzja wkoll lill-Kappillan u l-kleru kollu, lis-Sindku u l-kunsilliera ta’ l-għajnuna tagħhom, kif ukoll lill-memebri tal-korp tal-pulizija ta’ l-għajnuna tagħhom u nifirħilhom għall-mod dixxiplinat li bih mexxew il-festi esterni u li dejjem għarfu jieħdu l-passi neċessarji biex kulħadd seta’ jgawdi l-festa b’mod xieraq.

Kienu tlett ġimgħat ta’ attivitajiet kontinwi u b’sodisfazzjoin ilkoll flimkien bqajna magħquda biex tajna pjaċir lil kullmin ġie jipparteċipa magħna f’dawn il-festi u lil kullmin ġie sabiex jara u jammira l-organizazzjoni stupenda li l-Għaqda tagħna hi tant magħrufa għaliha. Ħaddieħor meta jarana hekk magħquda bir-raġun jinkwieta u jipprova b’kull mod possibli jfixkilna u jilbes l-ilbies tal-ħaruf biex jinganna, iżda issa dawn il-manuvri saru komuni wisq u ma baqgħax lok għalihom fir-raħal, l-irgulija u s-serjeta l-Ħalluqin jafu fejn tinsab, u daqstant ieħor aħna nafu, min verament hu sinċier u min verament irrid li f’Ħal Luqa jsir il-progress fil-paċi u l-kwiet, progress li l-Ħalluqin ta’ rieda tajba tant jixtiequ.

Fl-aħħarnet nirringrazzja lill-ħabib tiegħi s-segretarju Pierre Fava, li minkejja t-telfa ferm kbira li ġarrab hu u l-familja tiegħu, bi sforz kbir kompla bil-ħidma tiegħu sabiex il-festi li kellna mħejija komplejniehom b’suċċess, kif ukoll lil Albert Fava. Nirringrazzja wkoll lill-kaxxier tagħna George Mifsud għax-xogħol tiegħu u l-enerġija li għandu u li tispirana lkoll. Xejn anqas grazzi lill-membri tal-Kummissjoni 125 Sena, Albert Fava, Charles Attard u Martin Degabriele u l-membri kollha tal-kumitat ta’ l-appoġġ u l-ħidma kontinwa tagħhom u lill-membri u benefatturi kollha, nirringrazzjhom għaliex ilkoll flimkien bis-sinċerita kollha naħdmu sabiex nuru fid-deher lil kulħadd l-imħabba kbira li għandna lejn il-Patrun tagħna Sant’Andrija u xejn u ħadd m’hu se jħamrilna wiċċna b’dan!

Grazzi mill-qalb u nistedinkom sabiex fix-xhur li ġejjin tkomplu tiċċelebraw magħna dawn l-anniversarji hekk speċjali għalina u għal Ħal Luqa, ta’ l-Għaqda Mużikali tal-Patrun u tal-Ħalluqin.

Tislijiet u saħħiet,

Raymond Zammit President

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.